KODIĊI TA' DIXXIPLINA GĦALL-ISKEJJEL
Id-dixxiplina fl-iskejjel kienet u għadha materja ta' importanza u ta' rilevanza kemm għall-ġenituri kif ukoll għall-għalliema. Iżda fuq kollox hi kruċjali għall-iżvilupp sħiħ ta' l-istudenti biex jikbru f'ċittadini b'karattru sod bil-ħila li jagħmlu l-għażla favur dak li hu sewwa.
Wara li f'Ottubru li għadda l-Miniseru ta' l-Edukazzjoni qassam l-abbozz tal-Politika dwar l-Imġieba Tajba u d-Dixxiplina fl-Iskejjel lill-Kapijiet ta' l-iSkejjel kollha, issa ġie ippublikat id-dokument finali bil-Malti u bl-Ingliż u se jiġi mqassam lill-għalliema kollha fil jiem li ġejjin. Id-dokument hu ħolqa oħra fil katina ta' policies u proċeduri li ġew ippublikati f'dawn l'aħħar sentejn. Flimkien mal-Politika dwar l-Ibbulijar, dwar l-Abbuż tat-Tfal u l-Abbuż ta' Sustanzi Perikolużi, il-Politika dwar l-Imġieba Tajba u d-Dixxiplina fl-Iskejjel se tkompli tagħti gwida ċara ta' dak li hu mistenni mill-partijiet konċernati kollha mill-Kap ta' l-iSkola sa l-għalliem, mill-istudenti sal-ġenituri.
Il-dokument iħeġġeġ atteġġjament pożittiv minn kulħadd, kemm mill-istudenti kif ukoll mill-għalliema u l-ġenituri. Filwaqt li tagħti linja gwida ta' x'għandu jsir f'ċirkostanzi partikolari, id-dokument jelenka r-responsabbiltajiet tal-partijiet konċernati u teżiġi li għandu jkun hemm rinfurzar pożittiv li jinkludi l-inkoraġġiment, l-affermazzjoni, premjijiet għal imġieba tajba fl-iskejjel.
Fejn ikun hemm imġieba ħażina, d-dokument jagħti linji ta' gwida ta' x'għandhom ikunu l-passi suċċessivi li għandhom jittieħdu skond il-gravita' ta' l-offiżi. Dawn huma maqsuma fi tlett livelli:
Fl-Ewwel Livell - Is-Sanzjonijiet jingħataw għal offiżi minuri li jiġru rari jew darba kultant
Fit-Tieni Livell - Is-Sanzjonijiet jingħataw għal offiżi iżjed serji mwettqa ta' spiss
Fit-Tielet Livell - Is-Sanzjonijiet jingħataw għal offiżi gravi ħafna.
Is-Sanzjonijiet ivarjaw minn kliem ta' twissija sa tkeċċijja mill-iskola f'każi estremi wara li jkunu falla kull tenttattiv biex l-istudent ikun riabilitat u wara li kull sanzjoni oħra tkun utilizzata.
Id-dokument iħeġġeġ lill-iskejjel biex joħolqu sistema kostruttiva ta' sanzjonijiet li:
- Hija msejsa fuq ir-rispett ħalli jkun żgurat il-prinċipju fundamentali taċ-ċertezza.
- Tkun imposta b'mod ġust u fuq il-bażi tar-rispett lejn id-drittijiet fundamentali tal-persuna konċernata
- Taqbel mal-bżonnijiet partikulari u l-kuntest ta' l-iskola
- Tkun flessibbli biżżejjed biex tagħti każ ta' xi ċirkustanzi individwali
- Tipprova twaqqaf l-imġieba ħażina mill-bidu
- Minflok ma tgħid x'għandhom ikunu s-sanzjonijiet għal ċerti mġiebiet ħżiena, għandha tagħmel distinzjoni bejn atti li huma żgħar, li huma serji u li huma gravi
- Titlob li tingħata spjegazzjoni ċara lill-istudenti dwar in-natura u l-prinċipji marbuta mas-sanzjonijiet
- Tagħti spazju lill-għalliema biex ibiddlu dawn is-sanzjonijiet wara diskussjonijiet. Dan il-bdil għandu jirrifletti r-rispett lejn l-istudenti bħala individwi
- M'għandhux jingħata kastig lill-grupp (klassi) kollu, sakemm il-grupp kollu ma kienx involut f'xi inċident
- Fiha nnifisha hija opportunita' ta' tagħlim li jsaħħaħ l-imġieba tajba
Ċirkostanzi partikolari li jitratta d-dokument jinkludu l-ħruġ mill-iskola, l-evakwazzjoni ta' l-iskola f'każ ta' emerġenza, l-assenteiżmu, l-ikkupjar waqt l-eżamijiet, il-pornografija u l-korruzzjoni tal-minuri u cirkostanzi oħra li huma koperti mill-politika dwar l-ibbulijar, dwar l-abbuż tat-tfal u l-abbuż mis-sustanzi perikoluzi.
Il-Ministru Louis Galea qal li kien inħass il-bżonn li jkun hawn dokument bħal dan li jagħti gwida ċara dwar l-imġieba tajba u d-dixxiplina fl-iskejjel. Il-Ministru irringrazzja lill-kumitat li ħejja dan id-dokument u qal li dan il-kumitat kien magħmul minn nies b'esperjenza f'dan il-qasam u li jirrappreżentaw il-partijiet konċernati.
Louis Galea sostna li dan id-dokument ma sarx biex fl-iskejjel tagħna jkun hemm dixxiplina militari, imma biex ikun ċar dak li hu mistenni minn kulħadd, dak li hu aċċettabbli u tollerat u dak li mhux. Il-Ministru qal li l-problemi ta' abbuż ta' tfal, ta' l-ibbulijar, ta' l-abbuż minn sustanzi perikoluzi u tad-dixxiplina huma kollha fatturi li jaffettwaw negattivament l-iżvilupp edukattiv u soċjali ta' l-istudenti u għalhekk iridu jkunu mgħeluba kemm jista’ jkun malajr.
Il-Ministru temm jgħid li l-politika dwar l-imġieba tajba u d-dixxiplina għall-iskejjel tidħol fis-seħħ minn l-1 ta' Mejju (2002)
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN