TIĠDID TAL-KARTA TA’ L-IDENTITÀ FIX-XGĦAJRA
Il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Kummissjonarju Elettorali Prinċipali jinfurmaw lill-pubbliku li ser isir it-tiġdid tal-Karti ta’ l-Identità fix-Xgħajra nhar it-Tnejn, 15 u nhar it-Tlieta, 16 ta’ April, 2002. F’dawn il-ġranet ma jkunx jista’ jsir tiġdid għar-residenti tax-Xgħajra fl-Uffiċċju tal-Karta ta’ l-Identità l-Belt Valletta.
It-tiġdid tal-Karta ta’ l-Identità ser isir fl-Iskola Primarja tal-Gvern ‘Ave Maria’, Triq Dwardu Ellul. Fiċ-Ċentru msemmi jistgħu jattendu biss ir-residenti ta’ dik il-lokalità partikolari. It-tiġdid qed isir għal dawk kollha li diġà għandhom Karta ta’ l-Identità. Dawk li ser japplikaw għall-ewwel darba ma jkunux jistgħu jagħmlu dan fiċ-Ċentru tal-lokalità tagħhom iżda jkunu jridu japplikaw fl-Uffiċċju tal-Karta ta’ l-Identità, il-Belt Valletta.
Għandha tiġi ppreżentata l-Karta ta’ l-Identità preżenti kif ukoll il-formola tat-tiġdid bl-informazzjoni mitluba, li qegħda tiġi mibgħuta lil kull min għandu jġedded il-Karta ta’ l-Identità. Il-ħinijiet li fihom isir it-tiġdid ser ikunu bejn it-3.00 p.m. u s-7.00 p.m.
Aktar dettalji dwar it-tiġdid u l-mili tal-formola jinsab fil-fuljetti li qegħdin jintbagħtu bil-posta mal-formola tat-tiġdid.
Il-Karta ta’ l-Identità l-ġdida tkun tista’ tiġi rtirata aktar ’l quddiem u ser jinħareġ avviż dwar dan.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN