DISKORS MILL-ONOR. GIOVANNA DEBONO, MINISTRU GĦAL GĦAWDEX, FL-OKKAŻJONI TAL-VARAR TAL-VAPUR 'M.V. MALITA' - PORT TA' L-IMĠARR, GHAWDEX - IS-SIBT, 23 TA' MARZU 2002
Ninsabu hawn dalgħodu għal okkażjoni speċifika, okkażjoni li mhux biss għandha tinżel fl-istorja tat-trasport bil-baħar bejn Għawdex u Malta u tal-Gvern preżenti, imma b'mod partikolari f'dik ta' Għawdex. Dalgħodu, Għawdex qiegħed jiġi rregalat b'għodda mill-iktar importanti li tassigura ġejjieni aħjar, fejn verament nistgħu ngħidu li permezz ta' dan l-investiment qawwi pajjiżna, u b'mod iktar speċifiku, il-gżira t'Għawdex ser tibbenefika bl-iktar mod dirett.
Din hija t-tielet okkażjoni tal-varar ta' vapur ġdid fi ftit iktar minn sentejn. Hija konferma tal-wegħda magħmula u mwettqa mill-Gvern Nazzjonalista fit-tisħiħ tal-komunikazzjoni bil-baħar bejn iż-żewġ gżejjer.
Huwa stat ta' fatt naturali li Għawdex ibati minn insularita' doppja. Għawdex huwa gżira żgħira li tiddependi fuq gżira oħra għat-traġitt ta' nies, prodotti u servizz mal-bqija tad-dinja. Għaldaqstant il-medda baħar li hemm bejn Malta u Għawdex mhux biss tifred liż-żewġ gżejjer iżda wkoll tgħaqqadhom.
Għalhekk biex infasslu politika ta' żvilupp sostenibbli għal Għawdex irridu nifhmu l-iżvantaġġi li l-fliegu joħloq lill-Għawdxin biex inkunu f'pożizzjoni tajba biex negħlbu dawn l-iżvantaġġi bl-aħjar mod possibbli. Dik hija l-politika li qed iħaddan u jħaddem il-Ministeru għal Għawdex.
X'inhuma l-iżvantaġġi ta' l-insularita' doppja ta' Għawdex, tal-fliegu li jifred lill-gżira ta' Għawdex mill-gżira ta' Malta?
L-akbar żvantaġġ huwa li jxekkel il-moviment ħieles ta' nies, ta' servizzi u ta' materjal u oġġetti oħra. Ħalli l-ewwel inħares ftit lejn il-moviment ħieles ta' nies. Jekk l-Għawdxin iridu jmorru jaħdmu Malta għandhom problemi kbar biex joqogħdu ġejjin u sejrin - rabta ta' ħin, telf ta' ħin, nuqqas ta' servizz ta' trasport, servizz li qatt ma tista' tkun ċert mija fil-mija fuqu. Dan barra l-problemi ta' spejjeż żejda.
Jekk inħarsu lejn il-qasam turistiku niltaqgħu ma' l-istess problemi, li minħabba fihom, għalkemm huwa ovvju għal kulħadd li Għawdex jappella għat-turist ta' kwalita' iktar milli tappella Malta, in-numru ta' turisti barranin li jiġu biex iqattgħu il-vakanza tagħhom f'Għawdex huwa relattivament ferm inqas minn ta' Malta. Fattur ewlieni f'dan ir-rigward huwa bla dubju ta' xejn il-fliegu li jifred lil Għawdex minn Malta u l-bqija tad-dinja.
Jekk nagħtu ħarsa lejn il-moviment li għandu jkun ħieles ta' servizzi nsibu l-istess problemi. Biex l-Għawdxin jinqdew mis-servizzi offruti mill-Istat f'Malta u li ma jistgħux ikunu provduti f'Għawdex bħalma huma l-Universita' u servizzi ta' speċjalita' u sotto-speċjalita' fil-qasam tas-saħħa jridu wkoll iġorru magħhom il-ħalel tal-fliegu. Il-problema fil-moviment ħieles ta' servizzi tkompli tolqot lil Għawdex anke meta s-servizzi jingħataw f'Għawdex stess minn min ma jgħix f'Għawdex. F'każijiet bħal dawn is-servizzi jingħataw mhux meta u xħin għandhom bżonnhom l-Għawdxin iżda meta jippermettu l-problemi tal-fliegu li dejjem u bir-raġun iridu jiġu kkunsidrati minn min ikun ġej biex jagħti s-servizzi tiegħu f'Għawdex.
Anke jekk niflu ftit il-moviment, li għandu jkun ħieles, ta' materjal, prodotti u oġġetti oħra, nerġgħu nsibu l-istess problemi - problemi ta' spejjeż żejda, ta' ħela ta' ħin, ta' kundizzjonament ta' ħin u ta' nuqqas ta' ċertezza. Dawn kollha huma fatturi ewlenin għaliex investituri jaħsbuha ħafna biex jinvestu fil-qasam tal-manufattura f'Għawdex.
Il-Ministeru għal Għawdex qed iwettaq diversi miżuri biex itaffi kemm jista' jkun dawn il-problemi u żvantaġġi. Jingħataw għotjiet ta' sussidji u nċentivi lill-ħaddiema u studenti Għawdxin f'Malta.
Jingħata trasport b'xejn bejn Malta u Għawdex lill-bdiewa u s-sajjieda għall-ġarr tal-prodotti tagħhom lejn Malta kif ukoll sussidji għall-ġarr ta' ġwież lejn Għawdex. Jingħataw għotjiet lill-industrijalisti għall-ġarr ta' materja prima u tal-prodotti tagħhom. Jingħata għajnuna finanzjarja lill-ispeċjalisti fil-qasam tas-Saħħa li jiġu jaħdmu Għawdex minn Malta.
Dan kollu iżda jtaffi biss l-ispejjeż żejda ta' l-insularita' doppja ta' Għawdex. Il-problemi l-oħra tal-fliegu jeħtieġu soluzzjonijiet u miżuri differrenti, għalkemm qatt ma tista' twarrabhom kompletament.
Fost il-miżuri kbar li l-Gvern tal-lum qed jieħu huma l-bini ta' faċilitajiet ġodda fiċ-Ċirkewwa u l-Imġarr għat-trasport bil-baħar bejn il-gżejjer, faċilitajiet li għandhom jagħmlu dan is-servizz iktar ta' min jorbot fuqu. Iżda l-ikbar investiment li qed jagħmel il-Gvern biex itaffi l-problemi ta' periferalita' doppja huwa bla dubju ta' xejn il-bini ta' tliet vapuri li għandhom ikomplu jagħmlu s-servizz ta' trasport bejn il-gżejjer iktar effiċjenti u ta' min jorbot fuqu.
Kull min għandu għal qalbu l-ġid ta' Għawdex jifhem u japprezza l-investiment kbir u l-isforzi l-kbar li qed isiru mill-Gvern biex jagħmel lil Għawdex aċċessibbli aħjar għal nies, prodotti u servizzi Maltin u barranin, u lil Malta u lill-bqija tad-dinja aċċessibbli aħjar għall-Għawdxin u l-prodoti u s-servizzi tagħhom.
Naħseb li f'dan il-kuntest irridu ninkwadraw din iċ-ċerimonja ta' dalgħodu, ċerimonja li tagħlaq il-kapitlu tal-bini tat-tliet vapuri u li tiftaħ il-kapitlu ta' komunikazzjonijiet ta' trasport bil-baħar ferm u ferm aħjar milli qatt kien hawn.
Jiena, filwaqt li nirringrazzja lill-istess ħaddiema li bnew dawn it-tlett vapuri ġodda, nirringrazzja wkoll lil kull min, b'xi mod jew ieħor kellu sehem fil-bini ta' "Ta' Pinu", "Gaudos" u dan it-tielet vapur. Insemmi dan il-vapur "Malita".
Nitolbu 'l Alla jbierek dan il-vapur u lil dawk kollha li jbaħħru fuqu.
Grazzi lil kulħadd.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN