Left arrow Go Back

JISSAĦĦAĦ L-OPERAT EKONOMIKU F'GĦAWDEX: FTUĦ TAS-SMALL BUSINESS UNIT U ESTENSJONI TAL-KUNSILL MALTI TA' L-ARTIĠJANAT GĦAL GĦAWDEX

PR525
Date Icon 19/04/2002

Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono flimkien mas-Segretarju Parlamentari fi ħdan il-Ministeru tas-Servizzi Ekonomiċi, l-Onor. Edwin Vassallo dalgħodu ltaqgħu ma' numru ta' ariġjana Għawdxin kif ukoll għalliema ta' l-artiġjanat f'Għawdex. Waqt din il-laqgħa ġie mħabbar li l-operat ekonomiku f'Għawdex mistenni jissaħħaħ permezz tal-ftuħ tas-Small Business Unit fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex kif ukoll l-estensjoni tal-Kunsill Malti ta' l-Artiġjanat għal Għawdex.

Il-Ministru Debono tkellmet dwar l-importanza li l-Gvern jagħti lill-qasam ta' l-artiġjanat u snajja' lokali f'Għawdex. Hija stqarret illi matul dawn l-aħħar snin saru xogħlijiet fil-Villaġ tas-Snajja' Ta' Dbieġi, fejn anke ġew kostruwiti żewġ units ġodda sabiex dan il-qasam jissaħħaħ b'mod dirett. Hija rreferiet ukoll għall-Iskola ta' l-Arti Wistin Camilleri li matul dawn l-aħħar snin tat korsijiet differenti fi snajja' tradizzjonali u oħrajn ġodda. Din l-iskola kienet infetħet mill-Ministeru għal Għawdex madwar tnax-il sena ilu b'6 korsijiet u madwar 45 student. Illum, din l-iskola toffri 13-il kors differenti lil iktar minn 800 student.

Matul is-sena li għaddiet il-Ministeru għal Għawdex nieda proġett flimkien mal-Muniċipat ta' Gotland, l-Iżvezja. B'riżultat ta' dan, f'Marzu 2001 grupp ta' artiġjana Għawdxin flimkien ma' intraprendituri, edukaturi u sidien ta' ħwienet fis-settur attendew għal seminar f'Gotland fejn analizzaw il-problemi u l-opportunitajiet marbutin ma' l-industrija tas-snajja'. Fl-istess żmien fl-Iżvezja ttellgħet ukoll wirja dwar l-artiġjanat Għawdxi. Grupp ta' artiġjana minn Gotland, iktar tard matul is-sena li għaddiet, żaru lil Għawdex fejn anke ltaqgħu ma' iktar artiġjana Għawdxin.

Hija rreferiet għall-ħtieġa li l-artiġjana Għawdxin ifittxu li mhux biss itejbu l-prodott tagħhom u jsaħħu dak li hu tagħna imma jfittxu li jisiltu l-aħjar minn kulturi differenti. Kien għalhekk ukoll li l-iskola ta' l-Arti Wistin Camilleri pparteċipat fil-programm ta' taħriġ Leonardo, fejn permezz ta' proġett li sar min fondi ta' l-Unjoni Ewropea, għalliema tal-bizzilla ta' Għawdex ħadu sehem fi proġett ma' għalliema oħra mill-Italja, mid-Danimarka u mis-Slovenja.

Il-Ministru Debono semmiet ukoll il-website uffiċjali tal-Ministeru għal Għawdex, www.gozo.gov.mt illi tista' tintuża mill-artiġjana lokali bħala mezz ta' promozzjoni tal-prodott uniku tagħhom. "Din hija opportunita' tajba li qed tiġi offruta lilkom mingħajr ebda forma ta' ħlas, opportunita' li intom ilkoll tistgħu tisfruttawha għall-ġid tal-prodott artiġjanali Għawdxi".

L-Onor. Edwin Vassallo tkellem dwar il-ħtieġa li l-artiġjan, bħal kull intraprenditur ieħor ifittex li jaġorna ruħu ma' prattiċi moderni kemm fil-mod ta' kif ibiegħ il-prodott tiegħu, kif ukoll kif jikkomunika ma' ħaddieħor. Hija prijorita' tal-Gvern li jfittex li jagħti każ ta' l-imprenditur u jiżviluppa politika imprenditorjali.

L-Onor. Vassallo tkellem dwar id-devoluzzjoni ta' decision-making processes mill-Gvern Ċentrali għall-partijiet konċernati. "Il-ħtiġijiet u d-diffikultajiet ta' l-artiġjan jistgħu jiġu ndirizzati b'mod iktar dirett u sħiħ jekk jitressqu u jiġu diskussi minn l-artiġjana stess. Għalhekk ħloqna l-Kunsill Malti ta' l-Artiġjanat, biex deċiżjonijiet li jkun hemm bżonn jittieħdu, jittieħdu minn min hu intiż".

S'issa Għawdex huwa rappreżentat minn persuna waħda fil-Kunsill Malti ta' l-Artiġjanat. Minn issa 'l quddiem, il-Gvern ser jibda bil-preparamenti meħtieġa sabiex fl-iqsar żmien possibbli Għawdex ikollu rappreżentanza iktar wiesa' ta' l-artiġjana Għawdxin. Dan se jkun possibbli permezz tal-ħolqien tal-Kunsill Għawdxi ta' l-Artiġjanat illi filwaqt li jeżerċita l-istess dmirijiet bħall-Kunsill Malti ta' l-Artiġjanat ikun jista' jindirizza l-ħtiġijiet u ċ-ċirkostanzi partikolari għall-industrija f'Għawdex. Dan irid isir permezz ta' żvilupp ta' politika inklussiva, b'konsultazzjoni mal-partijiet interessati, fosthom dawk minn oqsma differenti bħall-agrikoltura, it-turiżmu, il-kultura u l-ekonomija.

"Il-Gvern preżenti jqis l-industrija tas-snajja' u l-artiġjanat bħala industrija li trid tittieħed b'serjeta' liema bħalha. Il-Kunsill Malti ta' l-Artiġjanat, bit-tfassil ta' pjan ta' ħidma bil-quddiem juri biċ-ċar li jaf x'qiegħed jagħmel. Huwa f'din il-perspettiva illi rridu naraw l-attivita' tagħna - garanzija ta' kwalita' u serjeta' fil-prodott artiġjanali moħluq b'mod uniku. In-negozju artiġjanali, bħal kull negozju ieħor irid għalhekk ikun wieħed ħieles imma ddixxiplinat".

B'rappreżentanza iktar wiesa' ta' l-artiġjana Għawdxin, l-Għawdxin stess jiżviluppaw politika ppjanata bil-għan li tilqa' għall-isfidi filwaqt li tieħu l-opportunitajiet eżistenti u tiżviluppa oħrajn ġodda.

L-Onor. Vassallo ħabbar ukoll illi l-Gvern se jiftaħ Small Business Unit fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex bil-għan illi jindirizza b'mod iktar dirett il-ħtiġijiet ta' negozji żgħar f'Għawdex stess.

Waqt il-laqgħa ta' dalgħodu tkellem ukoll is-Sur Lino Galea, Direttur Ġenerali Diviżjoni tal-Kummerċ. Attendew għal-laqgħa s-Sur Charlie Vassallo, Segretarju Kunsill Malti ta' l-Artiġjanat, is-Sur Noel Bartolo, Direttur Small Businesses Unit u s-Sur Gilbert Agius, Segretarju Privat.

Iktar tard l-Onor. Edwin Vassallo żar il-Kunsilli Lokali tan-Nadur u Xagħra u wara liema ndirizza laqgħa oħra, din id-darba ma' sidien ta' stabbilimenti Għawdxin. Dawn il-laqgħat saru lis-settur kummerċjali bil-għan li jiġu spjegati u diskussi r-regolamenti ġodda ta' ħruġ ta' liċenzji tan-negozji

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow