Left arrow Go Back

GĦAJNUNA WKOLL LIL DAWK LI JIPPRODUĊU L-ĠBEJNIET

PR574
Date Icon 26/04/2002

Dawk li jrabbu n-nagħaġ u jipproduċu l-ġbejniet se jkunu wkoll intitolati għal għajnuna finanzjarja kemm permezz tal-pakkett ta’ għajnuna finanzjarja li tħejja mill-Gvern għall-qasam tal-biedja kif ukoll permezz tal-għajnuna finanzjarja li Malta se tirċievi mill-Unjoni Ewropea għall-Pjan ta’ Żvilupp Rurali.

Dan qalu l-Ministru ta’ l-Agrikoltura u Sajd Ninu Zammit f’laqgħa li kellu l-lejla mal-produtturi tal-ġbejniet membri ta’ l-Assoċjazzjoni Produtturi tal-Ġbejniet, fl-Iskola ta’ l-Agrikoltura fl-Għammieri.

Il-Ministru Zammit qal li l-għajnuna għall-produtturi tal-ġbejniet hi intiża biex jagħmlu t-tisħiħ meħtieġ u jtejbu l-operat tagħhom. Hu żied li dan hu proċess li f’dan is-settur diġà nbeda tant li r-riżultati diġà qed jidhru kemm fil-mod professjonali kif ukoll f’dak iġeniku ta’ kif il-prodott qed jitwassal għand il-konsumatur.

Hu kompla li l-fatt li l-ġbejniet anki friski qed ikunu ippakkjati f’kontenituri apposta u b’tikketti maħruġa mit-Taqsima ta’ l-Agrikoltura wassal biex dan il-prodott tradizzjonali u ġenwin ikun aktar aċċessibbli għall-konsumatur tant li llum jista’ jinxtara mill-ħwienet tal-merċa f’kull lokalità. Dan it-tisħiħ li sar qed iwassal ukoll biex żdiedet sew id-domanda tant li produtturi jridu jżidu l-merħliet tagħhom.

Il-Ministru Zammit qal li dawn il-produtturi se jkunu jistgħu jibbenefikaw kemm biex itejbu l-irziezet kif ukoll biex isaħħu l-operat tagħhom. Hu semma wkoll, fost l-oħrajn, li l-Gvern qed jinnegozja għal għajnuna mill-Unjoni Ewropea marbuta mat-trobbija tan-nagħaġ. Hu qal li peress li bħalissa din l-għajnuna hi provduta biss lil bdiewa li jrabbu aktar minn 10 nagħġiet f’kull razzett, il-Gvern qed jinnegozja biex fil-każ ta’ Malta din l-għajnuna tkun aċċessibbli għal dawk li jrabbu aktar minn tliet nagħġiet f’kull razzett.

Dwar l-għajnuna permezz tal-Pjan ta’ Żvilupp Rurali, il-Ministru Zammit qal li l-produzzjoni tal-ġbejniet hi meqjusa bħala waħda tradizzjonali u li hi ta’ benefiċċju mill-aspett ambjentali, u allura tikkwalifika għal fondi li se jkunu disponibbli għall-Pjan ta’ Żvilupp Rurali. Dawn huma intenzjonati primarjament biex jgħinu lill-bdiewa jadattaw u jimmiraw l-attivitajiet tagħhom ħalli jisfruttaw opportunitajiet ta’ negozju u bidliet fid-domandi tas-suq.

Il-Ministru Zammit ħeġġeġ lill-produtturi tal-ġbejniet biex anki huma jorganizzaw ruħhom f’għaqdiet tal-produtturi li għandhom iservu mhux biss biex permezz tagħhom tasal għandhom l-għajnuna li jeħtieġu iżda wkoll isibu swieq ġodda għall-prodotti tagħhom u jsaħħu l-kwalità u l-kompetittività tal-prodott biex b’hekk il-produzzjoni tal-ġbejniet tkun aktar sostenibbli. Hu assigura li s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea tissarraf f’aktar ġid u sigurtà anki għall-bdiewa u r-raħħala.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow