Wirja fotografika mill-K.S.U.
Il-Kunsill Studenti ta' l-Universita' (KSU) qed jesibixxi numru ta' ritratti meħudin minn studenti Maltin. Il-Wirja li kienet inawgurata mill-Ministru ta' l-Edukazzjoni, Dr. Louis Galea, se tkun miftuħa għall-pubbliku bejn illum 5 ta' Marzu, sa nhar il-Ġimgħa 8 ta' Marzu, fil-G.F. Abela Junior College, l-Imsida. Bejn it-Tlieta 12 ta' Marzu u l-Gimgħa 15 ta' Marzu, l-wirja se tkun esebita fis-sala Sir Temi Zammit fl-Universita' ta' Malta, f’Tal-Qroqq, u mbagħad tittella f'Palazzo Ferreria, il-Belt.
Waqt il-ftuħ ta' din il-wirja, il-Ministru Louis Galea faħħar l-inizjattiva tal-KSU u b'mod partikolari x-xogħol u l-kreattivita' ta' l-istudenti li kienu qed jesibixxu x-xogħlijiet tagħhom. Il-Ministru qal li għal ħafna, l-kelma 'Kultura', sfortunatament tfisser xi forma ta' arti elitista, iżda l-Kultura għandha tfisser dak kollu li jgħamilna Maltin. Il-Ministru qal li l-Gvern jemmen li l-iżvilupp kulturali taż-żgħażagħ huwa mportanti għall-iżvilupp sħiħ tagħhom, bħala persuni u bħala Maltin.
Il-Ministru tenna li l-Gvern jifhem il-ħtieġa li ż-żgħażagħ ikollhom il-liberta' li jesprimu ruħhom biex jiżviluppaw l-identita' tagħhom u jkomplu jimmaturaw. Kemm il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ kif ukoll il-Politika dwar il-Kultura, li hija lesta għall-approvazzjoni mill-Parlament għandhom prinċipji ċari fejn iż-żgħażagħ qed jitpoġġew fiċ-ċentru, bħala l-katalisti ta' l-iżvilupp kulturali.
Il-Ministru qal li hu ta' sodisfazzjon jara li studenti post-sekondarji u ta' l-Universita’, huma minn ta' quddiem f'inizjattivi kulturali. Hu qal li l-politika tal-Gvern hi maħsuba biex tistimola t-talenti u l-ħila ta' l-istudenti u biex is-sistema edukattiv tkompli toffri żvilupp ħolistiku tal-persuni - inkluż l-iżvilupp ċiviku, uman, spiritwali u kulturali. Is-sistema edukattiv irid jiżviluppa t-talenti u ssaħħaħ l-identita' Maltija, Mediterranea u Ewropea. Hi ukoll il-viżjoni tagħna li t-tagħlim ta' llum ikun validu u relevanti għas-soċjetajiet tal-futur.
Il-Ministru qal li hu pożittiv li l-KSU qed tinvesti pro-attivament fl-iżvilupp ħolistiku ta' l-istudenti tagħna fil-livelli post-sekondarji u ta' l-Universita', b'mod li l-kreattivita' ta' l-istudenti tolqot firxa wiesgħa ta' nies. Hu temm ifaħħar lill-istudenti ghax-xogħlijiet ta' kwalita’ li qed itellgħu f'din il-wirja.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN