PROĠETTI GĦAT-TISBIĦ TA' PEMBROKE
Meta kien qed izur l-Athletic Sports Ground f'Pembroke, fejn bhalissa qed isir xoghol ta' ri-abilitazzjoni, il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura Francis Zammit Dimech qal li l-Ministeru tieghu kien qed jikkontribwixxi aktar minn Lm2 miljun fis-sena għal proġetti ta' tisbiħ, riabilitazzjoni, restawr u titjib ta' inħawi pubbliċi fid-diversi lokalitajiet tal-pajjiż.
Francis Zammit Dimech qal li minn żmien għal ieħor, il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura jintalab jikkontribwixxi finanzjarjament jew permezz ta' ħaddiema fi proġetti maħsuba mhux biss biex isebbħu, iżda anke biex ikun hemm postijiet fejn it-tfal u ż-żgħażagħ tagħna jqattgħu l-ħin liberu tagħhom. Hu qal li l-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura dan l-aħħar ta l-kontribut tiegħu biex kien riabilitat is-Salinos Ground fil-Belt Valletta, biex inbena Ċentru Rikreattiv fil-Floriana, biex jinbnew playing fields jew jiġu modernizzati dawk eżistenti f'diversi lokalitajiet, biex jigu riabilitati ġonna.
Francis Zammit Dimech qal li fit-23 ta' Frar 2002, inawgura uffiċjalment il-Batterija ta' Pembroke li ġiet restawrata u riabilitata minn diversi taqsimiet fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura. Din inbidlet f'post ta' mistrieħ għar-residenti tal-lokalita' u fejn it-tfal jistgħu jqattgħu l-ħin liberu tagħhom.
Il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura flimkien mal-Ministeru għall-Edukazzjoni qegħdin bħalissa jaħdmu biex jiġi riabilitat l-Athletic Sports Ground. Ħaddiema mis-Sezzjoni tad-Distretti fi ħdan it-Taqsima tax-Xogħlijiet wittew l-art, ksewha bir-ramel, tellgħu ħitan mad-dawra, naddfu gandotti u għamlu xogħlijiet oħra li swew qrib it-Lm12,000. Fi żmien qarib, mistennija toħroġ sejħa għal offerti għall-bini ta' faċilitajiet pubbliċi li se jiswew Lm13,000. Hekk dan il-proġett se jiswa lill-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura Lm25,000. Dan minbarra ħafna xogħol ieħor li se jsir mill-ħaddiema tas-Sezzjoni tad-Distretti fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-Gvern kien qed iwettaq ukoll proġett ta' afforestazzjoni f'Pembroke. Hu qal li l-proġett ta' afforestazzjoni, li se jibda din is-sena, kien fdat lill-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura biex jimplimentah. Fakkar li l-proġett ta' Pembroke kien wieħed minn sitta li kienu se jsiru f'Malta u Għawdex.
Dawn il-proġetti kienu maħsuba biex isebbħu l-lokalitajiet u biex jipprovdu aktar spazji għar-rikreazzjoni u l-ħin liberu. Hu qal li filwaqt li l-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura kien jieħu pjaċir jikkoopera mal-Kunsill Lokali kien jistenna li kulħadd jagħti sehmu biex dawn il-lokalitajiet jinżammu tajjeb u biex ma jsirux atti ta' vandaliżmu.
Il-Ministru Zammit Dimech irringrazzja lil kull min ta sehemhu biex dan il-ground qed jiġi riabilitat u awgura lit-tfal u ż-żgħażagħ ta' Pembroke biex jagħmlu l-aħjar użu minnu.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN