PROĠETTI GĦAL PARKS NAZZJONALI U REĠJONALI
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura żar ix-xogħlijiet ta' tisbiħ li saru f'Wied Għomor. L-Hon. Francis Zammit Dimech qal li l-Ministeru li għalih kien responsabbli jinkludi l-bini, upgrading u ħarsien ta' parks nazzjonali u reġjonali, t-tisbiħ ta' inħawi ħdejn il-baħar u inħawi oħra pubbliċi fil-bliet u fl-irħula, titjib lil sistemi għall-ġbir ta' l-ilma mit-toroq u l-afforestazzjoni. Hu qal li għal dawn il-proġetti hemm ivvutati din is-sena Lm1.2 miljun.
Francis Zammit Dimech qal li bhalissa is-Sezzjoni tal-Parks u Konservazzjoni tal-Pajsaġġ fi-Taqsima tax-Xogħlijiet fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qed taħdem fuq aktar titjib fil-park nazzjonali f'Ta' Qali, fuq park reġjonali f'Ħaż-Żabbar barra s-swar tal-Kottonera u f'Wied Għomor. Hu qal li proġett ieħor kien maħsub għal Ħal Far fejn il-picnic area preżenti mistennija titkabbar u tissebbaħ.
Francis Zammit Dimech qal li l-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura kien ingħata wkoll l-inkarigu ta' l-afforestazzjoni. Qal li issa li ġew identifikati s-siti fejn se jsiru proġetti bħal dawn, jigifieri f'Delimara, Xrobb il-Għaġin, Pembroke, Salina/Kennedy Grove u l-Imtaħleb f'Malta flimkien ma' Għajnsielem f'Ghawdex kien se jingħata bidu biex jibda jitwettaq wieħed minn dawn il-proġetti.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li Wied Għomor kien post mitluq fejn sa tliet snin ilu kien jintrema' kull tip ta' skart. Qal li dan il-wied tant sabiħ kien inbidel f'miżbla, bi skart fil-wied proprja u skart fit-toroq u l-passaġġi ta' madwar. Qal li f'dawn l-aħħar snin il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura wettaq ħidma biex tnaddaf il-wied u t-toroq ta' madwaru, biex bena madwar żewġ kilometri ta' ħitan tas-sejjieħ, bena girna u naddaf il-lokalita'. Hu qal li kienet inħolqot trejqa li minfejn il-girna ddur madwar il-picnic area fuq il-lemin, tgħaddi minn fuq pont żgħir li nbena fuq il-wied li jieħu għal trejqa, li mbagħad tispiċċa fit-triq. Francis Zammit Dimech qal li llum il-post inbidel f'wieħed fejn ir-residenti ta' l-inħawi jistgħu jqattgħu l-ħin liberu tagħhom f'ambjent sabiħ u li jilqgħek.
Francis Zammit Dimech qal li dak li kien sar s'issa hu l-ewwel fażi tal-proġett għaliex il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura kellu l-ħsieb ikompli bir-riabilitazzjoni tal-wied u l-inħawi ta' madwar.
Il-Ministru għar-Rizorsi u l-Infrastruttura qal li l-Gvern preżenti kien jemmen li l-Maltin għandhom jgħixu f'ambjent san u li għalhekk għandu jkun hemm postijiet fejn il-poplu jqatta' l-ħin liberu tiegħu f'lokalitajiet indaf, miżmuma tajjeb u fejn l-arja hi waħda pura.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech appella lil kulħadd biex dawn il-lokalitajiet li l-Gvern qed isebbaħ b'investiment qawwi jinżammu tajjeb u biex ħadd ma jitħalla jagħmel atti vandali. Hu tenna li dawn il-lokalitajiet huma ta' kulħadd u biex jitgawdew minn kulħadd. Għalhekk kulħadd kellu jindukrahom u jħarishom biex mhux talli ma ssirilhomx ħsara iżda biex inkomplu nsebbħuhom.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura irringrazzja lis-St. Julian's Scout Group li qed jgħinu fis-sorveljanza tal-lokal b'mod speċjali fi tmiem il-ġimgħa b'mod volontarju.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN