Stqarrija dwar allegazzjoni ta’ l-Onor. Evarist Bartolo fil-Parlament
Dak li qal l-Onor. Evarist Bartolo waqt l-Aġġornament tal-Parlament, jiġifieri li d-dgħajsa li għerqet ftit ilu viċin Lampedusa, kienu jafu biha l-forzi ta’ l-ordni Maltin u m’għamlu xejn dwarha, ġie investigat.
Meta wieħed iqis li d-dgħajsa kienet ta’ l-injam u li għalhekk diffiċli tinqabad fuq ir-radar screens, li kienet ta’ daqs pjuttost żgħir (10 metri), u li din avviċinat lejn Lampedusa mid-direzzjoni tan-nofs in-nhar, il-possibilità li din il-lanċa setgħet tidher b’xi mod mit-Turretta tal-Palazz jew minn x’imkien ieħor, hija negliġibbli. Madankollu ġew intervistati l-membri tal-Forzi Armati li kienu xogħol f’dawk il-jiem u dawn ikkonfermaw li huma la raw, u lanqas ma kellhom xi kuntatt mad-dgħajsa in kwistjoni.
Hawnhekk irid jingħad li meta tinqabad xi dgħajsa jew lanċa fuq ir-radar screens, kulma wieħed jara huwa tikka miexja. Ma jkun hemm l-ebda indikazzjoni speċifika ta’ l-attività li tkun qed issir mid-dgħajsa, jigifieri jekk hix dgħajsa tas-sajd, pleasure-boat jew jekk hemmx immigranti fuqha. Fil_fatt, fl-ibħra tagħna jidhru kwantità kbira ta’ dawn ir-radar specks, b’mod regolari u jkun biss f’sitwazzjonijiet suspettużi li wieħed jibda jinvestiga.
Il-Forzi Armati ta’ Malta l-ewwel darba li saru jafu bid-dgħajsa kien tliet sigħat qabel din inqalbet, permezz ta’ messaġġ li ntbagħat lilhom mill-awtoritajiet Taljani. Dak il-ħin il-lanċa kienet 122 mil nawtiku bogħod minn Malta, 78 mil nawtiku bogħod minn Lampedusa, u 80 mil nawtiku bogħod mill-kosta tal-Libja. Il-patrol boat Maltija li marret biex tassisti, u li imbagħad kellha tirritorna minħabba ħsara, ma ntbagħtetx fuq xi talba mill-Italja, iżda fuq inizjattiva tal-Forzi Armati ta’ Malta. L-unika rikjesta li għamlu l-awtoritajiet Taljani in konnessjoni ma’ dan il-każ kien, il-faċilità biex ajruplani jieħdu fuel minn Malta – talba li ġiet milqugħa immedjatament.
Ta’ min jgħid hawnhekk li l-awtoritajiet navali Taljani kienu fuq il-post tad-disgrazzja mill-ewwel, permezz tal-Offshore Patrol Vessel tagħhom "Cassiopea", ta’ madwar 260 pied u li għandha ekwipaġġ ta’ madwar sebgħin; u li hi armata wkoll b’ helicopter li hu ikbar minn dawk li għandhom il-Forzi Armati ta’ Malta. Din l-Offshore Patrol Vessel hija attrezzata speċifikament għax-xogħol ta’ salvataġġ fuq il-baħar.
Il-Gvern huwa konxju mid-dmirijiet tiegħu f’dan il-qasam. Tant hu hekk li matul dawn l-aħħar snin saru sforzi biex, dejjem skond ir-rizorsi limitati tagħna, inkomplu ntejbu l-faċilitajiet. Insemmu, per ezempju, l-akkwist ta’ patrol boat ġdida mill-Istati Uniti, li għandha tasal Malta fi ftit xhur oħra, u t-titjib li sar dan l-aħħar permezz ta’ sistema ta’ micro-wave links bejn id-diversi radar outposts li għandhom il-Forzi Armati u l-Operations Centre tagħhom ta’ Hal Luqa. Dawn il-microwave links jintuzaw ukoll għal komunikazzjoni aħjar bir-radju. Minbarra dan, hemm il ħsieb li jinxtara apparat bħal night vision goggles, li jkompli jgħin lill-Forzi Armati fir-rwol tagħhom ta’ Search and Rescue.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN