INFRASTRUTTURA AMMINISTRATTIVA U FIŻIKA GĦAL PROĠETT SKART
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, il-bieraħ ħa sehem f'diskussjoni dwar Proġett Skart li saret fil-Green Week Fair, Trade Fair Grounds, Naxxar.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech fakkar li biex se jingħata bidu għal Proġett Skart riedet tinbena l-infrastruttura amministrattiva. Hu qal li kien għalhekk li wara li f'Ottubru tas-sena l-oħra ġiet approvata l-Istrateġija Nazzjonali għall-Immaniġġjar ta' l-Iskart Solidu fil-Gżejjer Maltin ittieħdu miżuri biex twaqqaf Steering Group inter-Ministerjali biex jagħmel superviżjoni, jikkoordina u jimmonotorja l-implimentazzjoni ta' din l-istateġija.
Fl-istess waqt li qed titqiegħed f'postha l-infrastruttura amministrattiva l-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qed jaħdem biex f'qasir żmien ikun hemm ukoll l-infrastruttura fisika biex Proġett Skart jitwettaq skond it-time-frames li ġew stabbiliti għas-56 azzjoni u miżura li jridu jittieħdu fl-erba' snin li ġejjin. Francis Zammit Dimech qal li dawn it-time-frames qed jintlahqu u anke jigu superati ghaliex il-Gvern jemmen li l-problema ta' l-immaniggjar ta' l-iskart hi wahda urgenti u ghalhekk qed tingħata l-urġenza kollha li jixirqilha.
Francis Zammit Dimech qal li waħda mill-miri ewlenin ta' Proġett Skart hu li jingħalqu l-miżbliet tal-Magħtab u l-Qortin u li dawn, flimkien ma' dik ta' Wied Fulija fiż-Żurrieq, jiġu riabilitati. Biex dan ikun jista' jsir irid ikun hemm il-faċilitajiet meħtieġa ta' fejn niddisponu mill-iskart solidu. Hu fakkar li aktar minn 80 fil-mija ta' l-iskart li llum imur il-Magħtab hu skart mill-industrja tal-kostruzzjoni. Hu qal li sakemm jingħata l-kuntratt għall-ewwel pakkett fl-implimentazzjoni tal-proġett għall-immaniġġjar ta' l-iskart -- jiġifieri l-kuntratt biex jintlaqa', jkun immaniġġjat, proċessat, irkuprat u jsir disponiment ta' skart mill-kostruzzjoni u twaqqigħ ta' bini -- qed jittieħdu miżuri temporanji biex parti minn dan l-iskart, ma jibqax jintrema fil-Magħtab. Hu fakkar li s-sena li għaddiet diġa kien hemm 11-il barriera privata li ġew liċenzjati biex ikun jista jintefa' fihom materjal tal-kostruzzjoni u twaqqigħ tal-bini. Dawn ħadu bejniethom madwar 400,000 tunnellata minn dan l-iskart.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li kif ħabbar nhar il-Tlieta 2 ta' April waqt laqga li kellu mal-Magħtab Action Committee minn nofs Mejju l-Gvern se jibda juża barriera oħra biex jintefa' fiha parti mit-terrapien li llum qed imur fil-miżbla tal-Magħtab. Hekk inkomplu nnaqsu mill-materjal li sejjer f'din il-miżbla sakemm din tingħalaq kompletament fl-2004.
Francis Zammit Dimech qal li anke jekk is-soluzzjoni għad-disponiment ta' l-iskart mis-settur tal-kostruzzjoni m'hiex fil-bogħod jibqa' l-20 fil-mija l-oħra ta' l-iskart li jridu jinstabu l-mezzi biex niddisponu minnu. Qal li parti sostanzjali minn dan l-iskart imur fl-Impjant ta' Sant'Antnin fejn jinħadem f'kompost. Hu qal li dan l-impjant se jitkabbar biex jieħu kwantita' ferm akbar ta' skart. Partijiet oħra mill-iskart jiġu riċiklati jew użati mill-ġdid. Dak li jibqa' iridu jinstabu l-mezzi biex niddisponu minnu. Dan kien se jsir billi tinbena landfill, jew landfills immaniġġjati tajjeb fejn l-iskart la jnixxi ilma maħmuġ, la jdaħħan u anqas ikun ta' ħsara għall-ambjent madwar.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li fl-istand li l-Ministeru kellu fil-Green Week Fair kien hemm mudell ta' kif se tkun din il-landfill u preżentazzjoni dwar il-landfill. Qal li kien mgħarraf li l-pubbliku qed jieħu interess kbir f'dan il-proġett u kien anke qed jesprimi is-sodisfazzjon tiegħu li qed issir ħidma biex dan il-proġett jirnexxi.
Francis Zammit Dimech qal li Proġett Skart kien jinkludi miżuri oħrajn li riedu jittieħdu bejn issa u s-sena d-dieħla. Qal li
- Kien se jsir profil xjentifiku tal-miżbla tal-Magħtab bl-iskop li jkun magħruf x'fiha qabel tittieħed id-deċiżżjoni dwar kif se tkun riabilitata,
- Se jingħalqu l-inċineraturi kollha tal-Gvern li m'humiex skond standards rikjesti internazzjonalment;
- Se jinbena stazzjon f'Għawdex għat-trasferiment ta' skart minn Għawdex għal Malta fi trakkijiet issiġġilati;
- Se titwaqqaf faċilita' għar-riċiklaġġ/irkuprar ta' żjut.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li kien importanti li l-poplu jsir aktar konxju ta' dak kollu li qed jitwettaq biex tkun implimentata l-istateġija għall-immaniġġjar ta' skart solidu. Qal li Proġett Skart ma setax jirnexxi jekk ma jkunx hemm il-parteċipazzjoni ta' kulħadd. Għalhekk l-interess li l-poplu kien qed jieħu fl-istand li kellu l-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura dwar Proġett Skart kien ta' inkoraġġiment biex tissokta l-ħidma sakemm dan il-proġett jitwettaq fit-totalita' tiegħu.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech ħabbar li wara s-sejħa li għamel biex isir il-profil xjentifiku, jew X-Ray, tal-Magħtab, il-Qortin u Wied Fulija, il-Gvern irċieva ħames offerti. Fil-ġranet li ġejjin se tintgħażel il-kumpannija li se tagħmel dan il-profil
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN