Left arrow Mur Lura

ĦIDMA INTENSIVA FAVUR ŻVILUPP SOSTENIBBLI

PR262
Date Icon 28/02/2002

Waqt li kien qed jipprezenta l-ittri tal-hatra lill-membri tal-Kummissjoni Nazzjonali ghall-Izvilupp Sostenibbli, il-Ministru għall-Ambjent Dr. Francis Zammit Dimech qal li din il-Kummissjoni twaqqfet permezz tal-Liġi l-ġdida dwar il-Ħarsien ta' l-Ambjent, li kienet approvata mill-Parlament f'Settembru tas-sena l-oħra. Din il-liġi kienet addottata biex taġġorna s-sistema ta' ħarsien ambjentali u tipprovdi qafas li jippermetti l-adozzjoni ta' numru ta' regolamenti ġodda. Din il-liġi introduċiet għadd ta' kunċetti ġodda fosthom id-dritt tal-pubbliku għall-informazzjoni dwar l-ambjent, il-Fond Ambjentali u l-iStrategic Environmental Assessment.

Il-Ministru għall-Ambjent qal li matul dawn l-aħħar tliet snin, sar progress kbir fil-ħarsien ta' l-ambjent f'pajjiżna. Ittieħdu numru ta' passi mportanti fosthom l-Att dwar il-Ħarsien ta' l-Ambjent, il-ħolqien ta' strateġija integrata għall-immaniġġjar ta' l-iskart solidu, strateġija li se servi ta' blueprint għall-mod kif dan il-pajjiż se jattakka l-problemi li jirriżultaw mill-ġenerazzjoni ta' l-iskart fis-snin li ġejjin, it-twaqqif ta' l-Awtorita' tar-Riżorsi u passi oħra li flimkien jinżġu l-qafas għall-ħarsien ta' l-ambjent għall-futur.

Francis Zammit Dimech qal li fl-aħħar żewġ budgets ittieħdu diversi miżuri favur l-ambjent li kienu jinkludu

· It-tnaqqis tal-VAT minn 15% għal 5% fuq apparat ta' enerġija alternattiva bħal solar heaters u solar panels;

· It-tnaqqis tat-taxxa ta' reġistrazzjoni ta' karrozzi li jaħdmu bil-batteriji minn bejn 50% u 75% għal 16.5%; u ta' minn bejn 28 u 42 % għal 6.5 % fuq muturi li jaħdmu bil-batteriji.

· It-tnaqqis tal-prezz tal-petrol bla ċomb u ż-żieda fil-prezz tal-petrol biċ-ċomb;

· Il-pjani għall-bini ta' msaġar f'sitt lokalitajiet f'Malta u Għawdex;

· Il-bini ta' parks nazzjonali u reġjonali u ta' caravan site.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li tul l-aħħar tliet snin Malta kompliet tieħu miżuri biex ikun imħares aħjar l-ambjent.

Fost dawn saru regolamenti għall-kontroll tal-movimenti ta' sustanzi tossiċi u sustanżi oħra, regolamenti għad-depożitu ta' skart mill-industrja tal-kostruzzjoni u depożitu ta' skart ieħor, regolamenti għall-ħarsien tas-siġar u msaġar Maltin u regolamenti dwar il-ħarsien tal-flora u l-fawna.

Francis Zammit Dimech qal li
· f'Ottubru 1999 Malta rratifikat l-emendi għall-Konvenzjoni ta' Barċellona dwar il-Ħarsien mit-Tniġġiż tal-Baħar Mediterran;

· fis-sena 2000 Malta aċċediet għall-Konvenzjoni ta' Basle dwar il-Movimentii minn post għall-ieħor ta' Skart Perikoluż u r-Rimi Tiegħu;

· f'Lulju 2000 Malta inizjalat mal-Kummissjoni Ewropea is-sħubija ta' Malta ma' l-Agenzija Ewropea għall-Ambjent;

· fit-23 ta' Mejju 2001 Malta iffirmat l-Konvenzjoni ta' Stokkolma dwar Persistant Organic Pollutants;

· fil-25 ta' Jannar 2002 Malta iffirmat il-Protokoll ġdid ta' Emergenza għall-Konvenzjoni ta' Barċellona. L-iffirmar sar f'pajjizna wara stedina li saret lis-sħab kollha tal-Konvenzjoni ta' Barċellona.

Meta kompla jitkellem dwar il-liġi l-ġdida dwar il-Ħarsien ta' l-Ambjent, Francis Zammit Dimech qal li din introduċiet fil-liġi Maltija l-kunċett ta' żvilupp sostenibbli. Dan il-kunċett, li hu mportanti ħafna f'fora internazzjonali, kien definit mill-Brundtland Commission ta' l-1987 bħala żvilupp li jassigura li l-esiġenzi tal-preżent ikunu sodisfatti bla ma tkun kompromessa l-possibilita' għall-ġenerazzjonijiet futuri li jissodisfaw l-eżiġenzi tagħhom ukoll. B'hekk, permezz ta' l-applikazzjoni ta' dan il-kunċett, wieħed ikun qed jipproteġi d-drittijiet ta' ġenerazzjonijiet futuri.

Francis Zammit Dimech qal li dan il-kunċett illum hu ta' mportanza globali. Jirrikonoxxi l-inter-relazzjoni li teżisti bejn il-protezzjoni ambjentali u prattikament l-oqsma kollha, inklużi dawk ekonomiċi, soċjali, l-industrija, l-agrikoltura u x-xjenza. Hu qal li dan hu kunċett li jakkwista mportanza speċjali f'postijiet bħal Baħar Mediterran, l-iktar baħar popolat u li jintuża b'mod intensiv u għal pajjiż bħal Malta, li għandha fost l-ogħla densita' ta' popolazzjoni fid-dinja.

Il-Ministru għall-Ambjent qal li t-twaqqif tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Iżvilupp Sostenibbli, filwaqt li jirrispetta obbligu internazzjonali li llum hu mplimentat fil-biċċa l-kbira ta' l-Ewropa, jipprovdi wkoll forum fejn kull min għandu rwol x'jaqdi fl-assigurazzjoni ta' żvilupp sostenibbli għal pajjiż jiltaqa'. Din il-Kummissjoni ngħatat status istituzzjonali importanti. Hija maħtura u mmexxija mill-Prim Ministru filwaqt li l-Ministru responsabbli għall-Ambjent jippresjedi fl-assenza tal-Prim Ministru. Fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni hi responsabbli lejn il-Prim Ministru.

Francis Zammit Dimech qal li l-membri tal-Kummissjoni huma maħtura mill-Gvern. Qal li l-Kummissjoni tinkludi wkoll rappreżentanza taż-żewġ naħat tal-Kamra tad-Deputati, il-korpi kostitwiti u organizazzjonijiet mhux governattivi. Dan jassigura li kull problema, kull implikazzjoni ambjentali li jista' jġorr miegħu l-iżvilupp tkun eżaminata mill-aspetti kollha tagħha. Il-Ministru għall-Ambjent qal li fil-ħatra ta' din il-Kummissjoni wieħed seta' jara mod ġdid ta' tmexxija, ta' kif jittieħdu d-deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-futur tal-pajjiż u ta' min se jiġi warajna.

Il-Ministru għall-Ambjent qal li l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Iżvilupp Sostenibbli ngħatat diversi funzjonijiet. Din trid

· tappoġġa l-iżvilupp sostenibbli fost is-setturi kollha filwaqt li tirrevedi l-progress li jkun sar f'dan il-qasam u tibni kunsens biex jinkiseb dejjem aktar progress.

· tidentifika dawk il-proċessi jew politika li jistgħu jtellfu l-fiduċja fl-iżvilupp sostenibbli

· tipproponi proċessi u policies alternattivi lill-Gvern.

Francis Zammit Dimech qal li l-Kummissjoni hi nkarigata wkoll li tidentifika tendenzi li jistgħu jikkontribwixxu, b'mod sinjifikattiv għal żvilupp li mhuwiex sostenibbli u tirrikmanda l-azzjoni li għandha tittieħed biex dawn it-tendenzi jkunu mreġġa lura.

Il-Ministru għall-Ambjent qal li l-Kummissjoni għandha d-dover li tkabbar l-għarfien tal-ħtieġa li l-iżvilupp għandu jkun sostenibbli kif ukoll tinkoraġġixxi prattiċi xierqa fl-użu u l-immaniġġjar tar-riżorsi naturali u r-riċiklaġġ ta' dawn ir-riżorsi.

Il-Kummissjoni ngħatat ukoll ir-responsabbilta' li tipprepara l-Istrateġija Nazzjonali għall-Iżvilupp Sostenibbli. Dan hu nkarigu importanti li joħroġ mill-impenji internazzjonali li ħa pajjiżna u li għandu jkun l-aqwa opportunita' għal din il-Kummissjoni biex tinfluwenza il-futur ta' pajjiżna.

Filwaqt li fakkar li l-Prim Ministru jista' jagħżel li jassenja lill-Kummissjoni funzjonijiet oħra fir-rigward ta' żvilupp sostenibbli, il-Ministru Francis Zammit Dimech zied li l-liġi tipprovdi li, biex il-Kummissjoni tkun tista' taqdi l-funzjonijiet tagħha aħjar u b'aktar effiċjenza, tista' taħtar kumitati konsultattivi li jintalbu jagħmlu rakkomandazzjonijiet fuq suġġetti jew azzjonijiet speċifiċi.

Il-Ministru għall-Ambjent qal li r-rakkomandażżjonijiet tal-Kummissjoni u d-deċiżjonijiet tagħha għandhom jitqiesu bħala rakkomandazzjonjiet awtorevoli ta' best practice fil-kisba ta' l-iżvilupp sostenibbli. Huwa qal li dan kollu juri r-rwol importanti għall-futur ta' pajjiżna li se jkollha l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Iżvilupp Sostenibbli. Rwol li jista' jinfluwenza sew it-tfassil tal-futur.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li din il-Kummissjoni għandha tkun pro-attiva billi tiżviluppa dawk is-suġġetti li huma ta' importanza għall-iżvilupp sostenibbli f'pajjiżna, teżaminahom bir-reqqa u toħroġ b'suġġerimenti għall-futur, b'suġġerimenti li jservu ta' rakkomandazzjonijiet awtorevoli fit-tfassil tal-politika tal-Gvern.

Hu qal li hemm numru ta' suġġetti li jinvolvu l-iżvilupp sostenibbli, il-futur ekonomiku u industrijali ta' pajjiżna, l-iżvilupp ta' l-art u l-prattiċi fl-agrikoltura. Qal li dawn kollha huma ta' importanza kbira fl-assigurazzjoni li t-tgawdija tagħna tar-riżorsi ta' pajjiżna ma tikkompromettix it-tgawdija ta' min jiġi warajna.

Il-Ministru għall-Ambjent qal li l-Membri tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Iżvilupp Sostenibbli għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex jimxu fuq l-ispirtu tad-Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni Brundtland billi jassiguraw li l-eżiġenzi tal-lum ma jkunux sodisfatti b'politika jew prattiċi li jinsew id-drittijiet tal-ġenerazzjonijiet futuri.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech ħabbar li l-Kabinett f'dawn il-jiem ħa żewġ deċizzjonijiet importanti li jirrigwardaw l-ambjent. Qal li

· Il-Kabinett iddeċieda li għar-rigward tas-Summit Dinji dwar Żvilupp Sostenibbli, li se ssir f'Johanesburg bejn l-24 ta' Awissu u l-4 ta' Settembru ta' din is-sena, jibda l-proċess preparatorju għas-Summit billi jitwaqqaf Kumitat Preparatorju Nazzjonali u li t-twaqqif ta' dan il-kumitat preferibilment jikkoinċidi ma' l-ewwel laqgħa tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Iżvilupp Sostenibbli.

· Il-Kabinett iddeċieda wkol li jirratifika l-Konvenzjoni Aarhus dwar l-Aċċess ta' Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid tad-Deċizzjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja f'Materji Ambjentali.

Il-Ministru għall-Ambjent qal li l-ħidma tal-Gvern fil-qasam ambjentali hi waħda assidwa u kontinwa. Qal li r-riżultati miksuba f'dawn l-aħħar snin kabbru l-għarfien li hawn fost il-poplu biex ikollna ambjent dejjem aħjar. Qal li d-deċiżżjonijiet li ttieħdu qiegħdu pedament sod biex ikollna żvilupp sostenibbli fejn bid-deċiżżjonijiet li jittieħdu ma ssir ebda ħsara lill-ambjent.

Francis Zammit Dimech qal li minn għada s-settur ambjentali se jidħol f'fażi ġdida meta l-parti regolatorja ta' l-ambjent se tgħaddi taħt Ministeru ieħor biex tissokta l-politika tal-Gvern preżenti li jaqsam il-parti regolatorja minn dik operattiva kif diġa seħħ fil-qasam tar-riżorsi, telekomunikazzjoni u finanzi.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech awgura lill-membri kollha tal-Kumissjoni dwar l-Iżvilupp Sostenibbli ħidma favur aktar żvilupp iżda li jħarsu dejjem l-interessi ambjentali li huma tagħna lkoll.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow