Left arrow Mur Lura

Ftuħ ta' Wirja f'San Anton

PR579
Date Icon 29/04/2002

Il-Malta Fancy Poultry and Pigeon Club organizza wirja ta' tiġieġ u tjur varji bħala parti mill-attivitajiet li torganizza kull sena din l-assoċjazzjoni. Il-wirja kienet miftuħa għall-publiku mis-Sibt 27 sal-Ħadd 28 t'April, fil-Ġonna ta' San Anton, Attard.

Il-Ministru Louis Galea li fetaħ din il-wirja faħħar lill-organizzaturi u b'mod partikolari lill-parteċipanti għad-dedikazzjoni li juru f'dan id-delizzju tat-trobbija ta' dawn it-tjur partikolari. F'din il-wirja wieħed isib tiġieġ zgħar (bantam), tiġieġ kbar (large fowl), ħamiem (fancy), papri u wizz (water fowl), fagani, perniċi, summien u paguni (game birds). Din il-wirja hi waħda minn żewġ wirjiet li jorganizza dan il-club, l-oħra li ssir fix-xitwa hi fuq skala iżgħar. Il-club jorganizza wkoll numru ta' attivitajiet u laqgħat għall-membri kif ukoll ġbir u donazzjonijiet għal organizzazjonijiet filantropiċi. Il-laqgħat għall-membri jinkludu taħriġ dwar kif wieħed għandu jrabbi, jnissel u jfaqqas it-tjur, kif ukoll kif ikattar ir-razza tat-tajra li jkun qed irabbi.

Louis Galea qal li hu importanti li organizzazzjonijiet u attivitajiet bħal dawn jgħinu biex f'pajjiżna jkun hawn aktar imħabba lejn l-annimali. Il-Ministru qal li fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni hemm sezzjoni li qed tieħu ħsieb li teduka lit-tfal dwar l-annimali, biex it-tfal jitgħallmu jħobbu u jibżgħu għall-annimali. Hu qal li każi ta' moħqrija lejn l-annimali m'għandhomx jiġu injorati għaliex huma rifless tal-qalb tal-poplu u ta' l-iżvilupp soċjali tagħna.

Louis Galea qal li għalkemm il-wirja kienet qed tiffoka l-aktar fuq l-apparenza tat-tjur, f'pajjiżna hawn ukoll kummerċ sostanzjali ta' tjur u l-prodotti tagħhom. Il-Ministru qal li hekk kif id-dinja tkompli tiżviluppa pajjiżna wkoll irid jagħmel il-bidliet meħtieġa biex filwaqt li l-produzzjoni tal-prodotti agrikoli tkompli titkattar il-kwalita' ta' dawn l-istess prodotti tkompli titjieb.

Dan hu riżultat tal-globalizzazjoni fejn is-swieq internazzjonali qed isiru dejjem aktar aċċessibbli u inter-dipendenti. Biex pajjiżna jibqa kompettittiv jrid jiffaċċja dawn il-bidliet kemm jekk nidħlu fl-Unjoni Ewropea kif ukoll jekk nibqgħu barra. Biex pajjiżna jagħmel il-bidliet meħtieġa f'dan is-settur, il-Gvern qed iħejji pakett ta' aktar minn Lm 70 miljun biex, fuq perjodu ta' għaxar snin, jgħin lill-bdiewa u dawk fis-settur agrikolu. Il-Bidliet li jridu jseħħu huma meħtieġa biex il-prodotti li finalment jaslu għand il-konsumatur ikunu ta' l-iprem kwalita'. Fis-settur tal-produzzjoni tal-bajd u tal-laħam tat-tiġieġ per eżempju, il-Gvern qed jalloka Lm 6.7 miljun u Lm 5.8 miljun rispettivament.

Din l-għajnuna għadha twassal biex filwaqt li jitneħħew il-levies, issir ristrutturazzjoni f'dan il-qasam u b'hekk ikun hawn titjib fil-kwalita' tal-prodotti, fis-saħħa u s-siġurta' fuq il-post tax-xogħol, fl-effiċjenza ta' l-użu tar-riżorsi u biex noħolqu l-istrutturi meħtieġa biex pajjiżna ikun jista jibda jesporta dawn il-prodotti. Il-Gvern diġa' investa f' laboratorju ġdid fejn qed isiru testijiet li qabel ma kienux isiru lokalment.

Il-produtturi lokali jidhru li huma lesti li jwettqu l-bidliet meħtieġa speċjalment bl-għajnuna li qed joffri l-Gvern. Il-vantaġġ tal-produtturi Maltin hu li peress li huma żgħar huma iktar flessibbli u l-bidliet jistgħu jagħmluhom malajr u b'anqas diffikultajiet.

Il-Ministru temm jgħid li pajjiżna miexi fit-triq it-tajba li għandha twassalna biex ikollna livell ta' għajxien ogħla. Għalkemm kull bidla iġġib magħha xi diffikultajiet, il-Ministru qal li hu jħossu konvint li l-poplu Malti, kif dejjem għamel, se jilqa dawn l-isfidi u jsarrafhom f'opportunitajiet li minnhom ingawdu lkoll.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow