Left arrow Mur Lura

MIRI LI LĦAQNA U QBIŻNA

PR426
Date Icon 03/04/2002

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, Francis Zammit Dimech, waqt li dalghodu tkellem dwar Proġett Skart, l-azzjonijiet li jridu jittieħdu u fejn wasalna qal, li f'Ottubru li għadda kien introduċa għall-pubbliku l-verżjoni finali ta' l-Istrateġija għall-Immaniġġjar ta' l-Iskart Solidu fil-Gżejjer Maltin. Qal li dakinhar kien ħabbar li b'kollox l-istrateġija taħseb ghal 56 azzjoni u miżura li jridu jittieħdu sal-2005. L-akbar numru ta' azzjonijiet, 23, iridu jittieħdu tul din is-sena.

Francis Zammit Dimech qal li kien tajjeb li l-Gvern jintrabat b'time-frames għaliex dan iqiegħed fil-prattika l-prinċipji tat-trasparenza u l-accountability li huma l-perm ta' amministrazzjoni moderna. Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li l-Ministeru ddeċieda favur li jaghti lil din l-istrateġija identità u li jżomm lill-pubbliku nfurmat dwar dak kollu li jkun qed iseħħ biex hekk, meta qed nitolbu l-kooperazzjoni ta' kulħadd biex titwettaq din l-istrateġija li se nibdew nirreferu għaliha bħala PROĠETT SKART, kulħadd ikun jaf x'inhu sehmu biex dan il-proġett jitwettaq.

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li din il-ġimgħa beda jintbagħat fid-djar kollha ta' Malta u Għawdex fuljett li fih qed nispjegaw fiex jikkonsisti dan il-proġett. Qal li llum tiftaħ fit-Trade Fair Grounds il-Green Week Fai,r fejn il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qed itella' stand dwar l-immaniġġjar ta' l-iskart fil-gżejjer Maltin u fejn se jkun hemm uffiċjali, li huma esperti fis-suġġett, biex iwieġbu għall-mistoqsijiet tal-pubbliku. Qal li nhar il-Ħadd 7 ta' April, taħt tinda fl-istess Trade Fair Grounds, se ssir konferenza indirizzata minn esperti fis-suġġett u minnu dwar l-immaniġġjar ta' l-iskart solidu. Qal li kien stallat freephone apposta biex kulmin ikollu mistoqsijiet dwar Proġett Skart ikun jista' jindirizzahom lil nies esperti u jingħata tweġiba. Qal li l-proġett ghandu wkoll website u e-mail tiegħu. Dan kollu qed isir biex il-pubbliku jingħata l-informazzjoni kollha li jrid u jinżamm aġġornat.

Francis Zammit Dimech qal li l-Gvern wiegħed li jagħlaq il-miżbla tal-Maghtab u l-miżbla ta' Qortin f'Għawdex sal-2004. Intrabat ukoll li jirriabilita dawn iż-żewġ miżbliet u dik tal-Fulija fiż-Żurrieq. Biex iseħħ dan kollu trid bilfors tinbena l-infrastruttura meħtieġa ħalli l-iskart kollu li nipproduċu f'pajjiżna ikun hemm fejn inkunu nistgħu niddisponu minnu. Kien b'dan l-iskop li

  • Se jsir profil xjentifiku tal-miżbla tal-Magħtab biex ikun magħruf x'hemm fiha qabel ma ngħaddu ghall-pass li jmiss, jiġifieri dak li jingħażel il-kuntrattur biex iwettaq ir-rimedji li hemm bżonn, qabel ma jsir il-landscaping tal-post jew qabel mal-post jingħata biex jintuża għal skopijiet oħra.

  • Se jitkabbar u jiġġedded l-Impjant għall-Kompostaġġ f'Sant'Antnin biex aktar skart domestiku jinbidel f'kompost u biex fil-proċess ma jsir xejn li jkun ta' inkonvenjent għall-pubbliku. Darba aktar skart domestiku jinbidel f'kompost jonqos ukoll l-iskart li jmur fil-landfill.

  • Se jinbnew żewġ landfills għal skart domestiku u skart perikoluż. Dawn il-landfills se jinbnew b'tali mod li la ssir ħsara lill-ambjent minn nixiegħat ta' ilma maħmuġ, la minn dħaħen u anqas minn muntanji ta' skart. S'issa l-pajjiż kellu biss miżbliet fejn jiddisponi mill-iskart. Fi ftit xhur oħra se jkollna landfills immaniġġjati tajjeb u li la jagħmlu ħsara lil bniedem u anqas lill-ambjent.

  • L-iskart mill-industrja tal-bini, li jagħmel 80 fil-mija ta' l-iskart kollu li jidħol il-Magħtab, se niddisponu minnu mod ieħor. Is-sena li għaddiet kellna liċenzjati 11-il barriera li fihom intremew 400,000 tunnellata ta' skart mis-settur tal-kostruzzjoni. Fil-ġimgħat li ġejjin se nieħdu miżuri biex il-bqija ta' l-iskart minn dan is-settur, tneħħi għal dak l-ammont li hu meħtieġ biex jitgħatta skart domestiku u skart ieħor li jintefa' fil-Magħtab, imur fil-barrieri. Hekk ikun ittieħed pass konkret ieħor biex ma tkomplix tikber il-miżbla tal-Magħtab.

  • Se jingħalqu l-inċineraturi kollha li m'humiex skond standards rikjesti internazzjonalment. Minflok se jinbnew faċilitajiet ghat-trattament ta' l-iskart. Fost dawn se jkun hemm facilità ġdida fl-Isptar San Luqa.

  • F'Għawdex se jinbena stazzjon għat-trasferiment ta' skart minn Għawdex għal Malta fi trakkijiet issiġillati


Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li wħud mill-miżuri li kellna nieħdu din is-sena jew diġà tlestew jew jinsabu fi stadju avvanzat. Qal li diversi minn dawn il-miżuri huma fi stadju ferm aktar avvanzat milli kien ippjanat. Biex seta' jigri dan hemm nies dedikati li qed jahdmu bla heda biex dan il-progett jitwettaq fil-hin u skond il-pjani mfassla.

Il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li sehem il-pubbliku f'dan il-proġett kien wieħed mhux biss essenzjali iżda indispensabbli. Qal li wieħed mill-kunċetti l-aktar importanti fl-immaniġġjar ta' l-iskart solidu kien li l-iskart ried jitnaqqas, jintuża mill-ġdid, jiġi riċiklat u rkuprat. Qal li l-muntanji ta' l-iskart kienu magħmula minn dak li jiddisponi minnu kull wieħed u waħda minnha. Għalhekk jekk innaqqsu l-iskart inkunu qed innaqsu l-użu ta' riżorsi li jistgħu jmorru għal skopijiet oħra. Hu qal li jekk immorru nixtru m'għandnix nitolbu basket tal-plastik għal kull ħaġa. Basket tal-canvas, jew qoffa, jservu u jintuzaw aktar minn darba. Jekk nuzaw mill-gdid innaqqsu mill-skart. Ix-xiri ta' xorb minerali fi fliexken tal-ħġieġ ifisser miljuni ta' fliexken inqas tal-plastik li jmorru fil-postijiet fejn niddisponu mill-iskart. Ir-riċiklagg ukoll inaqqas mill-iskart. Ħafna materjal li niddisponu minnu nistgħu nipproċessawh mill-ġdid u hekk nerġgħu nagħmlu użu minnu. Dan jgħodd għall-karta, kartun, ħġieġ u tessuti. Meta nirkupraw l-iskart nieħdu valur minnu billi nibdluh f'kompost u nirkupraw l-enerġija minnu. Dan kollu jwassal biex innaqqsu l-iskart. Li rridu anke nibdew nisseparawh ħalli t-tipi differenti ta' skart niddisponu minnhom biex hekk verament inwettqu l-kunċett ta' l-iżvilupp sostenibbli.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li Proġett Skart hu ta' kulħadd. Hu taż-żgħażagħ, ta' l-anzjani, tat-tfal, tal-familji, ta' l-industrja, tat-turiżmu, tal-biedja, tal-gruppi ambjentali, tal-kunsilli lokali. Hu pjan li flimkien inwettquh izda li ma jirnexxix jekk mhux kulħadd jagħti sehmu.

Francis Zammit Dimech qal li ried jiehu din l-okkażjoni biex jinawgura uffiċjalment l-Uffiċju Stampa tal-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura. Qal li dan l-uffiċju kien mgħammar bl-aktar faċilitajiet moderni fil-qasam ta' l-informatika bl-aħħar teknika. Francis Zammit Dimech qal li kien jemmen li dan l-Uffiċċju Stampa kien se jkun ħolqa importanti fir-relazzjonijiet diġà tajba bejn il-media u l-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura.

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li ried jirringrazzja lil kull min ħadem biex dan il-proġett kien realizzat, b'mod partikolari lill-Perit Ivan Coleiro li ddisinja dan il-proġett, lil Nicholas Grech, Direttur tad-Dipartiment tal-Kostruzzjoni u Manutenzjoni, lil Ray Farrugia, Direttur tal-Bini u Inġinerija, lil Vince Magri Direttur tad-Dipartiment tal-Manifattuera u Servizzi, lil Charles Zammit mill-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura li kkoordina x-xogħlijiet u lill-ħaddiema kollha ta' dawn id-dipartimenti li b'tant ħeġġa wettqu dan il-proġett

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow