Diskors ta’ l-E.T. il-Prof. Guido de Marco, President ta’ Malta, waqt il-Konferenza Nazzjonali ghaz-Zghazagh: "Iz-Zghazagh u l-Politika - Pregji, Difetti, Influwenzi", Organizzata mill-Kunsill Nazzjonali ghaz-Zghazagh - San Giljan - 1 ta’ Marzu
Nirringrazzja lill-Kunsill Nazzjonali taz-Zghazagh ghal din l-istedina li ghamiltuli biex naqsam maghkom hsibijiet fuq suggett li jolqot fil-qalba tal-futur tas-socjeta’ taghna. Ghax il-politika hija mezz ta’ espressjoni ta’ ideali, ta’ ideat u vizjoni socjali; ghax il-politika tipprojetta l-valuri u l-principji li nemmnu fihom. Il-politika tfisser ordinament partikolari tas-socjeta’; hija frott tas-socjeta’ waqt li fl-istess hin taffettwaha, tirrifletti u tmexxiha. Permezz ta’ dawn il-valuri u ideali jintisgu u jitfasslu l-progress u l-istorja tal-pajjiz.
Meta fi hdan djalettika demokratika, parti politika tiehu r-riedni tal-pajjiz biex tiggverna u tamministra permezz ta’ mandat maggoritarju tal-poplu, hija trid twettaq u taghti sura lill-ideali li temmen fihom. Permezz ta’ dan il-poter f’demokrazija, jitfasslu l-avvenimenti ta’ l-istorja li jinfluwenzaw il-futur tal-pajjiz. L-avvenimenti li jsehhu fil-pajjiz (u lil hinn minnu) jinteressaw lil kulhadd u jaffettwaw lil kulhadd. Pero’ dan isir fil-kontest tad-djalettika demokratika fejn l-alternanza tal-poter hija dritt moghti lill-poplu fl-ezercizzju tas-sovranita’ tieghu. Din hija d-demokrazija. Ghalhekk tinhtieg il-partecipazzjoni kemm jista’ jkun komprensiva, min-naha ta’ kulhadd.
Jiena dejjem harist lejn il-politika bhala servizz lejn il-pajjiz, is-socjeta’ u l-poplu. Ghalkemm drabi nisimghu li xi politici jigu kkritikati, hafna huma dawk, minn kull qasam tax-xena politika, li ghamlu u jaghmlu sagrificcji ghall-pajjiz, li taw servizz tassew siewi lil Malta u lill-Maltin.
Illum qed nghixu f’pajjiz demokratiku b’sistema ta’ servizzi socjali estiza, f’pajjiz li ghandu servizz tas-sahha tajjeb hafna, f’pajjiz fejn hawn livell generali ta’ ghixien accettabbli.
U dan kollu nbena fuq ir-rovini ta’ l-ahhar gwerra dinjija; inbena bis-sahha ta’ kulhadd, imma nahseb li l-politici taghna kellhom rwol ewlieni f’dan il-process. Ghad fadal u jibqa dejjem izjed u affarijiet ahjar xi jsiru. Din it-triq ta’ progress u mmodernizzar tal-pajjiz, nemmen li l-poplu taghna - l-ewwel fuq quddiem iz-zghazagh - lest li jilqa l-isfidi taghha.
Fiz-zghozija tezisti forza kreativa u rieda ta’ bidla. Aghtuha skop din il-forza li ghandkom gewwa fikom. Diga’ rajna tikber f’pajjizna kuxjenza ghall-harsien tal-wirt storiku u ambjentali taghna. Iz-zghazagh kienu minn ta’ quddiem f’dan il-process. Komplu ahdmu ghat-tishih tal-makkinarju demokratiku li huwa l-aqwa garanzija biex jinstemghu l-lehen u l-opinjonijiet ta’ kulhadd.
Hawn tidhol l-essenzjalita’ ta’ l-arti tal-perswazjoni fil-politika - li wiehed jikkonvinci u jirbah argument skond is-sahha tal-logika u ta’ l-argumentazzjoni tieghu jew taghha. Din hija s-sahha ta’ l-ideat. U din is-sahha ta’ ideat Malta qatt ma naqset minnha, kemm fil-kamp domestiku kif ukoll f’dak internazzjonali. Ghall-kobor jew ghac-cokon ta’ pajjizna, tezisti verament passjoni politika valida ta’ ideat u ta’ valuri li l-poplu taghna jmexxi ’l quddiem.
Mhux zbaljat min josserva li l-prezenza taz-zghazagh fil-politika ghadha ma tikkorrispondix ma’ l-importanza taz-zghazagh fis-socjeta’. Hafna huma r-ragunijiet, imma dan jista’ jkun ghaliex fi hdan il-partiti politici, iz-zghazagh jidhrilhom li lehinhom mhux moghti l-piz li jisthoqqlu; jista’ jkun ukoll ghax il-generazzjonijiet il-godda jaghtu importanza lil affarijiet li mhumiex l-oghla prioritajiet ghall-generazzjoni attwali ta’ politici; jista’ jkun ukoll ghaliex iz-zghazagh jaraw bl-izjed mod negattiv l-effetti tal-polarizzazzjoni tad-dibattiti lokali u nazzjonali, u ta’ l-informazzjoni fuq il-mezzi tax-xandir; jekk naha tghid iswed, ghan-naha l-ohra abjad.
Jekk hemm aspett li jiena nahseb li jbeighed iz-zghazagh mill-politika huwa l-mod kif il-politika titkaxkar f’elementi ta’ pika fuq affarijiet ta’ natura forsi superflua. Jien nahseb ukoll li wahda mill-affarijiet li tbieghed iz-zghazagh mill-politika huwa n-nuqqas ta’ rispett li hafna drabi bejniethom il-politici juru lejn xulxin. It-tmaqdir politiku jikkrea t-tmaqdir tal-politika. Hafna zghazagh ikunu impressjonati minn nies ikbar minnhom meta jghidulhom: "Ibni, ticcappasx bil-politika."
Jien qatt m’emmint li min jiehu parti fil-politika qieghed jiccappas f’sens negattiv. Tul il-hajja politika tieghi ftit ferm kienu l-kazijiet fejn min kien fil-politika b’xi mod iccappas. U naghmlu hazin naghtu impressjoni falza li ghandna politika korrotta f’pajjizna. Pero’ hafna drabi l-impressjoni ta’ dan tigi mit-tmaqdir li l-istess politici juru lil xulxin.
Ma jfissirx li m’ghandux ikun hawn dibattitu politiku, anki mqanqal. Anzi, fil-politika id-dibattitu huwa l-pern li fuqu ddur id-demokrazija. Imma f’Malta ghandna talent uniku biex minn dibattitu noholqu konfrontazzjoni. Minhabba esigenzi ekonomici u socjali, minhabba id-daqs partikolari ta’ pajjizna li jrid jikkompeti f’kontest ta’ ekonomija globalizzata, ma nistghux naghmlu minn kull dibattitu konfrontazzjoni polarizzata. Nemmen li nistghu nuzaw ahjar l-energija taghna ghall-gid tal-pajjiz kollu.
Meta jiena kelli l-eta’ taghkom, kien hawn sitwazzjoni totalment differenti fil-pajjiz. Malta kienet ghadha kolonja - pajjiz mahkum mill-barrani. Il-generazzjoni tieghi u dik ta’ qabli ggilidna ghall-Indipendenza. Ksibna l-Indipendenza u kburin biha. Illum ghandkom sfidi differenti fuq l-orizzont, mhux inqas difficli minn dawk li kellna quddiemna ahna.
Malta, tul sebgha u tletin sena ta’ Indipendenza, ukoll fost diffikultajiet kbar, irnexxiela timmatura fid-demokrazija. Imma d-demokrazija tehtieg kura u attenzjoni kostanti. Intom iz-zghazagh, izjed minn haddiehor, ghandkom interess li dan tarawh isehh.
Vantagg li ghandkom fuq il-generazzjonijiet ta’ qabilkom hija l-edukazzjoni. Illum l-edukazzjoni hija hafna izjed mifruxa u l-opportunitajiet ghat-taghlim akbar minn qatt qabel. L-edukazzjoni hija l-muftieh ghall-helsien mix-xkiel ta’ l-injoranza. L-edukazzjoni toffrilkom opportunita’ akbar biex tapprezzaw izjed l-istorja ta’ pajjizna, u tivvalutaw ahjar id-decizjonijiet li lkoll ghandna quddiemna.
Imma nistaqsi: qed issir valutazzjoni xierqa ta’ l-istorja? Tafu x’inhuma l-eghruq storici tal-partiti politici f’Malta? Tat-taqbid politiku li beda taht l-Inglizi u li garrejna maghna wkoll wara l-Indipendenza? Hawn gharfien veru u oggettiv ta’ l-istorja ta’ pajjizna, specjalment dik relativament recenti? Emmnuni li nsofri meta nilmah espressjonijiet vagi waqt li jkunu qed jigu diskussi avvenimenti importanti ta’ l-istorja ta’ Malta. L-istorja hija parti integrali mill-identita’ taghna bhala poplu. Hija wkoll responsabilita’ taghkom li ma tintilifx fl-amnezija taz-zminijiet.
Fid-dibattitu attwali f’Malta dwar shubija fl-Unjoni Ewropea, iz-zghazagh huma dawk l-izjed direttament interessati. Hija decizjoni fuq il-futur ta’ pajjizna. U intom il-futur ta’ pajjizna. Ghalhekk nahseb li ghandkom ikollkom rwol ewlieni fid-dibattitu fuq il-futur ta’ Malta. Hija responsabilita’ li tixraq li l-generazzjoni taghkom tiehu flimkien mal-bqija tas-socjeta’ Maltija. Il-politika tehtieg leadership ukoll.
Intom dawk li se tmexxu lill-pajjiz fil-gejjieni qarib, gejjieni li l-poplu Malti se jigi msejjah jiddeciedi fuqu. Ghalhekk il-prova tal-leadership taghkom bdiet diga’. Hu f’dan il-kontest li jiena nixtieq nara izjed partecipazzjoni taz-zghazagh fi hdan il-partiti politici. U anki lil hinn minnhom. Nixtieq nara liz-zghazagh jimmaturaw il-hsieb politiku taghhom. Nixtieq narahom jirrealizzaw valuri addizjonali fil-pajjiz. Is-sens tar-rivoluzzjoni tas-sewwa, ir-rivoluzzjoni ta’ l-ambjent, ir-rivoluzzjoni tas-solidarjeta’ internazzjonali, ir-rivoluzzjoni tar-regjunijiet bla fruntieri, ir-rivoluzzjoni kontra l-marginalizzazzjoni, ir-rivoluzzjoni kontra l-faqar fid-dinja, ir-rivoluzzjoni kontra l-globalizzazzjoni inikwa, ir-rivoluzzjoni favur il-globalizzazzjoni li ma thalli lil hadt jitkisser taht il-bankina.
Din hija wkoll rivoluzzjoni taghkom. Dan ifakkarni fi kliem Wordsworth meta kiteb dwar ir-rivoluzzjoni Franciza:
"Great was it in that dawn to be alive,
But to be young was the very heaven."
Hu f’dan il-kontest li nixtieqkom taraw il-politika. Ma ghandkomx tabbandunaw il-politika taz-zuntier taghkom ghax anki dik il-politika hija politka realistika li jehtieg li tiffaccjaw. Izda jkun zball li taghmlu mill-politika taz-zuntier il-bank biss ta’ l-idealizmu taghkom.
Nifrah lill-Kunsill Nazzjonali taz-Zghazagh li qed jipprovdi l-opportunita’ ghall-kelliema u l-partecipanti biex taqsmu flimkiem hsibijiet u ideat fuq ir-rwol taz-zghazagh fil-politika u fis-socjeta’. Nawguralkom ilkoll konferenza kostruttiva u istruttiva.
Hafna kienu l-personalitajiet politici Maltin li mmarkaw l-istorja ta’ pajjizna. Jiena nibqa nghozz partikolarment dak li kien qalli, f’Novembru ta’ l-1950, il-Prim Ministru ta’ dakinhar, Nerik Mizzi. Kont ghadni student tal-ligi l-Universita’, u ibnu Natolino kien hadni niltaqa’ mieghu. Nerik Mizzi qalli, "Qed tara Natalino - se jidhol ghas-sacerdozju: dik vokazzjoni. Inti se ssir avukat: dik professjoni. Jekk trid tidhol ghall-politika: dik missjoni."
Nawgura li l-attivita’ politika taghkom, il-missjoni taghkom, tkompli taghti l-frott misthoqq ghall-gid tal-poplu Malti kollu.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN