JITQASSMU L-PREMJIJIET TAL-KARNIVAL 2002 F'GħAWDEX
Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono qassmet iktar minn Lm12,145 fi premjijiet marbuta mal-kompetizzjonijiet tal-Karnival 2002, waqt laqgħa li saret ghall-parteċipanti, fil-Ministeru għal Għawdex, illum it-Tlieta 26 ta' Marzu.
Filwaqt li rringrazzjat lill-parteċipanti kollha ta' din is-sena, li ammontaw għal 51 grupp, għaqdiet jew individwi, l-Ministru Debono fakkret fl-importanza li kull wieħed ifittex li jippreserva u jseddaq il-kultura ta' pajjiżna. "Il-kontribut ta' kull parteċipant jgħin sabiex tradizzjonijiet ta' gżiritna, bħal ma huma l-jiem ta' briju tal-Karnival, jibqgħu jiġu kkoltivati".
Waqt din il-laqgħa l-Ministru Debono qassmet Lm12,145 fi premijiet fil-kategoriji ta' karrijiet trijonfali, maskri grotteski, kumpaniji żfin u kostum tal-kbar, kumpaniji żfin u kostum tat-tfal, kostumi ndividwali, baned u kompetizzjonijiet taż-żfin tat-tfal ta' l-iskejjel. Il-Karnival 2002 kien organizzat mill-Kunsill tal-Kultura fi ħdan id-Dipartiment Customer Services, Ministeru għal Għawdex.
Iktar kmieni din is-sena, il-Kunsill tal-Kultura qassam Lm4,300 f'inċentivi lil individwi u għaqdiet li matul is-sena li għaddiet wettqu inizjattivi ta' natura kulturali. Dawn bħala parti minn skema li minnha jgawdu baned u korijiet li minbarra l-isforz kontinwu biex itejbu r-repertorju tagħhom, wħud minnhom għamlu sforz akbar u ħarġu wkoll barra minn xtutna u taw kunċerti f'pajjiżi barranin, fosthom New York u l-Ungerija.
Matul is-sena 2001, l-inċentivi mogħtija fil-qasam kulturali laħħqu iktar minn Lm26,000. Dawn jinkludu l-ispejjeż involuti fl-organizzazzjoni ta' attivitajiet oħra ta' natura kulturali, bħall-Karnival (Lm12,989), assistenza oħra liż-żewġ teatri f'Għawdex fl-organizzazzjoni annwali ta' l-opra lirika (Lm5,000) kif ukoll il-premijiet marbuta mal-kompetizzjonijiet tal-Milied 2001 (Lm1,360).
Preżenti għall-okkażjoni kien hemm ukoll is-Sur Vincent Grech, President Kunsill tal-Kultura Għawdex.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN