Left arrow Mur Lura

Diskors mill-Ministru ta’ l-Agrikoltura u Sajd, l-ONor. Ninu Zammit waqt il-ftuħ tal-'Green Week' fit-Trade Fair Grounds - Naxxar

PR428
Date Icon 03/04/2002

Hu pjaċir tiegħi li ġejt mistieden niftaħ din il-fiera speċjalizzata b’rabta mill-qrib mas-settur tal-biedja. Din il-fiera, magħrufa bħala Green Week, tiġbed eluf ta’ nies għaliex f’dawn l-aħħar snin kiber ħafna fost il-poplu Malti, l-interess fil-pjanti u fil-prodotti agrikoli li nkabbru f’pajjiżna. Hu għalhekk li l-Ministeru ta’ l-Agrikoltura u Sajd jieħu sehem b’mod attiv f’din il-wirja, b’mod li lill-pubbliku nagħmluh aktar konxju mill-importanza tal-biedja f’pajjiżna u mill-iżviluppi li jseħħu minn żmien għal ieħor f’dan is-settur.

Bla dubju l-fiera ta’ din is-sena qed issir fi żmien mill-aktar importanti għal dan is-settur. Hu fatt magħruf li l-biedja għandha diversi funzjonijiet x’taqdi. Fost dawn, l-aktar importanti huma l-produzzjoni ta’ l-ikel, il-ħolqien ta’ l-impjiegi u t-tħaris ta’ l-ambjent. Hu fatt magħruf ukoll li l-biedja għadha importanti għal pajjiżna u għaldaqstant irridu nagħmlu ħilitna biex insostnuha u nassiguraw li tibqa’ sostenibbli.

Bħalissa ninsabu għaddejjin minn proċess – dak marbut mas-sħubija fl-Unjoni Ewropea – li għamilna aktar konxji mill-ħtieġa ta’ riforma u ristrutturar fis-settur tal-biedja f’pajjiżna. Din il-ħtieġa ilha teżisti iżda ftit li xejn sar fl-imgħoddi għaliex seta’ kien hawn min ħaseb li l-protezzjoni setgħet tibqa’ magħna għal dejjem. Dan m’hux il-każ għax id-dinja qed tinbidel u kollox qed ikun liberalizzat. Din il-liberalizzazzjoni, din it-tneħħija tal-protezzjoni hi rrilevanti minn jekk nissiehbux jew le fl-Unjoni Ewropea. Ir-realtà hi li din il-protezzjoni trid tispiċċa, jekk mhux illum, għada.

U allura hu mportanti anki għall-istess settur tal-biedja, li nibdew inħejju għal din il-bidla li qed isseħħ fuq bażi globali. Irridu nibdew inħejju minna issa biex inkunu kapaċi nilqgħu għall-isfidi li għandna quddiemna.

Bħala parti min-negozjati li qed ikollna ma’ l-Unjoni Ewropea dwar il-kapitlu tal-biedja qed niddiskutu dwar pakkett speċjali ta’ għajnuna għall-bdiewa u r-raħħala biex nassiguraw li l-bdiewa u r-raħħala jibqa’ jkollhom dħul ġust u xieraq filwaqt li l-konsumatur jibqa’ jsib prodott bnin, ta’ kwalità u bi prezz raġonevoli. F’dawn l-aħħar jiem, dan il-pakkett speċjali kien diskuss b’mod mill-aktar wiesa’ ma’ dawk kollha konċernati, jiġifieri ma’ l-istakeholders kollha.

Dan il-pakkett jaħseb biex it-tneħħija tal-protezzjoni tissarraf f’għajnuna diretta kif ukoll f’għajnuna għar-ristrutturar ta’ dan is-settur. L-għajnuna li qed jipproponi l-Gvern tammonta għal madwar Lm70 miljun mifruxa fuq perjodu ta’ snin.

Minbarra dan il-pakkett speċjali, f’dawn l-aħħar ġimgħat kellna eżerċizzju ieħor ta’ konsultazzjoni mill-aktar wiesgħa dwar it-tfassil ta’ l-ewwel Pjan ta’ Żvilupp Rurali għall-gżejjer Maltin. Għandi l-pjaċir ngħid li dan kien eżerċizzju mill-aktar posittiv u l-qafas ta’ dan il-Pjan, mistenni jitlesta fi żmien qasir. Wara se nagħmlu aktar laqgħat ta’ konsultazzjoni bit-tama li dan il-Pjan niffinalizzawh sa Ġunju li ġej. Pjan ta’ din ix-xorta hu meħtieġ – nidħlu jew ma nidħlux fl-Unjoni Ewropea – għaliex hu dan il-pjan, li se jagħti nifs ġdid lis-settur tal-biedja u jgħin biex inħarsu l-patrimonju storiku, rurali u kulturali tagħna, kif ukoll l-ambjent li fih ngħixu.

L-istess proċess li għaddejjin minnu wassalna wkoll biex insaħħu l-leġislazzjoni bl-iskop li ntejbu l-operat u l-effiċjenza tas-setturi tal-biedja u s-sajd u biex niggarantixxu l-kwalità tal-prodott anki mil-lat ta’ saħħa. Fost dawn ta’ min isemmi l-liġi dwar il-kwaratina tal-pjanti, il-liġi dwar il-kontroll tal-pestiċidi, u l-liġi biex insaħħu u nikkonsolidaw is-servizz veterinarju.

Bħalissa qed niddiskutu liġi oħra importanti fil-Parlament: dik dwar l-Għaqdiet tal-Produtturi. Aħna rridu lill-bdiewa, lir-raħħala u lis-sajjieda mhux biss jipproduċu l-prodotti agrikoli jew jaqbdu l-ħut, iżda wkoll li jfittxu huma stess, permezz ta’ dawn l-organizzazzjonijiet, is-swieq kemm lokalment kif ukoll barra minn Malta. M’għandi l-ebda dubju li dawn l-Għaqdiet għandhom ikunu l-għodda li permezz tagħhom is-settur agrikolu jkun ristrutturat b’tali mod li titnaqqas il-produzzjoni żejda, liema produzzjoni żejda tissarraf fi dħul anqas għall-produtturi.

Ninnota b’sodisfazzjon li diġà hemm bdiewa u r-raħħala li fehmu l-ħtieġa li jirristrutrutturaw l-operat tagħhom. Qed naraw ukoll li diversi prodotti agrikoli, bħal ngħidu aħna l-ġbejniet, illum qed jaslu għand il-konsumatur ippakkjati b’mod aktar professjonali. Qed naraw isseħħ ukoll diversifikazzjoni, fis-sens li f’dawn l-aħħar ftit snin ngħatat spinta qawwija lit-tkabbir tad-dwieli u issa anki lit-tkabbir taż-żebbuġ. Anki fil-qasam ta’ l-ortikultura qed naraw li uħud minn dawk li jbiegħu s-siġar u l-pjanti llum ramaw b’serer kbar u qed ikabbru huma stess is-siġar, il-pjanti u l-fjuri. Dan jawgura tajjeb mhux biss mil-lat ekonomiku, iżda wkoll mill-fatt li jonqsu r-riskji li jkunu impurtati mard u nsetti qerrieda.

Hi x-xewqa tiegħi li f’din il-fiera jibda jingħata aktar spazju lill-prodott agrikolu Malti. B’hekk din il-fiera tibda wkoll tipprovdi bilanċ bejn dak li nipproduċu lokalment u dak li nimpurtaw. Għax, wara kollox, tajjeb li lil dawk l-eluf li jiġu biex japprezzaw il-pjanti, nuruhom ukoll x’kapaċi jipproduċu l-bdiewa u r-raħħala Maltin.

Filwaqt li niddikjara din il-fiera miftuħa, nawgura kull suċċess lil esebituri kollha li qegħdin jieħdu sehem u nħeġġeġ lill-poplu jibqa’ jfittex il-prodott Malti...li jibqa’ dejjem prodott ġenwin, frisk, bnin u naturali. Kelma ta’ l-aħħar lil dawk li jżuru l-padiljun tal-Ministru ta’ l-Agrikoltura u Sajd f’din il-fiera biex jixtru mill-pjanti mkabbra mid-Dipartiment tal-Biedja għax dan ikunu qegħdin jagħmluh bi skop filantropiku billi jikkontribwixxu għall-ħtiġiet tant kbar tad-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow