Left arrow Mur Lura

OPPORTUNITAJIET BIS-SĦUBIJA FL-UNJONI EWROPEA

PR522
Date Icon 19/04/2002

Meta kien qed jagħmel id-diskors ta' l-għeluq f'Konferenza organizzata mill-Building Industry Consultative Council (BICC), fuq it-tema "L-Industrija tal-Bini: kif tintlaqat bis-sħubija?", il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, Francis Zammit Dimech qal li bis-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea l-industrja tal-bini f'pajjiżna se jkollha sfidi u opportunitajiet ġodda.

Fl-istess waqt il-ħaddiema fis-settur se jkollhom is-saħħa u s-sigurtà tagħhom fil-post tax-xogħol imħarsa aħjar. Francis Zammit Dimech qal li s-settur tal-kostruzzjoni fl-Unjoni Ewropea hu l-ikbar industrja f'dak li hu impjiegi. Qal li fl-1996 is-settur tal-kostruzzjoni ipproduca 750 biljun Euro jew Lm300,000 miljun, jew kważi 11% tal-Prodott Gross Domestiku tal-Komunità. Is-settur iħaddem 8.8 miljun persuna. L-UE hi l-esportatur ewlieni fis-settur tal-kostruzzjoni fid-dinja.

F'Malta, is-sena li għaddiet, is-settur tal-kostruzzjoni kkontribwixxa Lm40.7 miljun, jew 3% tal-Prodott Gross Domestiku u ta xogħol lil 6,600 persuna li daħħlu bejniethom Lm26.5 miljun. Dan juri li anke f'pajjiżna dan is-settur, li fl-aħħar tliet snin rega' beda jirpilja, hu wieħed importanti u għalhekk xieraq li kulmin jaħdem fih, ikun jaf xi tfisser is-sħubija fl-Unjoni Ewropea.

Francis Zammit Dimech qal li fl-1988 l-Unjoni Ewropea addottat direttiva dwar prodotti tal-kostruzzjoni. Din id-Direttiva ffissat speċifikazzjonijiet tekniċi ghall-prodotti tal-kostruzzjoni u ħtiġiet essenzjali l-aktar fejn tidħol is-saħħa u sigurtà fil-post tax-xogħol, li huma applikabbli għall-ħaddiema kollha fis-settur tal-kostruzzjoni.

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li fl-1997, l-UE addottat il-komunikat dwar "Il-Kompetittività ta' l-Industrija tal-Kostruzzjoni" li jqiegħed miri ta' priorità għal dan is-settur li jinkludu:

  • Titjib fil-kwalità;
  • Titjib fil-qafas regolatorju biex jitneħħew ostakoli għall-kummerċ u jissimplifikaw proċeduri li għandhom x'jaqsmu ma' xiri mill-Gvern;
  • Titjib sostanzjali u sostnut fil-livell u l-kwalità ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ;
  • Riorjentament u infurzar tar-riċerka u l-iżvilupp.

Francis Zammit Dimech qal li l-Unjoni Ewropea ma kellha ebda liġi dwar ir-reġistrazzjoni jew licenzjar ta' kuntratturi tal-bini, għaliex din kienet materja li titħalla f'idejn il-pajjiżi membri individwali. Pajjiżna kien abbozza liġi dwar ir-reġistrazzjoni ta' Kuntratturi u Kontroll tal-Bini. Sakemm dan l-abbozz jgħaddi mill-Parlament, ir-reġistrazzjoni tkun fuq bażi volontarja. Hu qal li r-reġistrazzjoni twassal biex inkunu nafu aħjar il-kapaċitajiet ta' dawk kollha li jaħdmu fis-settur tal-kostruzzjoni, biex ikun hemm klassifika tal-kuntratturi u tan-nies tas-sengħa u biex 'il quddiem dawk il-kuntratturi li jkunu reġistrati, jkunu jistgħu jitfgħu offerti għal proġetti pubbliċi.

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li l-UE tagħti importanza kbira lis-saħħa tal-ħaddiema u timponi standards fuq prodotti u makkinarju tal-kostruzzjoni, kif ukoll dwar it-trasport relatat ma' dan is-settur. Qal li l-istess jiġri fejn jidħlu provedimenti dwar is-saħħa u s-sigurtà fil-post tax-xogħol. Hu qal li dawn huma kollha għall-beneficcju tal-haddiema u allura tas-settur tal-kostruzzjoni.

Francis Zammit Dimech qal s-settur tal-kostruzzjoni dejjem kien settur ta' riskju fejn seħħew l-agħar inċidenti okkupazzjonali. Hu qal li d-Direttivi ta' l-Unjoni Ewropea jiddentifikaw obbligazzjonijiet għal min iħaddem persuni, fis-settur tal-kostruzzjoni. Fl-istess waqt il-ħaddiema ukoll għandhom obbligi li jikkoperaw, billi jkunu infurzati dawn l-istandards. Direttiva ta' l-Unjoni Ewropea tidentifika l-obligazzjonijiet ta' min iħaddem dwar saħħa u sigurtà fil-post tax-xogħol, inkluż is-sit tal-bini. Fl-istess waqt il-ħaddiema wkoll huma obbligati jikkoperaw fl-infurzar ta' dawn l-istandards. Malta talbet li timplimenta din id-Direttiva mill-1 ta' Jannar 2004 biex jingħata żmien biżżejjed halli jkun hemm is-sistema ta' infurzar kif ukoll biex l-industrja tkun tista' twettaq il-bidliet meħtieġa.

Francis Zammit Dimech qal li l-UE kellha regolamenti dwar is-sigurezza ta' tagħmir fis-settur tal-kostruzzjoni. Qal li dawn ir-regolamenti kienu wkoll intiżi biex ibiegħdu l-inċidenti fil-postijiet tax-xogħol. Hu qal li f'dan ir-rigward Malta kienet qed titlob perijodu transitorju ta' tliet snin, biex hekk ikun jista' jsir l-investiment meħtieġ f'dak t-tagħmir li mhux skond standards Ewropej u jispiċċa gradatament sal-bidu tal-2006, minflok fil-bidu tat-2003. L-Unjoni Ewropea għandha wkoll direttivi dwar ħsejjes u trab, dwar prodotti li jintużaw fis-settur u dwar l-użu li jsir minnhom.

Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-Unjoni Ewropea tinkoraġixxi permezz ta' azzjonijiet pożittivi, il-kostruzzjoni sostenibbli. Qal li dan l-inkoraggiment kien ta' importanza speċjali f'pajjiż żgħir bħal tagħna fejn l-art fabbrikabbli kienet limitata u fejn seta' jsir użu aħjar minn bini li mhux użat. F'dan il-kuntest, ried ifakkar li fil-kaz ta' pajjizna, l-Unjoni Ewropea kienet għamlet eċċezzjoni ma'

Malta meta fil-qasam tal-proprjetà Malta nnegozjat arranġament speċjali permanenti u mhux għal perijodu speċifiku ta' snin, kif għamlu pajjiżi oħra applikanti. Malta kienet l-uniku pajjiż li nnegozjat arranġament li se jibqa' jgħodd għal dejjem. Ftehim li kien aċċettabbli għall-Unjoni Ewropea minħabba ċ-ċirkostanzi demografiċi u ġeografiċi ta' pajjiżna.

Francis Zammit Dimech qal li kien ċert li bis-sħubija fl-Unjoni Ewropea l-industrja tal-bini f'pajjiżna kienet se tkompli tikber u tissaħħaħ. Bis-sħubija fl-Unjoni Ewropea u bl-implimentazzjoni tal-Politika Reġjonali ta' l-UE f'Malta, mistennija jitwettqu numru ta' proġetti infrastrutturali kbar li jikkwalifikaw għal fondi ta' l-Unjoni Ewropea u li żgur li ngawdu minnhom darba nissieħbu.

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura rringrazzja lill-Kunsill Konsultattiv ta' l-Industrja ta-Bini (BICC) li qed iżżomm lil kulmin jaħdem f'din l-industrja aġġornati ma' l-iżviluppi li qed iseħħu fis-settur; u lic-Centru ghall-Informazzjoni Malta - Unjoni Ewropea (MIC), li qed jippubblikaw ktejjeb dwar kif is-sħubija tolqot lis-settur

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow