Left arrow Mur Lura

Donazzjoni ta' Tail-Lift Van għall-iSkola San Miguel

PR225
Date Icon 22/02/2002

Il-Ministru ta' l-Edukazzjoni Louis Galea, għan-nom ta' l-iSkola San Miguel ta' Pembroke, irċieva donazzjoni ta' tail-lift van mill-President tal-Lions Club (Malta), is-Sur Joseph Attard. Dan il-vann speċjalizzat se jintuża biex jittrasporta lit-tfal li jattendu l-iskola San Miguel u xi tfal oħra li skejjel fil-lokal tagħhom.

Il-Ministru Louis Galea faħħar l-impenn tal-Kunsill ta' l-iSkola San Miguel kif ukoll tal-Membri tal-Lions Club (Malta) li f'dawn is-sentejn ħadmu flimkien biex jinxtara dan il-vann speċjalizzat u biex inġab hawn Malta.

Il-President tal-Lions Club Malta qal li wara konsultazzjoni maċ-Ċhairperson tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilità dwar kif il-Lions Club jista’ jgħin, kien identifikat il-bżonn ta' vann speċjalizzat għall-iskola San Miguel. Il-Lions Club organizza numru ta' attivitajiet biex jiġbor il-flus meħtieġa.

Il-vettura se tintuża fuq ir-rotot ta' l-iskola biex tittrasporta lit-tfal mid-dar għall-iskola u lura. Barra minn dan, tfal li għandhom kundizzjoni bħal tat-tfal li jattendu din l-iskola u li bħalissa qegħdin jattendu l-iskola tal-lokal tagħhom, se jagħmlu wkoll użu mit-trasport ta' din l-iskola. B'hekk, l-iskola San Miguel qed tappoġġja ukoll lill-istudenti li qegħdin f'siġġu tar-roti biex ikunu jistgħu jipparteċipaw f'attivitajiet edukattivi li jsiru barra mill-iskola.

Il-vann jiswa madwar Lm 8500. Il-Lions Club Malta għamel tajjeb għall-ispejjeż biex inxtrat il-vettura u biex din twasslet Malta filwaqt li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ħallset il-kumplament ta' l-ispejjeż.

Il-Ministru ħabbar li l-ġimgħa d-dieħla se jasal Malta l-Professur Sir Colin Stansfield Smith li minbarra l-fama internazzjonali tiegħu fil-qasam ta' l-Arkitettura, ħadem u għadu jaħdem fis-settur ta' l-edukazzjoni f'diversi lokalitajiet fl-Ingilterra. Il-Professur Sir Colin Stansfield Smith se jindirizza konferenza organizzata mill-Fondazzjoni għall-iSkejjel ta' Għada li qed tniedi tliet programmi ta' xogħlijiet fl-iskejjel ta' l-istat li wieħed minnhom se jitratta l-aċċessibilità fl-iskejjel. Il-Ministru qal li l-programm ta' l-aċċessibilità se jkun fuq nett ta' l-aġenda tal-Fondazzjoni peress li kemm f'livell nazzjonali kif ukoll permezz tal-Kurrikulu Nazzjonali irridu nersqu dejjem aktar lejn soċjetà inklussiva li toffri opportunitajiet indaqs f'kull qasam.

Il-Ministru tenna li fil-qasam ta' l-edukazzjoni speċjali u inklussiva pajjiżna għamel passi importanti. Il-Ministru qal li l-Gvern qed ikompli bl-impenn tiegħu f'dan il-qasam u qed jaħdem biex flimkien ma' dawk kollha involuti jkunu riżolti ċerti diffikultajiet biex it-tfal u ż-żgħażagħ b'diżabilità fl-iskejjel primarji u sekondarji u dawk speċjali jingħataw l-aħjar servizz possibbli. Għal dan l-iskop il-Kumitat Ministerjali għall-Edukazzjoni Inklussiva waqqaf Working Groups, wieħed li jirrevedi d-deskrizzjoni tad-doveri (job description) ta' Facilitator u l-ieħor dwar l-amministrazzjoni ta' mediċini ma' studenti fil-ħin ta' l-iskola.

Wara li l-pożizzjoni ta' Facilitator issa ilha stabbilità għal għadd ta' snin, u wara l-esperjenza li diġà għaddew minna kemm il-Facilitators kif ukoll l-istudent bi bżonnijiet specjali, inħasset il-ħtieġa li tkun riveduta d-deskrizzjoni tad-doveri tal-Facilitators bl-iskop li tingħata l-aħjar edukazzjoni kif ukoll l-appoġġ u l-attenzjoni meħtieġa. Il-Facilitators mistennija li jimplimentaw il-Programm Edukattiv Individwali skond il-ħtiġijiet personali ta' l-istudenti kif ukoll jagħtu l-attenzjoni għall-bżonnijiet fiżiċi ta' l-istudent. Il-working group se jara wkoll f'liema oqsma għandhom jitħarrġu kemm il-Facilitators kif ukoll ħaddiema oħra li jistgħu jkunu meħtieġa biex jagħtu servizz ma' tfal bi bżonnijiet speċjali.

Minħabba li matul dawn l-aħħar snin, il-politika ta' inkluzzjoni xterdet sewwa fil-livelli kollha ta' l-iskejjel, qed tinħass il-ħtieġa li jsiru arranġamenti partikulari għal certa medikazzjoni li whud mill-istudenti jeħtieġu waqt li jkunu fl-iskola taħt ir-responsabbiltà tal-Facilitator jew l-Għalliema. Il-working group se jipproponi kif jistgħu ikunu indirizzati diffikultajiet mediċi, edukattivi kif ukoll legali li jistgħu jinqalgħu.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow