Left arrow Mur Lura

INDIRIZZ TA’ L-E.T. IL-PROF. GUIDO DE MARCO, PRESIDENT TA’ MALTA, LILL-KUNSILL MALTI GĦALL-IŻVILUPP EKONOMIKU U SOĊJALI FL-OKKAŻJONI TA’ JUM IL-ĦADDIEM, FLORIANA, MALTA IT-TLIETA, 30 TA’ APRIL, 2002

PR594
Date Icon 30/04/2002

Professur Scicluna,
Imsieħba soċjali,
Membri,
Sinjuri, 

Nirringrazzjakom ta’ din l-istedina biex naqsam magħkom il-ħsibijiet tiegħi fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħaddiem.  Il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (l-MCESD) huwa forum importanti fejn il-President tar-Repubblika jista’ jwassal messaġġ ta’ unita’ ta’ rieda tal-membri kollha tas-soċjeta’ sabiex flimkien inkomplu mmexxu ’l quddiem lil pajjiżna permezz tax-xogħol. 

Il-Unions, l-għaqdiet ta’ min iħaddem u l-Gvern, jirrappreżentaw interessi differenti imma konverġenti.  Aħna lkoll għandna l-interess ewlieni li naraw li f’pajjiżna titħaddan ġustizzja soċjali waqt li l-ekonomija tagħna tkun waħda sostenibbli u kompetittiva fil-kontest ta’ ekonomija globalizzata.   

It-twaqqif tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku (l-MCED), tlettax-il sena ilu, kien jirriffletti l-bżonn ta’ djalogu bejn l-imsieħba soċjali, bejn dawk il-komponenti tas-soċjeta’ li l-iżjed għandhom x’jaqsmu max-xogħol fil-pajjiż.  Kien proċess ġdid u twaqqaf wara li l-partijiet soċjali wrew diverġenzi sostanzjali f’bosta kwistjonijiet li jeffettwaw lill-membri tagħhom.  Dan il-proċess ta’ djalogu u konsultazzjoni huwa mod ċivili kif jiltaqgħu espressjonijiet ta’ interessi varji;  huwa tassew espressjoni ta’ demokrazija fejn għandkom l-opportunita’ tesprimu u tinfluwenzaw bl-opinjonijiet tagħkom kwistjonijiet u deċiżjonijiet importanti għall-poplu kollu. 

L-inkorporazzjoni ta’ kumitat tas-soċjeta’ ċivili fi ħdan l-MCESD huwa rikonoxximent ċar tar-rwol li għandu kulħadd, kull membru tas-soċjeta’, fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali tagħna.  Dan jixhed l-għaqda bejn interessi, fatturi u żviluppi ekonomiċi ma’ realtijiet soċjali fil-pajjiż.  Ma nistgħux nitkellmu dwar żvilupp ekonomiku jew direzzjoni politika u ekonomika mingħajr ma nikkunsidraw l-impatt soċjali li dawn jista’ jkollhom.   

Għada Jum il-Ħaddiem.  X’qed niċċelebraw f’Jum il-Ħaddiem?   Qed infakkru il-kisba tad-drittijiet?  Qed infakkru l-għemejjel ta’ xogħol li bihom ilkoll irnexxielna mmexxu lil pajjiżna ’l quddiem sa mill-Indipendenza ’l hawn?  Qed nistqarru t-twemmin tagħna fil-valuri tax-xogħol, fid-drittijiet u fid-dmirijiet tad-dinja tax-xogħol?  Naħseb li qed nagħmlu dan kollu, u iżjed minn hekk ukoll. 

Jum il-Ħaddiem hija festa ta’ kulħadd.  Tappartjeni lilna lkoll.  Tappartjeni lil kull min jaħdem u jikkontribwixxi għall-ġid tal-pajjiż.  Għax kull min jaħdem huwa ħaddiem.   

Tappartjeni lit-Trade Unions li jirrappreżentaw lil eluf kbar ta’ ħaddiema f’kull settur tad-dinja tax-xogħol.  Permezz tal-Unions, inkisbu u tħarsu bosta drittijiet tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol u lil hinn minnu.  Il-Unions huma parti integrali fil-bilanċ ta’ interessi li jinħoloq u jitħaddem fid-dinja tax-xogħol. 

Jum il-Ħaddiem hu tassew ċelebrazzjoni tal-membri tagħkom il-unions, li jafdaw fikom li tirrappreżentawhom, li jfittxu fikom pariri u sostenn morali, li jaraw fl-għaqda s-saħħa tal-ħafna, li permezz ta’ din l-għaqda jfittxu ġustizzja ta’ drittijiet u ta’ doveri.  Għax il-Unions għandhom rwol li jmur ’l hemm milli biss ġlieda ghad-drittijiet fuq il-post tax-xogħol.  Għalkemm dan huwa essenzjali, il-Unions jirrappreżentaw ukoll kultura ta’ ħajja, għaqda ta’ nies li jaqsmu flimkien esperjenzi u opinjonijiet.  Minn dan id-djalogu intern fost il-unions, mill-esperjenzi varji ta’ negozjati ma’ entitajiet oħra, il-unions qegħdin f’pożizzjoni li jagħrfu tajjeb x’tirrikjedi mill-ħaddiema d-dinja tax-xogħol illum;  il-unions qegħdin f’pożizzjoni li jagħrfu sewwa l-etika ta’ xogħol li jeħtieġ iħaddnu l-ħaddiema.  F’dan il-kontest, naħseb li l-unions jedukaw ukoll lill-membri tagħhom. 

Ix-xogħol huwa pilastru ta’ ħidma u ta’ valuri li fuqu jistrieħ il-pajjiż.  Ix-xogħol huwa parti essenzjali fil-ħajja tal-bniedem.  Il-ħaddiem iħaddan bis-sħiħ il-valuri tax-xogħol.  Il-ħaddiem huwa l-veikolu privileġġat, jekk hekk nista’ nsejjaħlu, ta’ dawn il-valuri.  Kulħadd għandu kapaċitajiet partikolari;  kulħadd għandu jagħraf li bix-xogħol tiegħu qed jgħin biex isaħħaħ it-tessut tas-soċjeta’. 

Fit-tessut tas-soċjeta’, għandu rwol importanti kull min iħaddem.  Fl-interess tagħkom hu li jkun hawn ħaddiema effiċjenti u ta’ kapaċita’, li huma tajbin fis-snajja tagħhom, li għandhom edukazzjoni li tagħtihom preparazzjoni xierqa għax-xogħol tagħhom, u fuq kollox li huma motivati  u jħaddnu etika valida ta’ xogħol.   

Fil-kariga tiegħi ta’ President, jien niltaqa’ regolarment ukoll ma’ l-assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem li jesprimuli preokkupazzjonijiet leġittimi u aspirazzjonijiet leġittimi.  Min iħaddem jinvesti u jieħu riskju.  Min iħaddem ifittex swieq u opportunitajiet ta’ negozju, servizzi u kummerċ kemm f’Malta u ’l hemm minn xtutna.  Min iħaddem għandu interess li jara li l-investimenti tiegħu jew tagħha jrendu profitt mistħoqq, mhux a skapitu tal-ħaddiema, imma f’partnership veru mal-ħaddiema.  Flimkien magħhom irid jinbena n-negozju u jitkabbar l-investiment.  Forsi mhux dejjem valutat biżżejjed dan il-qasam ta’ l-imprenditorija.  Kemm ifisser taħbit u xi drabi oriġinalita’ ta’ ħsieb kif tressaq ordnijiet lejn Malta minn pajjiżi oħra.   

Irrid ngħid li fiż-żjarat statali u uffiċjali li nagħmel, aspett importanti tagħhom huwa dak li noħloq kontatti u inkontri bejn l-industrija u l-kummerċ ta’ Malta ma’ dawk tal-pajjiżi li nkun qiegħed inżur.  Hekk dawn iż-żjarat jingħataw mhux biss valur u sinjifikat politiku, iżda wkoll wieħed ekonomiku u soċjali. 

Ippermettuli digressjoni żgħira.  Jiena nemmen li l-ikbar investiment fil-pajjiż hu dak li jsir fil-kamp ta’ l-edukazzjoni.  Investiment fl-edukazzjoni huwa investiment fil-ġejjieni.  Tul dawn l-aħħar snin, naħseb li saret qabża kwalitattiva fl-edukazzjoni fil-pajjiż.  Imma nibqa’ mħasseb minn ċertu indikazzjonijiet li qed jintilfu xi żgħażagħ mix-xibka ta’ l-edukazzjoni.  Imħasseb, fuq kollox, għall-futur tagħhom.   

Qed insemmi dan il-punt għaliex nemmen li għadu jeżisti miżura ta’ distakk bejn l-edukazzjoni u l-bżonnijiet tad-dinja tax-xogħol.  Min jistudja għad irid jaffaċċja r-realtajiet tax-xogħol.  Fl-interess ta’ min qed jistudja, u wkoll fl-interess ta’ min se jħaddem lil dawn l-individwi, li l-edukazzjoni tkun preparazzjoni xierqa għal ħajja ta’ ħidma.  Nemmen li jista’ dejjem isir iżjed sabiex min iħaddem ikun jista’ jagħmel użu aħjar mir-riżorsi umani tagħna.  Mill-banda l-oħra, iż-żgħażagħ li jidħlu għax-xogħol, ikunu jistgħu joffru servizz aħjar fil-waqt li jkunu jistgħu jissodisfaw aħjar l-aspirazzjonijiet tagħhom għal ħajja ta’ stabbilita’.   

Ninnota b’sodisfazzjon li bosta huma l-opportunitajiet ta’ taħriġ li qed jiġu offerti f’ħafna postijiet tax-xogħol.  Fil-fatt, l-edukazzjoni u t-taħriġ huma fatturi ta’ kontinwita’ fil-ħajja tal-bniedem.  F’dan ir-rigward, l-investiment li qed isir minn min iħaddem huwa espressjoni vera ta’ fiduċja fil-potenzjali u l-kapaċitajiet tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin. 

L-ikbar entita’ li tħaddem fil-pajjiż huwa l-Gvern.  Mhux biss għandu l-interess tal-ħaddiema taċ-ċivil f’idejh, imma l-Gvern jirrappreżenta wkoll koagulant bejn l-interessi varji tal-membri kollha tas-soċjeta’.  Il-Gvern irid jżomm bilanċ bejn neċessitajiet ekonomiċi u bżonnijiet soċjali.   

Gvern demokratikament elett mill-maġġoranza tal-poplu għandu d-dmir li jwettaq il-programm elettorali tiegħu.  Ma jfissirx li m’għandux iħares u jadegwa ruħu għal ċirkostanzi u bżonnijiet partikolari.  Anzi, id-djalogu ma’ l-imsieħba soċjali huwa intiż li jwassal għal dan.   

Hu rikonoxxut f’demokrazija li l-Gvern tal-ġurnata għandu r-responsabilita’ li jieħu deċiżjonijiet nazzjonali, li jmexxi u li jiggverna lill-pajjiż.  Mandat elettorali mill-maġġoranza tal-poplu huwa wegħda politika lill-pajjiż;  mandat elettorali huwa direzzjoni ċara lill-pajjiż.  Gvern demokratikament elett dan qatt ma jista’ jiċħdu għax il-Gvern jiġi ġudikat f’elezzjoni skond kemm irnexxielu jiggverna tajjeb, immexxi fuq il-binarji tal-programm elettorali tiegħu. 

F’dan il-Kunsill, ir-rappreżentanti għandhom l-opportunita’ li jfissru l-opinjonijiet u l-ideat tagħhom skond l-interessi partikolari tal-membri tagħhom.  Hawnhekk tinstab espressjoni ċivili ta’ demokrazija: kulħadd għandu l-opportunita’, id-dritt u d-dmir li jwassal il-fehma tiegħu. 

Diskussjoni fi ħdan il-Kunsill ma jfissirx qbil totali bejn ir-rappreżentanti fil-Kunsill.  Inkunu qed nippretendu forsi l-impossibbli.  Imma għandna nirrikonoxxu li lkoll - il-Gvern, it-Trade Unions, l-għaqdiet ta’ min iħaddem, is-soċjeta’ ċivili - qed niġbdu l-istess ħabel, qed ngħixu fl-istess pajjiż, qed inħaddmu l-istess ekonomija.  Ma jistax ikun hawn ftehim bejn il-partijiet li joħloq żbilanċ ta’ drittijiet, fejn parti tavvantaġġa ruħha a skapitu ta’ ħaddieħor.  F’każijiet simili, ir-riżultati negattivi huma prevedibbli u naħseb li huwa għaqal li dan ma jseħħx. 

Minkejja nuqqas ta’ ftehim fuq ċertu kwistjonijiet fl-MCESD, naħseb li kapaċi jinkisbu iżjed pożizzjonijiet ta’ konvergenza.  Il-potenzjal ta’ dan il-Kunsill huwa kbir.  Forsi ta’ min wieħed jikkonsidra l-fatt li tajjeb li ma joħorġux biss bullettini ta’ nuqqas ta’ qbil fil-Kunsill, imma meta jkun hemm qbil, dan jingħata l-importanza mistħoqqa. 

Il-kontribut validu tagħkom ilkoll huwa neċessarju u bżonnjuż.  Il-kwistjonijiet li tiddiskutu hawnhekk jolqtu direttament il-ġejjieni ekonomiku ta’ pajjiżna.  Minn hawnhekk għad forsi jistgħu joħorġu ideat dwar kif tista’ dejjem tittejjeb il-produttivita’ f’bosta oqsma ta’ xogħol.  Minn hawn ġew, forsi għad joħroġ konsensus dwar kif il-benefiċċji li qed igawdu minnhom ħafna nies illum, ikunu jistgħu jkomplu jgawduhom uliedna mingħajr ma jħallsu prezz soċjalment u ekonomikament għoli.   

Nagħrfu llum li d-dinja ta’ madwarna nbidlet u qed tinbidel kontinwament.  U l-iżvilupp ta’ pajjiżna ma jseħħx f’iżolament.  Aħna influwenzati sewwa mill-proċess ta’ tibdil fl-ekonomija, fil-kultura u fis-soċjeta’ miġjuba mill-globalizzazzjoni.  Għandna nirrispondu għall-isfidi tal-ġejjieni b’mentalita’ ġdida u flessibli; fil-waqt li nibqgħu sodi fil-valuri tal-formazzjoni tagħna, ma nħallux li l-esperjenzi tal-passat ikunu ta’ xkiel għall-ġejjieni.  Għaddejna mir-rivoluzzjoni industrijali, u esperjenzajna r-rivoluzzjoni tekonoloġika u dik ta’ l-informatika.  Għandna nkunu preparati biex nirkbu l-isfidi tar-rivoluzzjoni li jmiss, u huwa fid-dover tagħna lkoll li lin-nies tax-xogħol narmawhom bl-għodda ta’ l-għaqal u l-edukazzjoni biex bħala nazzjon magħqud inkunu nistgħu naħtfu l-opportunitajiet li se jkollna quddiemna.  F’dan il-kontest, l-MCESD għandha responsabbilita’ ewlenija. 

Kelma ta’ l-aħħar:  id-djalogu li jseħħ fi ħdan il-Kunsill jirrappreżenta proċess ta’ responsabilizzazzjoni;  għax dan id-djalogu huwa l-ewwel u qabel kollox stqarrija ċara li spiċċat ir-rilevanza ta’ ideologiji ta’ konfrontazzjoni.  Jibqgħu jeżistu u jitħaddnu ideat differenti.  Imma l-konfrontazzjoni li toħloq tensjoni soċjali m’hawnx lok għaliha f’pajjiż modern li jrid jissoppravvivi l-isfidi tat-tielet millennju. 

Aħna pajjiż ta’ ħaddiema.  Pajjiżna mibni fuq ix-xogħol, fuq il-ħidma ta’ kull wieħed u waħda minna.  Għada l-festa tal-politiku ħaddiem, tat-tradeunjonijsta ħaddiem, tal-pensjonant ħaddiem, tal-bennej ħaddiem, tal-kuntrattur ħaddiem, tal-mara tad-dar ħaddiema.   

Nawgura lilkom u lill-poplu Malti kollu li f’dan il-Jum nirriflettu sewwa fuq il-kisbiet tal-ħaddiema, il-valur tax-xogħol u l-futur tal-ħaddiema f’pajjiżna.
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow