T-TAQSIMA TAX-XOGHLIJIET: TAQSIMA DINAMIKA, EFFIĊJENTI U MANIĠĠABBLI
Meta kien qed ihabbar programm ta' attivitajiet biex jitfakkar l-10 Anniversarju mit-twaqqif tat-Taqsima tax-Xoghlijiet fi hdan il-Ministeru, il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, Dr. Francis Zammit Dimech qal li 10 snin fil-ħajja ta' bniedem hu perijodu twil - 10 snin fil-ħajja ta' organizzazzjoni bħat-Taqsima tax-Xogħlijiet huma sfida li tintrebaħ biss jekk din l-organizzazzjoni tkun waħda effiċjenti u dinamika.
Francis Zammit Dimech fakkar li t-Taqsima tax-Xogħlijiet twaqqfet fl-1 ta' Awissu ta' l-1992 bl-iskop li jkun ri-organizzat id-Dipartiment tax-Xogħlijiet f'diversi dipartimenti ħalli jsir wiehed aktar maniġġabbli u effiċjenti. Hu qal li mat-twaqqif tagħha it-Taqsima tax-Xogħlijiet, li titmexxa minn Direttur Ġenerali, kellha disa' dipartimenti li llum tniżżlu għal seba'; iżda b'numru ta' sezzjonijiet u units zgħar biex ikunu aktar maniġġabbli u hekk tikber l-effiċjenza.
Il-Ministru għar-Rizorsi u l-Infrastruttura qal li t-Taqsima tax-Xogħlijiet hi ukoll waħda dinamika għaliex kull meta kellha bżonn tbiddel, biddlet u ma ntrabtitx ma' organizzazzjoni statika.
Matul dan iz-żmien it-Taqsima tax-Xogħlijiet ħadet responsabiltajiet ġodda li jinkludu:
· L-Immaniġġjar ta' l-Iskart;
· Il-Kunsill Konsultattiv għall-Industrija tal-Bini;
· Il-unit għall-masterplan tad-drenaġġ;
· Is-Sezzjoni għall-Parks u Konservazzjoni tal-Pajsaġġ;
· Il-Unit għas-Servizzi ta' Tisbiħ;
· L-Aġenzija għal Servizz fis-Settur ta' l-Immaniġġjar ta' l-Iskart;
· Il-Unit għar-Restawr;
· Il-kooperattivi ta' impjegati mis-servizz pubbliku.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li dan it-tibdil kellu jsir għaliex it-Taqsima tax-Xogħlijiet sabet li f'pajjiz li qed jimmodernizza kellha tieħu fuq spallejha responsabiltajiet għall-infrastruttura tad-drenaġġ, immaniġġjar ta' l-iskart, immaniġġjar tal-pajsaġġ, tar-restawr u riabilitazzjoni ta' bini storiku u bini pubbliku, ta' proġetti ta' tisbiħ. It-Taqsima kienet involuta wkoll fi proġetti kapitali li għalkemm qed isiru mis-settur privat, il-Gvern daħal biex wassal halli jsiru l-kuntratti, jibdew u jimxu 'l quddiem skond timeframes stabbiliti. Dawn il-proġetti jinkludu dawk ta' Manoel Island u l-Ponta ta' Tignè, il-Kottonera u l-Cruise Liner Passenger Terminal.
Francis Zammit Dimech qal li unit li hu importanti ħafna fit-Taqsima tax-Xogħlijiet hu dak dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-Xogħol li hemm fi ħdan id-Dipartiment ta' l-Industrja tal-Bini. Qal li dan il-Unit twaqqaf riċentament u qiegħed hemm mhux biss biex jara li jkun hemm sigurtà f'kull dipartiment li jagħmel parti mit-Taqsima, iżda biex iħarreġ nies apposta ħalli s-sigurtà tal-ħaddiema tkun ta' priorità.
Francis Zammit Dimech fakkar ukoll li llum kienet l-ewwel ġurnata tal-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura. Din il-bidla turi l-mod dinamiku li bih qed jaħdem dan il-Gvern, li qed jifred il-parti regolatorja minn dik operattiva. Din id-divizjoni ta' responsabiltajiet kienet diġà seħħet fil-qasam tar-riżorsi, fejn il-parti regolatorja għall-elettriku, l-ilma u l-minerali għaddiet lill-Awtorita' għar-Riżorsi, li taqa' taħt il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura. Dan seħħ ukoll fil-qasam tat-telekomunikazzjoni u l-finanzi; u issa b'effett mil-lum kien qed jiġi attwat ukoll fil-qasam ta' l-ambjent, fejn il-parti regolatorja marret taħt il-Ministeru ta' l-Intern bil-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura jżomm il-parti kollha operattiva.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li llum kien qed jitħabbar programm ta' attivitajiet li se jfakkru dawn l-10 snin mimlija attività tat-Taqsima tax-Xogħlijiet. Kien qed jiġi ppubblikat ukoll logo ġdid tat-taqsima li parti minnu ġiet inkorporata fil-logo tal-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, biex nuru r-rabta li teżisti bejn ix-xogħlijiet, ir-riżorsi u l-infrastruttura.
Francis Zammit Dimech qal li ried jirringrazzja lill-Ministri li servew qablu u li kienu responsabbli mit-Taqsima tax-Xogħlijiet, lid-Direttur Ġenerali, lid-diretturi fid-diversi dipartimenti, lill-impjegati kollha li mingħajr il-ħidma kontinwa tagħhom din it-taqsima ma setgħetx tikseb is-suċċessi li kisbet fl-aħħar 10 snin.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN