Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-ONOR. DR. AUSTIN GATT, MINISTRU TAL-GUSTIZZJA U GVERN LOKALI, WAQT L-INAWGURAZZJONI TA' PROGRAMM TA' TAĦRIĠ FIL-MANAGEMENT GĦAS-SEGRETARJI EŻEKUTTIVI TAL-KUNSILLI LOKALI - SLIEMA - 26 APRIL, 2002

PR563
Date Icon 26/04/2002

Għeżież Segretarji Eżekuttiv,

Hu l-pjaċir tiegħi llum ninawgura din l-inizjattiva ta' taħriġ li l-Assoċjazzjoni tagħkom flimkien mal-Malta Institute of Management qed jieħdu biex il-livell ta' servizz li tagħtu lill-pubbliku fil-lokalitajiet fejn taħdmu jkun aktar effiċjenti.

Kull organizazzjoni tfittex li tilħaq l-għan t'effiċjenza akbar. Fi ftit kliem li ttejjeb l-effiċjenza tieghek tfisser li tagħmel aktar b'anqas; b'anqas riżorsi, b'anqas ħin, b'anqas fondi. U rrid nirrikonoxxi li f'dan il-qasam il-Kunsilli Lokali, jew ħafna minnhom, li amministrattivament tmexxu intom, jagħmlu mirakli t'effiċjenza.

Bħala l-Ministru responsabbli mill-inizjattiva ta' l-eGovernment, xogħoli m'hux sempliċiment li nippromwovi l-użu tat-teknoloġija għax it-teknoloġija għandha xi valur fiha nfisha. Minflok, xogħoli hu nippromwovi l-għodod ġodda ta' kommunikazzjoni biex norbtu flimkien dawk it-truf ta' l-amministrazzjoni tal-pajjiż li s'issa kienu maħlulin. Waħda mill-problemi li trid issolvi meta trid iżżid l-effiċjenza hi li trid tkun ċert li l-id ix-xellugija tkun taf x'inhi tagħmel l-id il-leminija.

Il-klijent tagħna, il-pubbliku, m'għandux għalfejn ikun jaf min fil-Gvern jagħmel x'hiex. Jekk imur f'post wieħed għandu jsib minn hemm kull m'għandu bżonn biex jinqeda.

Il-Kunsilli Lokali huma parti integrali minn din ir-revoluzzjoni amministrattiva f'pajjiżna. M'hux biss politikament, iżda amministrattivament ġibna t-tmexxija ta' pajjiżna fil-bliet u r-rħula Maltin. L-infrastruttura tal-bliet u r-rħula, li żżamma tagħhom hi waħda mill-ogħla prijoritajiet ta' kull ċittadin, hi f'idejkom u bl-għodda li ngħatajtu: riżorsi umani, fondi u l-appoġġ tal-Gvern, urejtu kif jista' jsir xogħol tajjeb mingħajr ħela u mingħajr dewmien.

It-teknoloġija hi wkoll l-għodda li diġa torbotkom, u għad aktar torbotkom mal-bqija ta' l-amministrazzjoni ta' pajjiżna u mal-pubbliku li jrid jinqeda minnha.

Iżda t-talent tagħkom ma ġewx mis-sema. L-esperjenza li akkumulajtu matul is-snin, u l-kwalifiki li gejtu bihom m'humiex biżżejjed fid-dinja tal-lum (u f'pajjiżna) fejn qed nintalbu nagħmlu aktar xogħol u nagħtu kontribut akbar b'riżorsi pubbliċi li huma, u hekk għandu jkun, limitati.

Mill-uffiċċji amministrattivi li intom tmexxu fil-lokalita', il-pubbliku diġa' llum jippretendi aktar milli kien jippretendi snin ilu. Inevitabbli li meta jaqbdu aktar servizzi bħala parti mill-eGovernment, il-pubbliku ser jippretendi aktar. Il-ġurnata iżda ser tibqa' t'erbgħa u għoxrin siegħa, u għalkemm qed ngħinu biex tkun armati b'uffiċċji aktar attrezzati, b'aktar riżorsi finanzjarji, u fejn hemm bżonn b'aktar nies jaħdmu magħkom, ir-realta' hi l-għodda tal-Management ser ikunulna dejjem aktar komdi biex naqdu lill-pubbliku aħjar.

Minħabba li tmexxu uffiċċji tant zgħar, iżda b'kompetenzi tant wiesgħa hu inevitabbli li l-preparazzjoni tagħkom trid tkun wiesgħa biex tkun familjari m'aspetti tekniċi differenti. M'għandkomx għalfejn tkunu avukati, iżda tridu tkunu familjari mal-liġi m'għandkom għalfejn tkunu awdituri, iżda tridu tkunu familjari mal-kontabilita' finanzjarjaħ m'għandkomx għalfejn tkunu gradwati fil-marketing, imma tridu tkunu tafu tbiegħu xogħolkom u xogħol il-Kunsill tagħkom; m'għandkomx għalfejn tkunu politiċi (anzi m'għandkomx tkunu politiċi), imma tridu tkunu tafu taħdmu magħhom … magħna.

Fi ftit kliem: tridu tkunu managers li tkunu kapaċi tħaddmu għall-aħjar riżultat it-talenti tagħkom u ta' l-impjegati fdati lilkom biex tmexxu.

Bejnietkom tiffurmaw bejn wieħed u ieħor terz tal-korp ta' Segretarju Eżekuttivi li jaqdu 'l-Kunsilli tagħna. Il-Kunsilli tagħkom investew fikom u jistennew li dan l-investiment jintradd lura m'hux lilhom iżda lir-residenti tal-bliet u l-irħula fejn taħdmu.

Aħna wkoll qed ninvestu fikom. Kull inizjattiva li l-Gvern jieħu biex jgħaddi aktar responsabbiltajiet lill-Kunsilli Lokali, ma tirriflettix biss il-fiduċja tagħna fil-politiċi lokali li nafu li ser jagħmlu dak li tassew hu l-interess tar-residenti ta' bliethom. Tirrifletti wkoll il-fiduċja tagħna fikom li għandkom it-talenti biex tissodisfaw l-ambizzjonijiet tal-politiċi li jiggvernaw, u l-aspirazzjonijiet tar-residenti li jgħixu fil-lokalijiet fejn taħdmu.

Konvint li l-kollegi tagħkom fil-Kunsilli Lokali l-oħra li m'humiex rappreżentati hawn sejrin, f'korsijiet oħra bħal dawn li qed torganizza l-Assoċjazzjoni tagħkom ma' l-MIM, isibu l-appoġġ tal-Kunsilli tagħhom biex ukoll igawdu mit-taħriġ: it-taħriġ m'hux xi privileġġ: hu ħtieġa għaż-żamma u t-titjib fil-kwalita' tax-xogħol.

Nirringrazzja lill-Assoċjazzjoni tas-Segretarji Eżekuttivi tal-Kunsilli Lokali u lill-Malta Institute of Management u lill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali li uriet interess f'din l-inizjattiva.

Nawguralkom il-ħidma t-tajba!

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow