TWEĠIBA GĦALL-ISTQARRIJA TA’ L-MUT
Fl-istqarrija mahruga mill-MUT l-bieraħ filgħaxija bit-titlu "Il-Kunsill ta' l-MUT jikkundanna aġir tad-Direttur Ġenerali ta' l-Edukazzjoni" talli dan talab lill-għalliema jibqgħu ma' l-istudenti tagħhom tal-Form 5 għal ħmistax-il ġurnata skolastika oħra qabel ma jibdew doveri ġodda fil-kariga ta' Assistant Heads. Dawn il-ħmistax-il ġurnata huma l-aħħar ġranet ta' l-istudenti qabel ma jibdew l-eżamijiet tas-Secondary Education Certificate.
Hu fatt inkwetanti li meta l-Malta Union of Teachers iddeċidiet li tagħti direttiva lil għadd ta' għalliema li diġa' għandhom f'idejhom l-appointment ta' Assistant Head ta' Skola biex minn nhar il-Ġimgħa, l-1 ta' Marzu, ma jibqgħux jgħallmu lill-istudenti u jibdew ix-xogħol tagħhom bħala Assistant Head.
Il-maġġoranza l-kbira tal-għalliema konċernati huma responsabbli għat-tagħlim ta' suġġetti ewlenin, fosthom l-Ingliż u l-Matematika, fil-ħames klassi ta' l-iskola sekondarja. Għalhekk, dawn l-aħħar ftit ġimgħat huma żmien kruċjali qabel ma l-istudenti joqogħdu għall-eżamijiet tas-Secondary Education Certificate, eżamijiet li għandhom importanza ewlenija fil-kors ta' studju tagħhom.
Din l-azzjoni ittieħdet mill-Malta Union of Teachers minħabba li qed tgħid li dawn l-appointments damu ma ħarġu u għaliex lill-għalliema sarilhom appell mill-awtoritajiet ta' l-edukazzjoni biex ikomplu jgħallmu għal ftit ġimgħat lil dawn l-istudenti. L-awtoritajiet ta' l-edukazzjoni jemmnu li l-għalliema għandhom ikomplu jgħallmu għal ftit ġimgħat oħra mingħajr l-iċken diffikulta' fiċ-ċirkostanzi partikulari ta' l-istudenti lejliet eżamijiet kruċjali.
Ir-riżultat tal-għażla ta' Assistant Heads of School dam wisq aktar mis-soltu biex ġie finalizzat mill-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku (PSC). Iżda l-Malta Union of Teachers taf sew li dan kien minħabba ċirkostanzi u diffikultajiet li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ma kellha l-ebda kontroll fuqhom. Fil-fatt, raġuni ewlenija għala l-proċess ta' għażla dam ħafna kienet li għadd ta' applikanti dikjarati ineliġibbli għamlu rappreżentazzjonijiet mal-PSC dwar l-interpretazzjoni ta' l-ineliġġibilta' tagħhom għall-post. Hija biss il-PSC li tista' tiddeċiedi dawn l-ilmenti skond il-proċeduri tagħha. B'danakollu, id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni għamlet kulma setgħet fiċ-ċirkostanzi biex ir-riżultat joħroġ kemm jista' jkun malajr.
Għandu jigi enfasizzat li dawn l-għalliema diġa' daħlu fil-grad ta' Assistant Head. Iż-żmien ta' servizz fil-kariga għalhekk diġa' beda jgħodd u m'huma qed ibatu ebda żvantaġġ.
Ittra li d-Direttur Ġenerali ta' l-Edukazzjoni kiteb lill-erbatax-il persuna koncernata biex għal ħmistax-il ġurnata skola li baqghalhom dawn l-istudenti qabel l-eżamijiet tas-SEC ikomplulhom il-lezzjonijiet fis-suġġetti rispettivi ma tista' qatt titqies bħala pressjoni jew intimidazzjoni. Din it-talba u t-twettiq tagħha huma biss id-dmir ta' kull min hu involut biex jiġu salvagwardjati l-interessi ta' l-istudenti milquta fi żmien kruċjali għall-ġejjieni tagħhom. Ħaga li, kif diġa' ntqal, ma tippreġudika ebda dritt tal-għalliema konċernati.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN