Left arrow Go Back

DISKORS MILL-E.T. IL-PRESIDENT TA’ MALTA, FI TMIEM IL-PRANZU STATALI FL-OKKAZJONI TAŻ-ŻJARA STATALI TAL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA ĊEKA – IL-PALAZZ, IL-BELT VALLETTA

PR452
Date Icon 08/04/2002

Eċċellenza,

Huwa pjaċir nilqa’ f’pajjiżna bniedem ta’ l-istatura morali tiegħek. Matul żminijiet diffiċli għal pajjiżek u l-bqija ta’ l-Ewropa tal-Lvant, inti kont il-mexxej bl-eżempju tiegħek, bid-diżubbidjenza ċivili u bl-oppożizzjoni kontra l-oppressjoni u l-inġustizzja. Dan ħtieġ minnek prezz personali qawwi. 

Int mort il-ħabs għall-kawża tal-libertà. L-għemejjel tiegħek kienu ġew kriminalizzati għaliex inti kont temmen fil-ħelsien fiżiku, morali u intellettwali tal-bniedem. Din kienet ġlieda kontra t-totalitarjaniżmu, ġlieda għall-ħelsien mill-ktajjen ta’ ideoloġija li, matul l-aħħar seklu, ġiet ittrasformata f’raġuni u ġustifikazzjoni għall-vjolenza u t-tgħakkis. 

Illum, bħala President tar-Repubblika Ċeka, inti tirrappreżenta pajjiż li qiegħed fil-qalba ta’ l-Ewropa, Stat ħieles, poplu kburi bl-istorja tiegħu li tmur lura ħafna, nazzjon li qed tibni fuq il-wirt Ewropew għani tagħha. Ħieles kif inhu mid-dell ta’ Ewropa mifruda, pajjiżek qed iħabrek biex jibni l-futur tiegħu fil-qafas ta’ Ewropa ta’ stati u popli li għandhom bejniethom storja komuni, spiss imqanqla, iżda, l-aktar ħaġa importanti, li jilmħu fl-unità tal-fehma, ta’ l-ideali u tal-kooperazzjoni tagħhom, ġejjieni komuni fil-paċi u l-prosperità. 

Illum nagħtik merħba f’pajjiż li huwa ġeografikament fil-qalba tal-Mediterran u li, permezz ta’ l-istorja, tal-kultura u tal-vokazzjoni tiegħu, huwa parti integrali mill-Ewropa. Dan l-arċipelagu ra ġejjin u sejrin l-akbar saltniet u popli Ewropej u Mediterranji. Din l-istorja tagħna tagħtina vantaġġ partikolari biex nosservaw u nifhmu l-ġrajjiet u l-iżviluppi fir-reġjun Ewro-Mediterranju. 

Il-Mediterran huwa reġjun kompless fl-aspetti tar-realtà tiegħu kollha. Jiddependi minn kif id-differenzi u d-dislivelli soċjo-politiċi eżistenti jiġu kkoltivati u megħluba, dan il-Baħar għandu l-potenzjal li jkun jew żona ta’ paċi u stabbilità jew inkella ta’ diviżjoni impenetrabbli fost popli u kulturi. 

Malta hija impenjata favur politika barranija bbażata fuq prinċipji, li tħajjar id-djalogu bejn il-popli ta’ dan ir-reġjun, billi tipprova tegħleb id-differenzi u l-firdiet. Għalkemm id-diffikultajiet huma bosta, aħna ta’ fehma li huwa fl-interess ta’ kulħadd li jinstabu soluzzjonijiet ibbażati fuq il-ġustizzja, il-libertà u l-iżvilupp soċjo-ekonomiku sħiħ. Malta tkompli tagħmel dak kollu li tista’ biex isseddaq il-ftehim bejn ix-xtut tat-tramuntana u dawk tan-nofsinhar tal-Mediterran. 

Ġimgħa ilu aħna ċċelebrajna l-Għid Imqaddes. Elfejn sena wara l-Qawmien ta’ Kristu qegħdin naraw b’għajnejna l-ġrajjiet traġiċi fl-Art Imqaddsa li qed tkompli ssofri l-ġrieħi tat-terrur u tal-vendetta, tal-ġlied u tas-sofferenza, tal-mibegħda u ta’ l-umiljazzjoni. Is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani għandha konsegwenzi diretti fuq avvenimenti f’bosta partijiet tad-dinja, speċjalment hawnhekk fil-Mediterran. Huwa fl-interess dirett tagħna li naraw li l-konflitt bejn l-Iżrael u l-poplu Palestinjan ikollu soluzzjoni ġusta li tiggarantixxi futur ta’ sigurtà u vijabilità għaż-żewġ popli permezz tal-paċi u tal-koeżistenza paċifika. 

Malta hija fuq in-naħa tal-ġustizzja u tal-paċi, u ma jistax ikun hemm ġustizzja u paċi bit-tixrid tad-demm tal-vittmi innoċenti. Bla dubju ta’ xejn, li jiġu sostitwiti d-djalogu u d-diplomazija bit-terrur u t-tankijiet mhux ser tinstab is-soluzzjoni li twassal għal sigurtà u stabbilità fit-tul. Aħna nappoġġaw inizjattivi li jkunu mmirati biex jibnu pont fuq dan l-abbiss ta’ konflitt li ġie istigat bir-retorika, bil-vjolenza u bit-tkasbir tal-liġi internazzjonali. 

Fuq ir-riżultat finali ta’ din is-sitwazzjoni diffiċli tiddependi l-kredibilità tal-komunità internazzjonali u dik tan-Nazzjonijiet Uniti bħala garanti tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali. Dan jitlob li l-akkordji u r-riżoluzzjonijiet rilevanti jiġu implimentati u osservati u ma jibqgħux kliem fieragħ. Ir-riżoluzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti m’għandhomx ikunu requiem ta’ paċi mitlufa. 

Eċċellenza, 

Malta u r-Repubblika Ċeka għandhom affinitajiet ta’ kultura u ħbiberija, u matul is-snin, il-koperazzjoni bilaterali tat bosta riżultati pożittivi. Din il-Viżita Statali hija l-ogħla espressjoni tal-viċinanza u s-solidità tar-relazzjonijiet politiċi bejn iż-żewġ pajjiżi tagħna. Hija x-xewqa tiegħi li nara din ir-relazzjoni tissaħħaħ fis-snin li ġejjin. 

Qiegħed ninnota b’sodisfazzjon l-investiment Malti fir-Repubblika Ċeka - sinjal ieħor tal-potenzjal kbir li hemm fl-impriża privata. Il-kisbiet tagħna fil-qasam ekonomiku għandhom iqawwulna qalbna biex nistħarrġu u nisfruttaw dejjem aktar oqsma ta’ interess reċiproku. 

In-nazzjonijiet tagħna jappartjenu t-tnejn lil Ewropa mibnija fuq u għanja fid-diversità tagħha. 

Il-Gvern Malti u l-Gvern Ċek iridu jsaħħu l-wirt u l-għeruq Ewropej, u jagħmlu mill-futur, għażla vjabbli u konvinċenti għall-popli tagħna. 

F’kontest internazzjonali li qed jevolvi kontinwament u xi drabi b’mod diffiċli, Malta u r-Repubblika Ċeka wrew b’mod sinjifikanti rieda qawwija li jimxu ’l quddiem b’sens veru ta’ sħubija u koperazzjoni. 

Huwa b’dawn il-ħsibijiet li nitlobkom, Eċċellenzi, Sinjuri, biex nixorbu bis-saħħa ta’ l-E.T. Václav Havel u s-Sinjura Havlová, u b’riżq il-ħbiberija bejn il-Gvernijiet u l-popli ta’ Malta u r-Repubblika Ċeka.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow