Konvenzjoni ta' l-Għalliema mill-Aġenzija Sedqa
L-aġenzija Sedqa organizzat l-ewwel Konvenzjoni għall-għalliema ta' l-iskejjel tal-Istat, tal-Knisja u dawk indipendenti kollha. L-iskop ta' din il-Konvenzjoni hu li l-għalliema jingħataw tagħrif aġġornat dwar statistika fuq abbuż minn drogi, alkoħol u sustanzi oħra perikolużi u dwar programmi edukattivi ta' prevenzjoni li toffri l-aġenzija Sedqa.
Il-Ministru ta' l-Edukazzjoni Louis Galea, fid-diskors ta' l-għeluq ta’ din il-
Konvenzjoni saħaq fuq l-importanza li programmi ta' prevenzjoni imħejja minn Sedqa jiġu mwettqa fl-iskejjel. Il-Programmi ta' Sedqa huma tematiċi u cross-curricular u għalhekk jaqblu perfettament mal-prinċipji tal-Kurrikulu Nazzjonali l-ġdid.
Il-Ministru qal li minn meta hu waqqaf l-aġenzija Sedqa fl-1994 in-numru ta' programmi ta' prevenzjoni, ta' kura u ta' riċerka baqgħu jiżdiedu, tant li bħalissa hemm madwar 14-il programm fl-iskejjel tagħna, mill-livell tal-Kindergarten sa dak Post-Sekondarju minbarra l-programmi l-oħra għall-ġenituri u għall-kommunita'. Skond l-aħħar eżerċizzju ta' evalwazzjoni tal-programmi ta' prevenzjoni fl-iskejjel ħareġ ċar li l-programmi huma tajbin iżda ħafna għalliema iħossu li m'għandhomx biżżejjed ħin biex iwettquhom.
Il-Ministru esprima t-tama li bir-reviżjoni li bħalissa qed issir fid-diversi sillabi bħala parti integrali mill-bidliet li qed iġib miegħu l-Kurrikulu Nazzjonali, programmi li iħarsu lejn l-iżvilupp mhux biss akkademiku iżda lejn l-iżvilupp sħiħ tal-bniedem, isaħħu l-preżenza tagħhom fl-esperjenza edukattiva. Hu qal li l-Gvern hu impenjat li jipprovdi r-riżorsi meħtieġa għat-twettiq ta' dawn il-programmi.
Il-Ministru semma l-policies li ġew ippublikati f'din l-aħħar sena li jitrattaw l-abbuż min sustanzi perikolużi u l-kodiċi ta' dixxiplina. Hu semma wkoll li din s-sena żewġ għalliema bdew jaħdmu direttament ma' Sedqa fuq programmi edukattivi filwaqt li għalliem ieħor qed iwettaq il-policy l-ġdida dwar l-abbuż min sustanzi perikolużi fl-iskejjel. Matul din is-sena skolastika irdupjaw n-numru ta' social workers fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u din il-ġimgħa stess inħatar persuna biex taħdem b'kollaborazzjoni ma' Sedqa dwar it-tfassil ta' policy dwar ix-xorb alkoħoliku.
Il-Ministru temm jgħid li għalkemm hu importanti ħafna li jkun hawn policies fuq livell nazzjonali hu aktar importanti li l-għalliema, b'mod partikolari, jieħdu l-kunċetti u l-programmi f'idejhom u jwettquhom. Illum Malta qed tiffaċċa l-istess żvilupp bħal pajjiżi avvanzati oħra fl-oqsma ta' l-edukazzjoni, tat-teknoloġija ta' l-informatika, tas-saħħa, tas-servizzi soċjali u tal-konsumeriżmu. Fl-istess ħin qed niffaċċjaw ukoll l-istess perikli u problemi soċjali li jiffaċċjaw l-aktar pajjiżi avvanzati. L-edukazzjoni u l-prevenzjoni huma l-pedamenti li fuqhom irridu nibnu s-soċjeta' t'għada.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN