Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MIS-SEGRETARJU PARLAMENTARI FIL-MINISTERU GĦAS-SERVIZZI EKONOMICI, L-ONOR EDWIN VASSALLO, B’RIFERENZA GĦALL-ISTQARRIJA MAĦRUĠA MILL-ASSOĊJAZZJONI TAL- BEJJIEGĦA TAL-MONTI

PR566
Date Icon 26/04/2002

Id-deċiżjonijiet tal-Gvern rigward drittijiet ġodda li jingħataw lill-bejjiegħa tal-Monti, huma deċiżjonijiet li ser jagħtu sigurtà u serħan tal-moħħ lill-bejjiegħa tal-Monti li s’issa qatt ma kellhom.

L-istqarrija għall-istampa u kummenti li għadda uffiċjial mill-kumitat eżekuttiv ta’ l-Assoċjazzjoni tal-Bejjiegħa tal-Monti, huma kummenti inġusti speċjalment meta wieħed iqabbel id-drittijiet li issa l-bejjiegħa tal-Monti ser jgawdu bit-tibdil li ser isir, ma’ sitwazzjoni fejn sal-lum fis-swieq ma teżisti l-ebda regola u l-ebda dritt li jħares ix-xogħol tal-bejjiegħ.

S’issa kollox kien jgħaddi fis-swieq bla ma kien hemm rikonoxximent legali, u proċeduri ċari, kemm fuq livell nazzjonali, kif ukoll fuq livell lokali li jirregolaw is-swieq.

Mhux ġust li l-Assoċjazzjoni fl-istqarrija li ħarġet ma ssemmi xejn dwar dawn il-gwadanji, iżda l-istess stqarrija għall-istampa tkompli mal-kontradizzjonijiet maħluqa mill-ġurnal “It-Torċa”.

Kont nistenna reazzjoni ta’ l-Assoċazzjoni dwar id-deċiżjonijiet tal-Gvern dwar id-drittijiet li qed jingħata lill-bejjiegħa tal-Monti fejn:

  1. Sal-lum ma teżisti l-ebda regola dwar l-użu tal-vettura tal-bejjiegħa tal-Monti, u issa bir-regolamenti l-ġodda ser ikun dritt magħruf bil-liġi li l-vettura għandha tkun parti mill-posta. Fi żmien il-Gvern preċedenti meta kien hemm kumitat imwaqqaf biex jorganizza s-swieq, kienet qed tiġi diskussa jekk il-vettura tal-bejjiegħa għandhiex tkun parti mill-posta, jiġifieri pparkjata fil-post minn fejn ibiegħ il-bejjiegħ. Dan il-Gvern id-deċiżjoni ħadha bla tfettieq, u issa ser ikun legali magħruf li l-bejjiegħ ikollu l-vettura pparkjata ħdejh, parti mill-posta tal-bejgħ.
  1. Sal-lum ma teżisti l-ebda regola legali li tagħraf is-swieq li jarmaw matul il-ġimgħa. Bir-regolamenti l-ġodda, is-swieq fit-toroq u l-ħinijiet huma magħrufa u mħarsa legalment. Din d-deċiżjoni tfisser li kull suq huwa legalment magħruf u protett.
  2. Sal-lum ma kien hemm l-ebda regola dwar il-waqfien ta’ swieq ġodda u l-ħinijiet tagħhom. Issa bir-regoli l-ġodda ser ikun hemm.
  3. Sal-lum bil-first come first served basis, kulħadd għandu dritt li jarma fejn irid. Min kapaċi jiġġieled jasal u jieħu postu. Bir-regoli l-ġodda s-sistema tal-first come first served ser tispiċċa, u kull min qed jarma f’monti, postu ser ikun imħares u ħadd ma jista’ joħodlu postu.
  4. Sal-lum ma teżisti l-ebda regola legali li tagħti d-dritt li l-bejjiegħ ikollu substitute. Issa bir-regoli l-ġodda, membri tal-familja ser ikollhom id-dritt li jarmaw huma bil-kundizzjonijiet, u b’hekk il-familja tal-bejjiegħ ma titlifx mill-bejgħ, meta għal xi raġuni l-bejjiegħ liċenzat ma jkunx jista’ jmur fil-Monti.
  5. Sal-lum l-armar tas-swieq kien bla ħin, u filgħodu diversi bejjiegħa kellhom imorru kmieni. Issa bir-regolamenti l-ġodda fejn kulħadd ser ikun jaf fejn huwa postu, mhux ser jibqa’ ir-raġuni għaliex bejjiegħ imur kmieni filgħodu. Din d-deċiżjoni tieħu ħsieb l-interess tal-ġirien tal-Monti kif ukoll tal-bejjiegħ tal-Monti.

Dawn kollha huma deċiżjonijiet li jittieħdu biex iħarsu d-drittijiet tal-bejjiegħa u mhux ser jiswew spejjeż ġodda lill-bejjiegħa.

Dwar dawn id-drittijiet il-ġodda fl-Istqarrija l-Assoċjazzjoni ma qalet xejn.

Il-Gvern huwa obbligat ukoll iħares id-drittijiet tal-komunitajiet, il-ġirien tas-swieq kif ukoll il-konsumaturi li jużaw dawn is-swieq. Għalhekk fuq Avviż Legali ieħor li għad irid jiġi ppubblikat, ser ikun hemm regoli ġodda dwar l-management tal-Monti mill-Kunsilli Lokali.

Meta dawn ir-regoli jkunu ppubblikati, l-Assoċjazzjoni tal-Bejjiegħa tal-Monti ser tintebaħ li rigward dak li ser ikun mitlub mill-bejjiegħa u l-Kunsilli Lokali ilu żmien jiġi diskuss. Jiena perswaz li l-Assoċjazzjoni qatt ma kellha laqgħat mal-Gvern preċedenti daqs kemm kellha ma’ dan il-Gvern. Fil-laqgħat pubbliċi organizzati mill-Assoċjazzjoni u li għalihom attendejt jiena bħala Segretarju Parlamentari f’isem il-Gvern, kif ukoll fil-laqgħat ma’ l-istess kumitat eżekuttiv ta’ l-Assoċjazzjoni tal-Bejjiegħa tal-Monti dduskutejna dawn il-punti kollha.

Fl-Avviż Legali li jirregola l-proċeduri tal-Kunsilli Lokali, ser ikun ippubblikat il-mod ta’ kif ser ikun irregolat l-għoti tal-permess, bħala liċenza mill-uffiċċju tal-ħruġ tal-permessi tan-negozju, u l-allokazzjoni tal-Posta, mill-Kunsilli Lokali.

Kemm għall-fini ta’ organizzazzjonijiet, kif ukoll biex jitħares il-konsumatur, kull bejjiegħ ser ikun obbligat juri l-permess fejn jidher fuq il-formola mogħtija mill-istess uffiċċju tal-ħruġ tal-liċenzi.

Jiena ma qbiltx li din l-formola tinħareġ mill-Assoċjazzjoni tal-Bejjiegħa tal-Monti għal żewġ raġunijiet (i) biex il-bejjiegħ bl-iskuża ta’ din il-formula ma jkunx mitlub jħallas spejjeż ġodda ta’ Lm2 kif talbet l-assoċjazzjoni u (ii) ma jistax jiġi aċċettat li dan il-proċess ikun marbut ma’ xi formula ta’ membership ma’ l-Assoċjazzjoni.

Dan mhux il-mod ġust ta’ kif il-kumitat jiġbor il-flus u jżid d-dħul tiegħu minn fuq proċess marbut mal-ħruġ tal-liċenzja. Il-Gvern huwa impenjat li ma jżidtx spejjez ġodda mal-ħruġ tal-liċenza.

Rigward it-trasferiment tal-liċenza tal-Bejjiegħa tal-Monti u l-posta tiegħu lill-iben, dan ma jistax isir la darba fil-liġi kien hemm u ser jibqa’ jkun hemm magħruf li l-liċenza mhux trasferibbli. Kemm-il darba bejjiegħ irid jara lill-ibnu jbiegħ fil-posta tiegħu, issa taħt ċertu kundizzjonijiet ġie mogħti d-dritt ta’ substitute u tal-wirt tal-posta.

S’issa dan id-dritt li l-posta tkun trasferita ma jistax ikun aċċettat għaliex legalment il-liċenza tal-bejjiegħa tal-Monti mhux "trasferibbli" għax hija liċenza personali u l-posta hija marbuta mal-liċenzja. Għalkemm issa qed ikunu magħrufa il-posta tal-bejjiegħa, dan id-dritt ma jistax ikun meqjus bħala dritt ta’ fixed kiosk fejn liċenzat ta’ fixed kiosk iħallas il-kera fuq l-art tal-Gvern.

Il-bejjiegħ tal-Monti mhux qed jitqies bħala fixed kiosk. Dak li l-kumitat qed jitlob u jgħid li loġikament jagħmel sens, lili qed jingħatali l-parir li ma jistax ikun aċċettat. Ma ninsewx li sal-lum kif inhuma s-sitwazzjonijiet, m’għandna l-ebda regoli uffiċjali li jidentifikaw il-posta tal-bejjiegħa. Huwa issa bil-ħidma ta’ dan il-Gvern li qed jieħu d-deċiżjonijiet biex iserraħ moħħ il-bejjiegħa. Kulħadd jaf li għandna ċirkustanzi fejn in-numru ta’ applikanti għall-permess tal-liċenza tal-bejjiegħa tal-Monti qed jiżdied filwaqt li l-postijiet tas-swieq huma limitati.

Minkejja dan kollu kemm-il darba niġi mogħti l-parir li legalment inkun korrett nagħti d-dritt lill-bejjiegħ li jittrasferixxi l-posta tiegħu lill-membru tal-familja tiegħu. Jiena lest li naċċetta l-proposta bħalma għamilt minn kollox biex nara li nġib fis-seħħ d-dritt li l-bejjiegħ ikollu substitute.

Rigward l-obbligu ta’ l-indafa, dan kien u ser jibqa’ l-obbligu tal-bejjiegħa tal-Monti li jaraw li kemm waqt kif ukoll wara l-ħin tal-bejgħ, ma jkunx hemm skart fl-art u fil-Monti għandu jkun hemm l-indafa.

Hawn jien sodisfatt li fl-istqarrija tagħha l-Assoċjazzjoni tal-bejjiegħa tal-Monti kitbet "F’dan il-kuntest anke l-Onorevoli qabel magħna kemm-il darba, li ma għandux isir l-ebda ħlas sabiex jinġabar l-iskart għall-fatt li ġa la darba "nħallas, inħammeġ aktar" Dan jikkonferma kif jiena qatt ma qbilt dwar miżata ta’ l-indafa iżda nibqa’ nemmen fl-obbligu ta’ dmir li kull bejjiegħ iżomm nadif.

Dak li dejjem sħaqt fuqu u nibqa’ nisħaq fuqu huwa li l-bejjiegħa jżommu l-indafa. Għalhekk l-iskart li jħallu warajhom il-bejjiegħa jiġġustifika għaliex l-kunsilli jħossu l-ħtieġa tad-dritt li jimmultaw lill-bejjiegħa l-ispiża ta’ l-indafa. Din il-pressjoni min naħa tal-Kunsilli Lokali dejjem sħaqt li ma twassal imkien. Qatt ma aċċettajt proposti li jitħallsu flus għall-indafa.

Jiena ma nemminx l-anqas li l-multa għal min jinqabad iħammeġ għandha titla’ minn Lm 50 għal Lm500, u l-anqas ma jidher il-bejjiegħa jaqblu li din il-multa għandha tkun daqshekk għolja. Fil-laqgħa li kelli fil-Mosta kien hemm min oġġezzjona għal dan. Dan huwa fatt magħruf u l-Assoċjazzjoni tagħrfu. Għalhekk huwa inġust li l-Assoċjazzjoni fl-istess waqt tkompli mal-kontradizzjoni maħluqa mill-gurnal "It-Torċa".

Il-Gvern huwa impenjat li jara li l-eżerċizzju ta’ l-organizzazzjoni tas-swieq iservi ta’ ġid għall-bejjiegħa u ma joħloqx spejjeż ġodda lill-istess bejjiegħa.

Ma baqax żmien li ngħixu fil-liġi tal-ġungla fis-swieq u min ser jiddeċiedi li "kien aħjar meta kien agħar" għaliex seta’ jagħmel li jrid għaliex jaħseb biss fih innifsu, irrid ngħidlu li d-dmir il-Gvern huwa li jorganizza swieq biex:
jinqeda kulħadd, ikun offrut servizz tajjeb, ikollu d-dixxiplina fis-swieq, jinħoloq aktar xogħol.

Nifhmu li hawn min dmiru jħoss li għandu jfixkel dan l-iżvilupp iżda nemmen li dmir l-Assoċjazzjoni huwa li tara li kull min jiddeċiedi li jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum minn dan ix-xogħol ikollu l-aħjar opportunitajiet fejn jaħdem.

Ma nistgħux niġġeneraw ix-xogħol bil-liġi tal-ġungla, li kieku dan it-tibdil ma sarx, nista’ ngħid li l-pressjoni li l-ġirien kienu qed joħolqu fuq il-Kunsilli Lokali, l-eżistenza tas-swieq kienet diġa’ mgħedda. Dan l-eżerċizzju tas-swieq għalhekk huwa bżonnjuż biex is-swieq jibqgħu jeżistu.

Id-deċiżjonijiet tal-Gvern huma kollha deċiżjonijiet li qed jagħrfu d-dritt tax-xogħol minn posta magħrufa, f’suq legalizzat magħruf bi dritt tas-substitute u bid-dmir li l-bejjiegħ iżomm nadif.

Inħeġġeġ u nitlob li min jitkellem ikun responsabbli mal-fatti ta’ kif jiġu u jseħħ l-iżvilupp.Għandi fiduċja li l-bejjiegħa jagħrfu li ser igawdu d-drittijiet li s’issa qatt ma gawdewhom. Dan kollu grazzi għall-Politika tal-Gvern li jara li joħloq l-aħjar opportunita’ biex l-iżgħar negozji wkoll ikollhom l-aħjar ċirkostanza minn fejn ibiegħu u jaraw li jkollhom negozji sostenibbli.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow