IKOMPLI L-EŻERĊIZZJU TAS-SIMPLIFIKAZZJONI FIR-REGOLAMENTI TAL-ĦINIJET TAN-NEGOZJU
Punti mill-Konferenza Stampa li ta llum, it-Tnejn, 15 ta' April 2002, l-Onor. Edwin Vassallo, Segretarju Parlamentari fil Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi, rigward il-ftuħ tal-ħwienet nhar ta' Ħadd.
Simplifikazzjoni fil-liġijiet għandha twassal biex kemm l-imprendituri kif ukoll min jagħmel l-enforcemen,t ikunu lkoll jafu b'mod ċar f'hiex jikkonsistu l-ħinijiet ta' kull negozju u attività kummerċjali.
L-għan ewlieni fl-eżerċizzju tas-simplifikazzjoni tal-liġijiet li kienu jirregolaw il-ħinijiet tan-negozju, kif ukoll il-proċeduri tal-ħruġ tal-liċenzji, kien li issa jkollna liġi waħda li tirregola l-ħinijiet tan-negozju u proċeduri iżjed sempliċi li jirregolaw il-ħruġ tal-liċenzji tan-negozju.
Biex imprenditur jipprova jkun jaf x'inhuma l-ħinijiet tan-negozju tiegħu kien ikollu jqalleb u jfittex f'diversi legal notices u jifhem l-emendi li kienu saru matul iż-żmien x'kienu jfissru għalih.
Ilum li n-negozju qed jinbidel kuljum; ftit li xejn għad tista' tirregola b'dawk id-diversi liġijiet u legal notices li kienu ħarġu fuq medda ta' snin.
Għalhekk il-Gvern ħass il-ħtieġa li f'dawn iċ-ċirkustanzi, l-aqwa għajnuna li jista' joffri lis-settur kummerċjali kien li jissimplifika dawn il-liġijiet u għalhekk issa legal notice, waħda li fi ftit ġranet oħra ser tkun ippubblikata, tiġbor fiha l-informazzjoni kollha meħtieġa li tirregola l-ħinijiet kollha ta' kull attività kummerċjali.
Irrid infakkar li mit-Trade Licensing Act joħroġ proprju dan id-dover, li issa ser tkun ir-responsabbiltà tad-Diviżjoni tal-Kummerċ fi ħdan il-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi, li jiddetermina l-ħinijiet ta' kull attività kummerċjali.
F'informazzjoni li diġà tajt f'konferenza stampa oħra, ftit ġimgħat ilu, kont ħabbart l-iskema tal-ħinjiet tal-kummerċ għall-bejgħ ta' l-ikel mill-ħwienet li jbiegħu prodotti ta' Groceries u Confectionery.
Illum ser nagħti l-iskeda tal-ħinijiet tal-kummerċ mill-ħwienet li ser ikunu jistgħu jiftħu nhar ta' Ħadd u matul il-ġimgħa, biex joffru s-servizz tagħhom skond is-settur u l-prodott li huma ser ikunu qegħdin ibiegħu. Fil-prinċipju ma hawnx xi innovazzjonijiet, iżda qegħdin noffru skeda li tissimplifika ħafna dak li għandna llum.
Jiena persważ li din l-iskeda ser tkun ta' għajnuna biex f'pajjiżna kulħadd ikun jaf fejn qiegħed f'dak li huma ħinijiet ta' attività kummerċjali.
Skeda oħra li għad trid tkun imħabbra hija dik li ser titratta l-bejgħ mis-swieq u street hawkers li ser niltaqa' magħhom f'laqgħat separati. Minn issa nista' ngħid li s-simplifikazzjoni fil-liġijiet ser tgħin biex inhejju pakkett tajjeb ta' informazzjoni għal kull min qiegħed fin-negozju.
Irrid niġbed l-attenzjoni wkoll li d-deċiżjoni tal-Gvern rigward il-ħinijiet tal-ftuħ ta' l-ispiżeriji ser tibqa' kif inhi s'issa, jiġifieri regolata mil-liġi li qed tirregola l-ftuħ ta' dawn l-ispiżeriji.
Però kif ser naraw, din l-iskeda ma tħalli l-ebda settur kummerċjali eskluż milli jkollu r-regolamenti tal-ħinijiet tan-negozju. Dan qiegħed isir għaliex issa għal kull attività ser ikun hemm ħin stabbilit.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN