STQARRIJA MIS-SEGRETARJU PARLAMENTARI EDWIN VASSALLO - "M'GĦANDU JKUN HEMM L-EBDA INĊERTEZZA U BIŻA' FOST IL-ĦADDIEMA MINĦABBA L-LATE NIGHT SHOPPING"
B' referenza għad-diversi artikli fil-ħarġa tal-lum tal-ġurnal "l-Orizzont", l-Onor Edwin Vassallo jiddikjara li m'għandu jkun hemm l-ebda inċertezza u biża' fost il-ħaddiema tal-ħwienet.
M'hemm l-ebda raġuni għaliex għandhom jogħlew il-prezzijiet mill-ħwienet minħabba l-late night shopping.
Għas-sidien tal-ħwienet din hija sistema volontarja u dak li ħabbart kien riżultat ta' simplifikazzjoni ta' proċeduri. Il-late night shopping seta' jsir izda ried jintalab permess. Issa ser jkun jista' jsir sempliċiment b'notifikazzjoni fuq formula statutorja li ser tkun tista' tinġabar mingħand il-Kunsilli Lokali. Kull sid ta' ħanut ser jiddeċiedi hu skond jekk jaqbillux jew le. Il-Gvern mhux qed jobbliga lil ħadd biex jibqa' miftuħ sa l-għaxra ta' filgħaxija. Għaldaqstant min jaħseb li mhux ser ikun qiegħed iżid fil-bejgħ għaliex m'għandux domanda biex jiftaħ, mhux ser ikollu għalfejn jibqa' miftuħ.
Għalhekk din il-proċedura ġiet issimplifikata biex tgħin li min għandu d-domanda biex jibqa' miftuħ. Fis-suq kompetittiv ta' pajjiżna persważ li l-ebda negozju ma hu ser jaċċetta li jżid l-ispejjeż u jgħolli l-prezzijiet. Bil-kuntrarju, il-kompetizzjoni qed twassal biex tiżdied id-diversita' fis-suq u jkollna prezzijiet irħas minn meta l-kompetizzjoni kienet ikkontrollata.
Rigward il-ħaddiema tal-ħwienet, din il-proċedura m'għandiex għaliex toħloq inċertezza u biża'. Għalkemm il-late night shopping jista' jsir nhar ta' Ħamis, Ġimgħa u s-Sibt, kull sid ta' ħanut irid jagħżel li jibqa' miftuħ sa l-għaxra f'ġurnata waħda biss fil-gimgħa u mhux għal tlett ijiem fil-ġimgħa.
Huwa inġust li deċiżjoni lejn simplifikazzjoni ta' proċeduri meħuda mill-Gvern u li ġiet milqugħa pożittivament kemm mis-sidien tal-ħwienet kif ukoll mis-settur tal-konsumatur, tkun mogħtija l-impressjoni ta' biża' u inċertezza kif deher f'diversi artikli ippublikati mill-ġurnal "l-Orizzont".
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN