ESPORTAZZJONI TA' LM2 MILJUN SKART
Kif tħabbar riċentement waqt laqgħa li kellu mal-Magħtab Action Committee, il-Gvern beda juża barriera biex jintrema' parti mill-iskart mill-industrija tal-kostruzzjoni u mit-twaqqigħ ta' bini, li sal-lum kien qed imur fil-miżbla tal-Magħtab. Permezz ta' dan l-proġett, kien qed jitnaqqas il-materjal li jidħol fil-Magħtab fl-istess waqt li qed jigu riabilitati barrieri li s'issa huma ta' sfreġju fuq il-pajsaġġ Malti. Dan intqal mill-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, l-Onor. Dr. Francis Zammit Dimech waqt żjara li għamel fuq proġett għar-riabilitazzjoni ta' barrieri fl-inhawi tal-Għargħur.
Il-Ministru kompla jghid li dan il-proġett ta' riabilitazzjoni tal-barrieri kellu jibda minn nofs Mejju iżda beda ġimgħa ilu u sal-lum diġà ġew depożitati f'din il-barriera 5,000 tunnellata ta' materjal li hu strettament minn twaqqigħ ta' bini u minn tqattigħ ta' blat, marbut mas-settur tal-kostruzzjoni, li tfarrak qabel ġie depożitat u li m'hu kontaminat bl-ebda skart perikoluż jew tossiku.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li Proġett Skart, jew l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija għall-Immaniġġjar ta' l-Iskart Solidu fil-Gżejjer Maltin, issa beda jitwettaq fuq diversi fronti. Hu qal li t-tnaqqis għalissa fi kwalità simbolika, 'il quddiem fi kwantitajiet akbar, ta' skart tal-kostruzzjoni li jidħol fil-Magħtab hu parti minn dan il-proġett. Hu fakkar li s-sena l-oħra kienu liċenzjati ħdax il-barriera għad-disponiment ta' skart mis-settur tal-kostruzzjoni li fihom ġew depożitati 400,000 tunnellata minn dan it-tip ta' skart, li kieku kien jispiċċa fil-Magħtab. Fakkar ukoll li l-materjal li tqatta' f'Tignè bħala parti mill-proġett ta' Manoel Island u l-Ponta ta' Tignè, tgħabba fuq braken u qed ikun depożitat fil-baħar f'post miftiehem u li qed ikun kontrollat elettronikament.
Kieku dan il-materjal kollu ma ġiex depożitat fil-baħar kien ikun hemm inkonvenjent kbir għar-residenti ta' l-inħawi u ħsara lit-toroq minn fejn jgħaddu dawn it-trakkijiet kbar.
Francis Zammit Dimech qal li spiss nitkellmu dwar l-immaniġġjar ta' l-iskart solidu u dwar il-prioritajiet fl-istrateġija ta' dan l-immaniġġjar. Hu qal li l-prioritajiet ewlenin huma dawk tat-tnaqqis ta' l-iskart; l-użu mill-ġdid; ir-riċiklaġġ u l-irkupru ta' l-iskart.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li kien ta' pjaċir iħabbar li s-sena li għaddiet dawn il-prinċipji bdew jitħaddmu, tant li:
Fl-Impjant ta' Sant'Antnin ġew ittrattati 32,000 tunnellata ta' skart domestiku li nħadem f'kompost għas-settur agrikolu;
750 tunnellata ta' karta u kartun ġew irkuprati minn skejjel, dipartimenti tal-Gvern, kumpanniji privati u l-pubbliku biex ġew riċiklati fis-suq lokali;
Minn Pembroke u Marascala nġabru 58 tunellata ta' skart li ġew irkuprati;
Inġabru tmien tunnellati ta' batteriji;
Inġabru 100 tunnellata ta' ħġieġ li jerġgħu jinħadmu;
Ġew irkuprati 500 tunnellata ta' skart minn qtugħ ta' siġar u ħaxix.
Barra dawn il-fatti, gew esportati b'kemm jiswew Lm1,839,000 ta' plastic, karta, skart industrjali u metall biex jigu riciklati. Hu qal li dawn kienu jikkonsistu:
732 tunellata ta' plastic b'valur ta' Lm139,000;
53 tunnellata ta' karta b'valur ta' Lm3,000;
862 tunnellata ta' skart industrjali b'valur ta' Lm255,000; u
19,000 tunnellata ta' metal b'valur ta' Lm1,442,000.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li l-esportazzjoni ta' kważi żewg miljun lira ta' skart turi biċ-ċar li jekk ngħarfu nimmaniġġjaw tajjeb l-iskart f'pajjiżna nkunu mhux biss qed intejbu l-ambjent madwarna iżda ndaħħlu flus li qabel kienu jispiċċaw fil-miżbla.
Francis Zammit Dimech ħeġġeġ lill-poplu kollu biex inaqqas mill-iskart li nipproducu u biex kulħadd isir aktar konxju mill-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u l-irkuprar ta' ċertu tipi ta' skart. Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li permezz ta' Proġett Skart, il-Gvern kien se jagħti lill-pajjiż l-infrastruttura kollha neċessarja biex nimmaniġġjaw aħjar l-iskart solidu f'pajjiżna.
Iżda 'Proġett Skart' mhux proġett tal-Gvern waħdu, huwa proġett li biex jirnexxi, kulħadd irid jagħti sehmu
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN