L-AKBAR PROĠETT TA' TISBIĦ FIL-GŻEJJER MALTIN: Il-Ministru għall-Ambjent Francis Zammit Dimech iżur ix-xogħlijiet ta' tisbiħ li qed isiru tul il-promenade ta' San Ġiljan
Il-Ministru għall-Ambjent Francis Zammit Dimech qal li l-aħħar li sar xogħol ta' tisbiħ fil-promenade ta' San Ġiljan kien fis-snin sittin. Għalhekk wara aktar minn 30 sena dan il-promenade kien wasal għal tisbiħ u upgrading mhux biss għaliex hu wieħed mill-aktar promenades frekwentati ta' Malta, iżda anke għaliex jgħaqqad iz-zoni turistiċi ta' tas-Sliema u San Ġiljan mal-lokalità ta' Paceville li hi ċ-ċentru tad-divertiment ta' pajjiżna.
Francis Zammit Dimech qal li anke jekk dan il-proġett hu wieħed li joffri diversi diffikultajiet, minħabba li partijiet minnu jridu jinbnew fil-baħar, il-Ministeru għall-Ambjent laqa' l-isfidi biex qed iwettaq l-akbar proġett ta' tisbiħ fil-gżejjer Maltin.
Il-Ministru ghall-Ambjent qal li l-proġett ta' San Ġiljan, li qed isir f'kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali San Ġiljan, ikopri madwar 900 metru ta' tisbiħ ta' promenade minn Misraħ Spinola sal-Barracuda Restaurant, fejn imbagħad jingħaqad mal-proġett ta' tisbiħ tal-promenade ta' tas-Sliema li sar f'żewġ fażijiet.
Francis Zammit Dimech qal li biex ikun immaniġġjat tajjeb u b'effiċjenza, ix-xogħol fuq il-proġett tal-promenade ta' San Ġiljan inqasam f'erba' fażijiet.
- L-ewwel fażi tieħu minn Pjazza Spinola sal-Waterpolo Club ta' San Ġiljan. Din il-fażi kienet tikkonsisti fit-twessiegħ tal-promenade ta' San Ġiljan u titjib fil-faċilitajiet tax-xatt, inkluża l-formazzjoni ta' rampa. Ix-xogħlijiet ta' din il-fażi tlestew ħlief għall-istalazzjoni ta' lampi dekorattivi u t-tħawwil ta' siġar, xogħlijiet li se jsiru fi żmien qasir.
- It-tieni fażi tikkonsisti fil-Club ta' Waterpolo ta' San Ġiljan u l-promenade ta' fuqu. Din il-fażi kienet tikkonsisti fit-twaqqigħ tal-club il-qadim tal-waterpolo u l-bini mill-ġdid ta' faċilitajiet ġodda li jinkludu l-promenade ta' fuqu. Il-proġett jinkludi wkoll il-bini ta' public convenience. Ix-xogħol fuq din il-fażi wasal biex jitlesta.
- It-tielet fażi tkopri l-inħawi bejn il-Waterpolo Clubs ta' San Ġiljan u n-Neptunes. Din il-fażi tikkonsisti fil-formazzjoni ta' pjattaforma fil-baħar, il-bini ta' ħajt tal-konkos u tal-promenade fuqu flimkien mal-bini ta' belvederes f'forma ta' nofs tond. Se jkun hemm ukoll rampa li mil-livell tal-promenade twassal ghall-pjattaforma tal-konkos biex jinħoloq aċċess komdu għall-baħar. Ix-xogħol fuq din il-fażi diġà beda.
- Ir-raba' fażi tkopri l-area bejn in-Neptunes u l-Barracuda. Din il-fażi tal-proġett twassal mill-faċiliajiet tal-waterpolo tan-Neptunes sal-Barracuda. Hu maħsub li x-xogħlijiet fuq din il-fażi tal-proġett jibdew fix-xitwa li ġejja u jintemmu fil-bidu tas-sena d-dieħla. Meta jitlesta, dan il-proġett jgħaqqad il-promenade ta' San Ġiljan mal-promenade ta' Tas-Sliema.
Francis Zammit Dimech qal li xogħlijiet oħra li se jsiru fl-inħawi jinkludu t-tisbiħ ta' Misraħ Spinola, it-tisbiħ fi Triq Santu Wistin, fl-inħawi ta' Bay Street u l-bidu ta' proġett għal tisbiħ ta' Paceville fejn fil-ġimgħat li ġejjin se jsir xogħol fi Triq Wilġa, ħdejn ir-roundabout u fix-xatt.
Il-Ministru għall-Ambjent qal li l-proġetti ta' tisbiħ saru parti regolari mill-ħidma tal-Gvern. Qal li s'issa diġà kienu imsebbħa l-bajjiet ta' Marsascala, Marsaxlokk, Birżebbuġia, Buġibba, Qawra, tas-Sliema, Għar Lapsi u l-Ġnejna. Qal li matul din is-sena minbarra x-xogħol fuq il-promenade ta' San Ġiljan kienu se jitwettqu aktar proġetti ta' tisbiħ f'Marsascala, San Tumas, Birżebbuġia u fix-Xagħjra.
Il-Ministru għall-Ambjent qal li l-Gvern preżenti mhux biss qed iwettaq dawn il-proġetti li qed jgħollu l-livell tal-bajjiet tagħna u jagħmluhom aktar xierqa għar-rekreazzjoni tal-Maltin u tat-turisti iżda ħaseb ukoll biex joħloq Unit għat-Tiswija u Manutenzjoni fi ħdan is-Sezzjoni għall-Immaniġġjar ta' l-Ambjent. Hu qal li dan il-unit qed jieħu ħsieb il-manutenzjoni ta' dawn il-proġetti billi b'mod regolari jsewwi u jiżboħ ħadid dekorattiv u għamara, u jagħmel xogħlijiet ta' tiswija ta' bankini u promenades.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech appella biex dawn il-progetti nħarsuhom minn kull vandalizmu halli ingawduhom aħna u dawk kollha li jiġu jżuruna u li qed jikkontribwixxu għal kwart tal-ġid nazzjonali ta' pajjiżna.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN