Left arrow Mur Lura

IL-KUNSILLI LOKALI JISTGHU JAGHTU KONTRIBUT FIR-RIFORMA TAS-SAĦĦA MENTALI

PR291
Date Icon 06/03/2002

Ir-riformi fis-Saħħa Mentali qegħdin jagħtu l-frott. Aktar pazjenti qegħdin isibu posthom mill-ġdid fil-komunità. Fil-futur mhux 'il bogħod, il-kunsilli lokali jistgħu jintalbu jagħtu l-kontribut tagħhom biex jingħataw servizzi ta' kura ta' mard mentali fil-komunità fid-diversi lokalitajiet.

Dan qalu l-Ministru tas-Saħħa Louis Deguara, meta kien qiegħed jinawgura l-'Mixed Admission Ward' fl-isptar Monte Carmeli.

L-Admission Ward se tilqa' fiha kemm irġiel u nisa, li matul il-ġurnata jagħmlu użu flimkien mill-faċilitajiet ta' din is-sala, u bil-lejl jużaw dormitorji differenti. Ġiet mogħtija attenzjoni speċjali biex l-ambjent ikun wieħed pjaċevoli għax nemmnu li l-effett ta' l-ambjent fiżiku huwa determinanti fis-suċċess tat-terapija.

F'din is-sala, il-pazjenti jkollhom bżonn kura waqt il-fażi akuta tal-mard tagħhom. Għalhekk, jikber il-bżonn ta' ambjent li jikkumplimenta din il-kura. Kemm idumu fl-'Admision Ward', dawn il-pazjenti jkunu osservati minn "team" multi-dixxiplinarju. Jekk il-kura tkun tirrikjedi perjodu itwal minn tmien ġimgħat, il-pazjenti jiġu trasferiti fi swali oħra ta' riabilitazzjoni, dejjem bil-ħsieb li fl-iqsar żmien possibli jerġgħu isibu ruħhom fil-komunità.

Ġie osservat li pazjenti li jiġu kkurati f'ambjent fejn ikun hemm nisa u rġiel imħallta, dan mhux biss jikkontribwixxi għal fejqan aktar malajr, imma wkoll irriżulta f'nuqqas ta' mġieba vjolenti minħabba rispett lejn is-sess oppost. Dan l-ambjent ukoll jistimula l-pazjenti biex jieħdu aktar ħsieb tagħhom infushom u joqgħodu aktar attenti fl-imġieba tagħhom u jgħinu lil xulxin fl-interventi terapewtiċi meħtieġa.

L-isforzi tagħna f'dan is-settur, kompla l-Ministru Louis Deguara, qegħdin jirnexxu. In-numru ta' pazjenti fl-isptar Monte Carmeli ġie mnaqqas minn 700 għal anqas minn 500. Dan ifisser li aktar pazjenti ġew integrati b'suċċess fil-komunità, u dan huwa wieħed mill-għanijiet prinċipali tar-riforma fis-saħħa mentali.

F'dan il-kuntest il-kunsilli lokali jistgħu jagħtu kontribut meta naslu biex pazjenti jiġu milqugħa lura fil-komunità. Il-kunsilli lokali jistgħu jintalbu jgħinu fl-għoti ta' ċerti servizzi ta' kura lill-pazjenti, li mill-isptar Monte Carmeli jibdew bil-mod il-proċess ta' rintegrazzjoni sħiħa fil-komunità.

L-ippjanar u s-superviżjoni fuq ix-xogħol, sar mill-management ta' l-isptar Monte Carmeli fosthom is-Sur Edward Borg, il-Kap Eżekuttiv ġdid ta' l-isptar. Bil-ħatra tal-Kap Eżekuttiv ser inkunu f'pożizzjoni aħjar biex tkompli titwettaq ir-riforma fis-saħħa mentali f'pajjiżna.

Filwaqt li se tibqa għaddejja bl-istess ritmu r-riforma biex isir użu aħjar mir-riżorsi ta' l-isptar, se tingħata spinta biex jitjiebu s-servizzi kliniċi u dawk hekk imsejħa 'hotel services' mogħtija f'dan l-isptar, kif ukoll servizzi ppjanati fil-komunità. Dalwaqt ukoll ser jinħatar kontrollur finanzjarju għal dan l-isptar. "Dan kollu jinkwadra fir-riforma aktar wiesa li għaddejja bħalissa biex kull sptar ikun awtonomu", temm jgħid il-Ministru Deguara.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow