XOGĦLIJIET TA' RESTAWR MAL-PAJJIŻ KOLLU
Meta kien qed jinawgura ufficjalment il-Batterija ta' Pembroke, wara restawr u ri-abilitazzjoni li saritilha, il-Ministru għall-Ambjent Francis Zammit Dimech qal li permezz tad-diversi taqsimiet u dipartimenti fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent, tingħata għajnuna kontinwa lill-kunsilli lokali, li tlaħħaq madwar Lm2 miljun fis-sena. Hu qal li din il-għajnuna tikkonsisti fi proġetti ta' tisbiħ, restawr, riabiltazzjoni, tindif u xogħlijiet oħra li jsiru mit-taqsima tad-distretti.
Francis Zammit Dimech qal li l-lokalita' ta' Pembroke kienet waħda żagħżugħa. Hu fakkar li minbarra l-għoti tad-djar u appartamenti li kien hemm mibnija f'Pembroke, Gvernijiet Maltin bdew jibnu wkoll blokki ta' appartamenti u jaghtu bicciet ta' art ghall-bini. Dan kollu wassal biex Pembroke inbidlet f'lokalita' ghar-residenti Maltin li meta twaqqfu l-Kunsilli Lokali kien deċiż li wkoll ikollha l-Kunsill Lokali tagħha.
Il-Ministru għall-Ambjent qal li l-preżenza militari Ingliża f'Malta hi parti mill-istorja ta' pajjiżna u għalhekk kien jixraq li ngħożżu wkoll il-wirt tal-preżenza Ingliża f'pajjiżna, għal kważi żewġ sekli. F'Pembroke l-Ingliżi kienu bnew batterija militari. Hu qal li din il-batterija nbniet fl-1889, aktar minn 100 sena ilu, u kienet mgħammra b'żewġ kanuni ta' 9.2 pulzieri. Din il-batterija baqgħet tintuża tul l-ewwel Gwerra Dinjija sakemm giet żmantellata fl-1919 biex wara bidlet r-rwol tagħha għal stazzjon militari li nżammet matul l-aħħar Gwerra Dinjija. Fil-perijodu ta' wara l-gwerra s-sit tilef il-valur militari tiegħu u aktar 'l quddiem meta l-art għaddiet f'idejn il-Gvern Malti, parti mill-batterija ngħatat għall-bini.
F'dawn l-aħħar snin, anke bit-twaqqif tal-kunsilli lokali, il-poplu Malti sar aktar konxju tal-wirt storiku ta' pajjiżna. Dan qed ikun rifless fl-għexiren ta' proġetti ta' restawr li qed jitwettqu mill-Unit għar-Restawr fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent, mill-Proġetti għar-Riabiliazzjoni tal-belt Valletta, l-Imdina u l-Kottonera u proġetti oħra li qed iwettaq l-istess Ministeru.
Hu qal li wieħed mill-proġetti mwettqa mill-Ministeru għall-Ambjent flimkien mal-Kunsill Lokali ta' Pembroke kien dak tar-restawr tal-batterija ta' Pembroke. F'din il-batterija saret ħidma kbira li kienet tinkludi t-tħammil bl-idejn ta' kmamar li hemm taħt l-art li kienu jintużaw għall-ħażna ta' munizzjon u t-tindif ta' l-inħawi kollha.
Ġie rinfurzat is-saqaf tad-ditch, inbnew ħitan tas-sejjieħ u ħitan oħra li kienu mwaqqgħin, inħolqot biċċa art ta' rikreazzjoni u avventura, saret id-drip irrigation, plumbing u stalazzjoni ta'dawl adekwat għal madwar il-batterija. Barra minhekk sar ċaqliq tas-sistema tad-drenaġġ ta' madwar il-batterija biex b'hekk id-dħul għall-batterija ikun faċilitat.
Il-Ministru għall-Ambjent qal li r-restawr u r-riabilitazzjoni li saret tat lil din il-batterija ħajja ġdida għaliex minbarra li se tibqa' sservi għall-istorja fil-kmamar tagħha se tittella' wirja permanenti li finalment se sservi bħala mużew ta' Pembroke.
Francis Zammit Dimech qal li l-Gvern kien se jkompli jgħin biex Pembroke jkompli jissebbaħ għar-residenti tiegħu. Hu qal li
· Id-Dipartiment tat-Toroq qed jieħu ħsieb biex it-toroq ta' madwar il-Knisja jingħataw it-tarmac. Hu qal li dan ix-xogħol kien mistenni jibda f'qasir żmien.
· Is-Sezzjoni għall-Iżvilupp u l-Immaniġġjar ta' l-Ambjent fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent qed tħejji diversi pjanti biex jiġi mniedi proġett ta' afforestazzjoni f'Pembroke. Diġa ġew identifikati xi zoni u bħalissa qed isiru l-preparazzjonijiet meħtieġa biex dan il-proġett ikun jista' jibda.
· Il-Ministeu għall-Ambjent identifika diversi żoni fejn jista' jsir xogħol ta' landscaping u anke biex jitnaddfu minn skart li kien depożitat tul is-snin. Ix-xogħol ta' tindif beda u se jkompli. Ġie identifikat sit ħdejn St Michael's School fejn jistgħu jitħawwlu siġar u biex din tkun area ta' mistrieħ.
Francis Zammit Dimech qal li l-Ministeru għall-Ambjent kien f'kuntatt kontinwu mal-Kunsill Lokali ta' Pembroke għall-bżonnijiet li jinqalgħu minn żmien għal żmien. Hu qal li kien hemm kollaborazzjoni sħiħa mhux biss dwar il-proġett tal-Batterija ta' Pembroke iżda anke ma' entitajiet sportivi li jagħmlu parti minn Pembroke.
Il-Ministru għall-Ambjent qal li ried jirringrazzja lil kull min ikkontribwixxa biex twettaq il-proġett ta' restawr tal-batterija ta' Pembroke. Francis Zammit Dimech awgura li din il-batterija tinżamm fi stat tajjeb ħalli mhux biss titgawda mir-residenti ta' Pembroke iżda tghaddi lil min għad irid jiġi warajna bħala xhieda ħajja ta' l-istorja ta' pajjiżna.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN