PROĠETT LI SE JKOMPLI JSEBBAĦ BUĠIBBA
Waqt li kien qed izur xoghol ta' tisbieh li qed isir fl-inhawi tal-blat gholi li hemm f'Dart il-Gzejjer f'Bugibba, il-Ministru għar-Riżorsi u Infrastruttura, Francis Zammit Dimech qal li dan il-proġett, li se jiswa Lm180,000, minbarra x-xogħol li qed jagħmlu l-ħaddiema tal-Gvern, se jagħti dehra ġdida lil dawn l-inħawi wara li għal snin twal kien qed jintrema' fil-post skart tal-bini u skart ieħor tal-kostruzzjoni b'mod illegali.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li oriġinarjament, is-sit kien il-faċċata ta' irdum b'xatt taħtu. Madwar 30 sena ilu nbniet triq tul il-kosta, intradmet parti mill-bajja u nħoloq il-promenade fil-livell tal-baħar. Hu qal li l-promenade ta' fuq inbena fl-1996, iżda l-inħawi bejn il-livell ta' fuq u t-triq ta' taħt baqqħu ma ssebbħux.
Francis Zammit Dimech qal li l-iskop ta' dan il-proġett hu li
- Jittejjeb l-ambjent fiziku fl-inħawi;
- Isir użu ta' l-ispazju li hemm għar-rekreazzjoni mill-pubbliku;
- Jinħoloq aċċess għal min jitla' bil-pass bejn il-livelli ta' isfel u ta' fuq;
- Jinstab irkaptu għall-problemi ta' ilma tax-xita fl-inħawi u biex dan l-ilma jinġabar;
- Jintuża materjal li jirriabilita l-inħawi u safejn hu possibbli jagħtihom karattru naturali. Din ir-riabilitazzjoni mħallta ma' disinn distintiv għandhom jagħtu lill-proġett karattru uniku;
- Ikun hemm immaniġġjar aħjar tat-traffiku u arranġamenti għall-parkeġġ għal karrozzi privati, trailers għal biċċiet tal-baħar, passaġġi ġodda, rampi biex ikun hemm aċċess għal kulħadd u postijiet minn fejn jaqsmu dawk li jkunu qed jippassiġġaw jew jimxu.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal dan il-proġett kien approvat lejn l-aħħar ta' Frar li għadda u x-xogħol beda immedjatament. Hu qal li s-sit kollu tal-proġett ikopri estensjoni ta' madwar 500 metru, jew nofs kilometru.
Francis Zammit Dimech qal li se jsir intervent fi tliet inhawi ewlenin. Qal li meta tħares 'il ġewwa lejn is-sit mill-promenade biswit il-baħar tara sezzjoni żgħira fin-nofs u żewġ meded ta' art fuq kull naħa.
- Fit-taqsima tan-nofs se jsir taraġ biex jgħaqqad iż-żewġ livelli. Flimkien mat-turġien u r-rampi l-oħrajn din il-parti se tinbena tul l-għoli kollu ta' 15-il metru. Se jinbnew ukoll żewġ ġibjuni kbar li jesgħu 180,000 litru.
- Iż-żewġ meded l-oħra fil-proġett se jkollhom passaġġi li jitilgħu bil-mod mill-aktar post fit-tarf tax-xellug għal madwar tliet metri fil-parti ċentrali tal-proġett. Hemmhekk jiltaqgħu mar-rampi u t-turġien minn fejn jinżlu għal-livell tat-triq fuq il-lemin qabel id-dħul għall-mina li qed tinbena għall-parking taħt l-art li qed isir taħt il-ġonna ta' Villa Preziosi.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttua qal li kien inbeda x-xogħol fuq il-parti tax-xellug tal-mogħdija u fuq il-ġibjuni fil-parti tan-nofs. Qed jitqiegħdu blokki kbar tal-ġebel tul il-linja tal-proġett. Dan il-ħajt qed iservi biex jappoġġja l-passaġġ u biex jistabilizza l-wiċċ tal-blat. Wara li jsir dan ix-xogħol se jinbena ħajt tas-sejjieħ bejn il-passaġġ u l-wiċċ naturali ta' l-irdum.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li
- L-ewwel fażi tal-proġett, li hi maħsuba li titlesta fl-aħħar ta' Ġunju, tinkludi x-xogħol ewlieni ta' kostruzzjoni fuq il-medda tax-xellug. Din il-parti, b'tul ta' madwar 300 metru, tinkludi l-bini tal-ħitan, il-glacis u l-mogħdijiet. Tinkludi wkoll il-bini taż-żewġ ġibjuni. Ix-xogħol qed isir kollu minn 25 ħaddiem tas-Sezzjoni tal-Parks u Konservazzjoni tal-Pajsaġġ tat-Taqsima tax-Xogħlijiet fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura. Din il-parti tal-proġett hi stmata li tiswa Lm60,000 mingħajr ma jingħadd ix-xogħol tal-ħaddiema.
- It-tieni fażi tal-proġett tinkludi t-taraġ tan-nofs. Għal din il-fażi se jinħarġu offerti mid-Dipartiment tal-Bini u Inġinerija fi ħdan it-Taqsima tax-Xogħlijiet. Din il-fażi mistennija tieħu 14-il ġimgħa u mistennija tibda wara s-sajf f'Ottubru 2002. Din il-fażi mistennija tiswa Lm50,000.
- It-tielet fażi tingħaqad mat-tieni fażi u tikkonsisti fin-naħa tal-lemin tal-proġett li hi madwar nofs it-tul tal-parti tan-naħa tax-xellug. Din il-fażi wkoll se tinbena wara s-sajf. Din il-parti mistennija tiswa Lm70,000.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal il-proġett kollu għandu jitlesta fi żmien sena mill-bidu tax-xogħol fil-bidu tas-sena.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura rringrazzja lid-diversi periti li ddisinjaw u qed isegwu x-xogħol ta' dan il-proġett kif ukoll lill-ħaddema tas-Sezzjoni għall-Parks u l-Konservazzjoni tal-Pajsaġġ li qed jesegwuh. Hu qal li proġetti bħal dawn kienu jkomplu jsebbħu lill-pajjiż u jagħtu lill-pajjiżna dehra aħjar li titgawda sew mir-residenti, kif ukoll mill-Maltin u t-turisti li jiffrekwentaw l-inħawi
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN