Left arrow Go Back

Restawr tal-Pitturi ta' Perez D'Aleccio fil-Palazz il-Belt

PR441
Date Icon 05/04/2002

Il-Ministru ta' l-Edukazzjoni Louis Galea żar ix-xogħol ta' restawr li qed isir fuq il-pitturi ta' Perez D'Aleccio fis-Sala tat-Tron tal-Palazz Presidenzjali tal-Belt. Il-Pitturi li qed ikunu rrestawrati huma wħud mill-aktar pitturi importanti li hemm fil-Palazz, kemm minħabba l-pittur li għamilhom, kif ukoll minħabba dak li jidher fil-pitturi stess.

Dan ir-restawr, li huwa ffinanzjat mill-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Belt Valletta, qed ikun ikkoordinat mis-Senior Conservationist, Prof. Heinz Leitner (Awstrijak), li għandhu esperjenza vasta fil-qasam tar-restawr ta' pitturi mal-ħitan. Prof. Leitner ħadem fuq diversi proġetti fil-Vatikan, fl-Italja, fl-Awstrija u l-Ġermanja u jgħallem ir-restawr tal-pittura fl-Universita' ta' Dresden. Ix-xogħol ta' restawr qed isir bl-għajnuna ta' tmien assistenti li qed jaħdmu ma' Prof. Leitner.

Il-Proġett issa wasal fit-tieni fażi tiegħu. F'din il-fażi qed jiġu rrestawrati tlett xeni u tlett 'virtujiet'. Il-Proġett kollu se jiswa madwar Lm 80,000 u f'din il-fażi se jintefqu madwar Lm 30,000.

Ix-xogħol ta' restawr kien meħtieġ għaliex il-pitturi bgħatew ħafna fil-passat minħabba tibdil li sar f'din il-kamra fis-seklu dsatax kif ukoll b'riżultat ta' xi interventi li saru fuqhom tul iż-żminijiet. Il-Ministru Louis Galea qal li dawn ix-xogħlijiet jeħtieġu interventi maħsuba sew minn esperti f'dan il-qasam biex il-wirt li ksibna nkomplu nippreservawħ għal dawk li jiġu warajna. Il-Ministru qal li fil-bidu ta' din il-leġislatura l-Gvern waqqaf iċ-Ċentru Malti għar-Restawr f'Bighi bl-iskop li Malta tibni riżorsi fiżiċi kif ukoll umani f'dan il-qasam.

Il-Ministru qal li fit-tlett snin li ilhu mwaqqaf iċ-Ċentru, saru numru ta' kisbiet importanti. Waħda mill-aktar kisbiet importanti li seħħet reċentament, kienet il-ħolqien u issa t-tmexxija ta' programm innovattiv fit-tagħlim tar-restawr u l-konservazzjoni.

Dan il-programm imsemmi IKONOS hu maħsub biex pajjiżi Ewro-Mediterranji joħolqu network ta' kooperazzjoni bejniethom biex it-tagħlim isir b'mod aktar effettiv bl-użu ta' l-aktar apparat modern. Il-fatt li Malta ħolqot dan il-programm u issa qed tikkoordinaħ juri li qed niksbu reputazzjoni tajba f'dan il-qasam.

Il-Professur Leitner għamel preżentazzjoni dettaljata tax-xogħol li sar s'issa u x-xogħol li qed isir bħalissa. Hu qal li dan ix-xogħol hu wieħed kompless u jirrikjedi ammont ta' studju qabel ma jibdew x-xogħlijiet fuq il-pitturi.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow