AKTAR MINN LM9 MILJUN F’GĦAJNUNA LIL MIN IKABBAR IL-PATATA
Filwaqt li l-Gvern se jibqa’ jagħti l-għajnuna tiegħu biex il-patata li titkabbar għall-esportazzjoni tibqa’ ġġib l-aħjar prezz possibbli, lest li fuq perjodu ta’ 12-il sena, jagħti għajnuna finanzjarja ta’ aktar minn Lm9 miljun, kemm biex tagħmel tajjeb għat-tneħħija gradwali tal-levies, kif ukoll biex ikunu megħjuna jkomplu jtejbu l-kwalità tal-prodott u biex isibu swieq ġodda b’mod partikolari permezz tal-għaqdiet tal-produtturi, li jistgħu jwaqqfu bejniethom.
Dan qalu l-Ministru ta’ l-Agrikoltura u Sajd, l-Onor. Ninu Zammit meta dalgħodu żar il-grading station f’Ta’ Qali, fejn bħalissa qed issir l-għażla tal-patata li qed tkun esportata lejn l-Olanda.
Il-Ministru Zammit qal li, minkejja li għat-tieni sena konsekuttiva kellna nuqqas ta’ xita, u minkejja li f’dawn l-aħħar ġimgħat il-patata sofriet ħafna ħsara bir-riħ, xorta waħda mistennija jkunu msiefra bejn 5,000 u 6,000 tunnellata patata. S’issa diġà kienu esportati 4,430 tunnellata.
Hu kompla li s-suċċess ta’ dan in-negozju jiddependi minn diversi fatturi, fosthom il-kwalità tal-prodott u l-fatt li l-patata għall-esportazzjoni trid tilħaq fiż-żmien adatt u ideali, jiġifieri bikri kemm jista’ jkun. Il-Ministru Zammit fakkar li sal-lum l-esportazzjoni tal-patata għadu responsabbli minnha l-Gvern, li jfittex is-swieq u l-aħjar prezzijiet permezz ta’ l-Agricultural Export Marketing Board.
Hu enfasizza l-ħtieġa li l-prodott Malti jibqa’ jkun wieħed ta’ l-ogħla kwalità b’mod partikulari fid-dawl tal-kompetizzjoni li qed dejjem tikber, kif ukoll għall-fatt li l-barranin qed isiru ferm aktar konxji minn saħħithom u mill-ambjent. Biex din il-kwalità tibqa’ tkun assigurata, mhux biss qed ikunu introdotti varjetajiet ġodda ta’ patata, li huma aktar reżistenti għall-mard u allura jirrikjedu anqas bexx, iżda wkoll ittieħdu passi biex il-prodott ikun identifikat ma’ min ikabbru tul il-proċess kollu, minn x’ħin jitkabbar sakemm jasal fid-destinazzjoni aħħarija tiegħu.
Il-Ministru Zammit qal li din l-operazzjoni titlob organizzazzjoni sħiħa, b’esperjenza u serja, biex wara għażla xierqa u responsabbli tal-patata, din tasal fl-aħjar kundizzjoni għand il-konsumatur Ewropew qabel dik tal-pajjiżi ġirien tagħna, permezz ta’ pjan loġistiku u mħejji b’reqqa biex tikseb l-ogħla prezzijiet. Hu fattur ukoll importanti ħafna li akkost ta’ kollox il-prodott kollu jasal l-Olanda sa l-aħħar ta’ Mejju biex ikun evitat ħlas ta’ 21 fil-mija dazju għall-prodotti esportati lejn l-EU. Dan id-dazju jispiċċa wkoll meta Malta tissieħeb fl-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru ta’ l-Agrikoltura irrifera għall-ftehim il-ġdid dwar l-esportazzjoni tal-patata ta’ Malta, u fakkar li permezz ta’ dan il-ftehim din is-sena diġà ġew imsiefra bi prova madwar 200 tunnellata patata ta’ varjetajiet ġodda, apparti l 2,014 tunnellata Alpha u 2,215 tunnellata Santè. Hu qal ukoll li minbarra li jippermetti safar ta’ 6,500 tunnellata patata bi prezzijiet minimi garantiti, dan il-ftehim jagħti ċans ukoll lil esportaturi prospettivi, inkluż l-għaqdiet tal-bdiewa, biex isiefru 500 tunnellata oħra u hekk ikunu jistgħu jħejju għal meta l-esportazzjoni ta’ dan il-prodott tkun liberalizzata.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN