Iffirmat il-kuntratt għall-esportazzjoni tat-tonn
Ir-rieda tajba murija f’dawn l-aħħar xhur miż-żewġ koperattivi tas-sajd flimkien mal-ħidma mwettqa mill-Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd, wasslu biex din is-sena tinħareġ sejħa waħda għal offerti għall-esportazzjoni tat-tonn, maqbud mis-sajjieda Maltin fl-ibħra ta’ madwar Malta. Dan sar fl-interess tas-sajjieda nfushom li, permezz tal-kuntratt li sar, il-prezz miksub hu aħjar mill-prezz fis-swieq internazzjonali.
Dan qalu l-Ministru għall-Agrikoltura u Sajd, l-Onor. Ninu Zammit illum, meta ippresieda l-iffirmar tal-kuntratt bejn il-Koperattiva Nazzjonali tas-Sajd u l-Għaqda Koperattiva tas-Sajd Ltd, f’isem is-sajjieda membri tagħhom, u l-kumpannija AJD Tuna Ltd, li hi ffurmata mill-aħwa Tony u Charles Azzopardi, magħrufa bħala Azzopardi Fisheries, minn Jeong Ltd tal-Korea u mill-Korporazzjoni Dohusi tal-Gappun.
Dan il-kuntratt ikopri l-istaġun tat-tonn għal din is-sena, li jiftaħ fl-1 ta’ Mejju u jagħlaq fil-15 ta’ Lulju.
Il-kuntratt jiggarantixxi lis-sajjieda Maltin prezz ta’ Lm2.30c -il kilo mill-1 ta’ Mejju sal-20 ta’ Ġunju; prezz ta’ Lm2.25 mill-21 ta’ Ġunju sat-30 ta’ Ġunju, u prezz ta’ Lm2 mill-1 sal-15 ta’ Lulju, kif ukoll prezz ta’ Lm3.80 għas-soror tal-ħut li ma jintagħżilx ghall-esportazzjoni. Il-kuntratt jiggarantixxi dawn il-prezzijiet għal 80 fil-mija tat-tonn maqbud fix-xahar ta’ Mejju, 75 fil-mija ta’ dak maqbud fix-xahar ta’ Ġunju, u 60 fil-mija ta’ dak maqbud fl-ewwel ħmistax ta’ Lulju.
B’dan il-mod ikun hawn provvista adegwata ta’ tonn għal konsum lokali. Dan it-tonn jitniżżel il-pixkerija u jiġi rkantat. L-istess kuntratt, iżda, jiggarantixxi prezz minimu jekk dan it-tonn ma jinxtarax. Il-prezzijiet minimi huma ta’ Lm1.75-il kilo f’Mejju, Lm1.60 f’Ġunju, u Lm1.25-il kilo f’Lulju.
Fil-preżent hawn 84 dgħajsa li għandhom liċenzja għas-sajd tat-tonn, imma normalment joperaw madwar 60 minnhom matul l-istaġun tat-tonn.
Il-Ministru Zammit wera sodisfazzjon tiegħu ghall-fatt li fl-interess u għall-ġid tas-sajjieda, iż-żewg koperattivi għarfu jimxu fi spirtu ta’ ftehim bejniethom, biex b’hekk setgħu jiksbu l-aħjar prezz possibbli għall-membri tagħhom. Hu qal li l-prezz miksub hu aħjar minn dak fis-swieq internazzjonali, tant li hu magħruf li sajjieda oħra fil-Mediterran ikkuntrattaw prezz ta’ $5-il kilo, jigifieri madwar Lm2.25, bħala l-ogħla prezz għall-bejgħ tal-ħut tagħhom.
Hu żied li peress li l-kuntratt li sar jiggarantixxi ċerti prezzijiet, iservi ta’ garanzija għall-għajxien tas-sajjieda Maltin, aktar u aktar meta jitqies il-fatt li l-istaġun tat-tonn ifisser kważi terz mid-dħul ta’ l-industrija tas-sajd.
Filwaqt li semma s-sehem kbir li qed ikollu d-Direttur tad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura, biex is-sajjieda kollha jagħrfu jaħdmu flimkien għall-benefiċċju tagħhom stess, il-Ministru Zammit awgura li l-koperazzjoni li ntweriet f’dawn l-aħħar xhur tkompli tinwera fil-prattika għall-benefiċċju ta’ l-industrija tas-sajd li se jibqa’ jkollha futur garantit anki bis-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN