Left arrow Mur Lura

INDIKATURI POŻITTIVI GĦAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI

PR191
Date Icon 15/02/2002

L-arkitettura u l-inġinerija ċivili kellhom rabta intrinsika mas-settur tal-kostruzzjoni. Għalhekk kull riżultat pożittiv għas-settur tal-kostruzzjoni kien ukoll ta' inkoraggiment għall-istudenti f'dawn l-oqsma. Dan intqal minn Francis Zammit Dimech, Ministru ghall-Ambjent, meta kien qed ikellem studenti mis-socjeta' ta' l-Arkitettura u l-Inginerija Civili (SACES), waqt l-inawgurazzjoni tal-wirja "Designs '02", f'Saint James Cavalier, fil-Belt Valletta.

Huwa kompla jghid li fl-aħħar Quarterly Review tal-Bank Ċentrali, dak għal Diċembru 2001, jingħad li l-investiment fis-settur tal-kostruzzjoni, fl-ewwel disa' xhur tas-sena l-oħra, kiber b'6.5 fil-mija f'termini reali, bil-bini ta' l-isptar il-ġdid u t-terminal taċ-Ċirkewwa jikkontribwixxu għall-parti l-kbira taż-żieda. Ir-rapport isemmi wkoll li fl-aħħar ta' Settembru 2001 kien hemm zieda ta' 1.7 fil-mija fl-impjiegi full-time fis-settur privat tal-produzzjoni l-aktar minħabba li fix-xhur ta' qabel kien hemm żieda fit-talba għal impjiegi fis-settur tal-kostruzzjoni u tal-manifattura tal-ħwejjeġ.

Il-Ministru għall-Ambjent qal li m'hemmx dubju li s-settur tal-kostruzzjoni reġa' irpilja. Dan joħroġ ċar minn ċifri dwar il-produzzjoni, id-dħul mix-xogħol u l-profitti fl-aħħar tliet snin u fuq kollox miż-żieda ta' 911 impjieg, bejn Diċembru 1998 u Settembru 2001, meta kien hemm jaħdmu f'dan is-settur 6,421.

Francis Zammit Dimech qal li filwaqt li s-settur tal-kostruzzjoni, li jieħu madwar terz ta' l-investiment kollu tal-pajjiż, hu indikatur ewlieni għall-ekonomija, irridu nkomplu nsibu l-mezzi biex inżewġu l-esiġenzi ta' l-iżvilupp ma' dawk ambjentali billi mmorru dejjem aktar għal żvilupp sostenibbli. Hu qal li hawnhekk fejn kien meħtieġ dejjem aktar impenn mill-istudenti fil-qasam ta' l-arkitettura u l-inġinerija.

Il-Ministru għall-Ambjent qal li l-kobor ta' artna hu dak li hu. Qal li bi 22 fil-mija ta' l-art mibnija u bil-ħtieġa li nħarsu l-art agrikola u li nkabbru l-art bis-siġar ftit jibqa' lok fejn niżviluppaw aktar għall-kostruzzjoni jekk mhux billi nagħmlu użu aħjar ta' l-art li għadha fabrikabbli u nsibu użu ġdid għall-eluf ta' postijiet vojta li hawn ma' kull parti tal-pajjiż.

Francis Zammit Dimech qal lill-istudenti li kellu quddiemu biex jibdew jahsbu aktar kif f'inqas art, joholqu l-istess kumditajiet li kienu jitgawdew minn dawk li kellhom djar kbar. Qal li l-istudenti tal-lum kellhom ikunu l-pijunieri ta' bini ta' apartamenti moderni f'hafna inqas spazju. Ta' blokki ta' bini li joghlew aktar 'l fuq, flok jinfirxu aktar 'l isfel. Qal li l-istudenti tal-lum kellhom jippjanaw kif jirriabiltaw id-djar qodma li hawn f'pajjiżna biex ikun fihom il-kumditajiet kollha biex jilqgħu fihom koppji żgħażagh. Francis Zammit Dimech qal li kien jemmen li d-djar il-qodma ta' pajjizna, bil-karattru taghhom, darba jigu riabilitati ikollhom min jabitahom.

Francis Zammit Dimech qal li minn dak li kien qed jara f'din il-wirja m'għandux dubbju li ż-żgħażagħ studenti fl-arkitettura u l-inġinerija ċivili mhux biss għandhom ideat iżda huma kapaċi jilqgħu għall-isfidi li pajjiżna qed ipoġġi quddiemhom. Sfidi li kienu jinkludu miżuri għal enerġija alternattiva fl-ippjanar tal-bini, l-użu massimu minn kull spazju, landscaping madwar l-istess bini u materjal riċiklat li jnaqqas mill-aktar minn miljun tunnellata ta' terrapin li joħroġ minn twaqqigħ ta' bini u minn tindif ta' siti għall-bini.

Il-Ministru għall-Ambjent qal li l-ġimgħa l-oħra kien ippreżenta 86 warrant lil 35 perit u 51 inġinier. Qal li l-Bord tal-Warrant tal-Periti sena ilu għamel diversi suġġerimenti dwar it-taħriġ li għandhom jingħataw l-istudenti fil-preparazzjoni għall-professjoni tagħhom. Qal li l-Bord kien irrakomanda illi l-istudenti għandhom jingħataw aktar exposure fl-oqsma tal-professjoni tagħhom fosthom fid-disinn arkittetoniku, strutturi, costings, tenders, evalwazzjoni ta' proprjeta', preparazzjoni ta' rapporti, rappreżentazzjonijiet quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar u xogħol fuq is-sit. Qal li dawn kienu kollha rekwiżiti importanti għall-istudenti biex dawn jidħlu għall-professjoni tagħhom ippreparati.

Francis Zammit Dimech qal li kellu fiduċja sħiħa fiż-żgħażagħ Maltin. Qal li kien jemmen li dawn kellhom talent u kienu kapaċi javvanzaw 'il quddiem fl-interess tal-futur tagħhom u fl-interess ta' l-iżvilupp ta' pajjiżna. Il-Ministru għall-Ambjent awguralhom suċċess fl-istudju filwaqt li wiegħdhom kull appoġġ.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow