ŻIEDA QAWWIJA FIT-TKABBIR TA’ SIĠAR TAŻ-ŻEBBUĠ FL-AĦĦAR SENTEJN
Mindu l-Ministeru ta’ l-Agrikoltura u Sajd nieda l-kampanja biex f’pajjiżna jibdew jinżergħu ferm aktar siġar taż-żebbuġ bl-iskop li tingħata spinta lill-produzzjoni taż-żebbuġ, beda jinkiseb il-frott mixtieq tant li f’dawn l-aħħar sentejn kienet reġistrata żieda qawwija fl-importazzjoni ta’ siġar taż-żebbuġ.
Dan qalu l-Ministru ta’ l-Agrikoltura u Sajd Ninu Zammit, meta l-bieraħ tkellem f’laqgħa għall-bdiewa u dawk kollha interessati fiż-żbir u t-tilqim taż-żebbuġ. Matul din il-laqgħa, li saret fil-masġar taż-żebbuġ li hemm fid-daħla ta’ l-Ajruport Internazzjonali, uffiċjal mill-Extension Service fi ħdan id-Dipartiment ta’ l-Agrikoltura, wera kif għandu jsir fil-prattika t-tilqim u ż-żbir tas-siġar taż-żebbuġ.
Il-Ministru Zammit qal li d-domanda għas-siġar taż-żebbuġ tant kibret li, filwaqt li fl-erba’ snin bejn l-1996 u l-1999 l-importazzjoni ta’ siġar taż-żebbuġ ammontat għal 12,663 siġra, jew medja ta’ 3,165 fis-sena, fl-aħħar sentejn kienu impurtati total ta’ 24,712-il siġra taż-żebbuġ jew medja ta’ 12,356 fis-sena. Barra minn hekk, fl-ewwel xahrejn ta’ din is-sena diġà kienu impurtati 6,253 siġra.
Hu semma wkoll li mhux biss qed tikber id-domanda għas-siġar, iżda wkoll qed tikber id-domanda għaż-żebbuġ u għaż-żejt taż-żebbuġ tant li matul is-sena li għaddiet kienu impurtati 473,900 kilogramm żejt taż-żebbuġ u 834,650 kilogramm żebbuġ. Dawn l-ammonti huma ogħla mill-medja tal-ħames snin ta’ qabel, meta l-medja annwali kienet ta’ 382,012-il kilogramm żejt taż-żebbuġ u 699,360 kilogramm żebbuġ.
Il-Ministru Zammit qal li l-importazzjoni tas-siġar taż-żebbuġ tista’ tibda tonqos mis-sena d-dieħla għaliex parti mid-domanda għas-siġar se tkun tista’ tintlaqa’ permezz ta’ siġar li bdew jitkabbru f’Malta stess. Hu fakkar li kmieni s-sena l-oħra tlaqqmu b’suċċess fil-mixtla li d-Dipartiment ta’ l-Agrikoltura għandu fil-kumpless San Vinċenz de Paul 7,000 xitla filwaqt li kmieni din is-sena tlaqqmu mal-5,000 siġra oħra. Is-siġar li tlaqqmu s-sena l-oħra se jkunu jistgħu jitqassmu fil-bidu ta’ l-2003. Il-ħsieb hu li t-tilqim jibda jsir kull sena ħalli jkun hawn fis-suq provvista adekwata kull sena ta’ siġar ġodda, iċċertifikati bla mard.
Il-Ministru Zammit qal li żebbuġa hi waħda mis-siġar li l-aktar isebbħu lill-ambjent ta’ pajjiżna u faċilment tikber f’kull tip ta’ ħamrija u f’kull tip ta’ ambjent, kemm f’ġonna fi djar u anki viċin il-baħar. Hu qal li l-poplu qed isir aktar konxju mis-sbuħija ta’ din is-siġra, li tħaddar is-sena kollha, tant li ħafna kunsilli lokali qed joħolqu msaġar pubbliċi b’siġar taż-żebbuġ fil-lokalità tagħhom.
Hu żied li għalkemm żdiedet l-importazzjoni taż-żebbuġ, qed tiżdied ukoll il-produzzjoni lokali taż-żebbuġ tant li fis-suq Malti qed ikun hawn għall-konsum diversi tipi ta’ żebbuġ prodott lokalment. Dan minbarra li reġa’ beda jsir ukoll iż-żejt miż-żebbuġ. Il-Ministru Zammit semma li minn studju li sar instab li ż-żejt taż-żebbuġ imkabbar f’Malta fih anqas aċtu minn dak ta’ żebbuġ imkabbar f’pajjiżi oħra Mediterranji.
Il-Ministru ta’ l-Agrikoltura fakkar li, permezz tar-raba’ protokoll ma’ l-Italja, esperti u nies tekniċi mid-Dipartiment ta’ l-Agrikoltura ngħataw taħriġ speċjalizzat f’Bari u dawn qed issa jgħaddu l-esperjenza li kisbu fit-tkabbir tas-siġar taż-żebbuġ lill-bdiewa u lid-dilettanti Maltin.
Hu semma li l-ispinta li qed tingħata lit-tkabbir tas-siġar taż-żebbuġ kif ukoll lit-tkabbir tad-dwieli għall-produzzjoni ta’ l-inbid hi parti mir-ristrutturar li għaddej minnu s-settur tal-biedja f’pajjiżna. Żied li x-xewqa tiegħu hi li terġa’ tingħata wkoll spinta lit-tkabbir ta’ siġar ġodda tal-bajtar tax-xewk għaliex persważ li jeżisti suq tajjeb ħafna barra pajjiżna għal din il-frotta.
Fl-aħħarnett, il-Ministru Zammit semma wkoll ir-rabta li teżisti bejn is-siġra taż-żebbuġ u t-tifkira tal-mewt u l-qawmien mill-ġdid ta’ Sidna Ġesù Kristu. Hu fakkar li proprju f’Ħadd il-Palm isir it-tberik taż-żebbuġ biex dan jitqassam lill-poplu bl-iskop li jħarsu. Fakkar ukoll fit-tradizzjoni li kienet teżisti sa ftit tas-sena ilu, fejn wara li tgħaddi sena u l-weraq taż-żebbuġ imbierek jinxef, kien jinħaraq u bl-irmid tiegħu kienu jbaħħru d-dar u fejn kienu jżommu l-annimali kontra l-għajn.
Il-Ministru Zammit qal li m’għandux dubju li l-produzzjoni taż-żebbuġ f’pajjiżna għad terġa’ titwaqqaf fuq bażi soda u anki tibda tagħti s-sehem tagħha lejn l-ekonomija tal-pajjiż.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN