Left arrow Mur Lura

82,000 FLIXKUN TAL-PLASTIK MIĠBURA MINN ‘GIRL GUIDES’

PR1794
Date Icon 27/12/2002

Ir-riċiklaġġ kien kruċjali biex tirnexxi l-istrateġija għall-immaniġġjar ta’ l-iskart solidu fil-gżejjer Maltin. Dan qalu l-Onor. Francis Zammit Dimech, Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, meta żar grupp ta’ Girl Guides li kienu qed jieħdu sehem f’attivita’ marbuta mal-ġbir ta’ fliexken tal-plastik.

Hu qal li skond il-ftehim li lħaqna ma’ l-Unjoni Ewropea, sa tarf l-2005 irridu nkunu qed nirriċiklaw ta’ l-inqas 25 fil-mija ta’ l-iskart kollu ta’ l-ippakkjar. Sa tarf l-2009 Malta se tkun qed tirriċikla ta’ l-inqas 15 fil-mija ta’ l-iskart mill-plastik.

Il-Ministru qal li fl-1999 f’pajjiżna ntużaw 75 miljun kontenitur mhux ritornabbli u li għalhekk jispiċċaw fil-Magħtab. Aktar minn 30 miljun minn dawn il-kontenituri huma fliexken tal-plastik ta’ l-ilma, 11.2 miljun huma kontenituri tal-fruit juices, 9.4 miljuni huma fliexken ta’ sports drinks u ice teas, 3.3 miljun fliexken ta’ soft drinks u 20.5 miljun fliexken tal-birra.

L-Onor Zammit Dimech tenna li sehem essenzjali mill-istrateġija għall-immaniġġjar ta’ l-iskart solidu kien il-programm kontinwu ta’ komunikazzjoni ma’ dawk kollha involuti f’din l-istrateġija. Hu qal li għal dan l-iskop kienet twaqqfet task force, taħt l-awspiċi tal-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni u kkoordinata minn Proġett Skart bl-iskop li jitħejjew pakketti edukattivi li jittrattaw l-immaniġġjar ta’ l-iskart f’suġġetti mgħallma fl-iskejjel primarji u sekondarji. Hu qal li l-iskop ta’ din l-inizjattiva kien li l-istudenti jkollhom kuntatt mas-suġġett ta’ l-immaniġġjar ta’ l-iskart matul iż-żmien li jagħmlu l-iskola.

Francis Zammit Dimech fakkar li f’nofs dan ix-xahar Proġett Skart nieda eżerċizzju għas-separazzjoni ta’ l-iskart f’25 skola fuq l-istess linji ta’ dak li qed jitwettaq fid-djar. Hu qal li ’l quddiem dan l-eżerċizzju kien se jinfirex għall-iskejjel kollha.

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li minn żmien għall-ieħor jissejjaħ biex isegwi mill-qrib attivitajiet li jkunu qed jitwettqu minn tfal ta’ skejjel, minn boy scouts u girl guides. Xi xhur ilu kien żar grupp ta’ boy scouts li kienu għall-kamp annwali tagħhom f’Marsaxlokk fejn ħadu inizjattiva li jisseparaw l-iskart. Francis Zammit Dimech qal li kien ta’ pjaċir għalih li għal darb’oħra jkun fl-Impjant tal-Kompostaġġ f’Sant’Antnin fejn il-Malta Girl Guides Association kienu qed jieħdu fliexken tal-plastik biex ikunu riċiklati.

Hu spjega li l-aħħar li kien f’dan l-Impjant kien fis-6 ta’ Diċembru fejn segwa proċess ta’ imballaġġ ta’ fliexken tal-plastik biex jiġu esportati għar-riċiklaġġ. Hu qal li fl-istess post kien qed jinġabar apparat elettroniku li m’għadux aktar utli biex jintuża u għalhekk jista’ jiġi riċiklat.

Francis Zammit Dimech faħħar l-inizjattiva tal-Girl Guides li matul is-sena ġabru l-fliexken tal-plastik minn diversi lokalitajiet ta’ Malta. Hu qal li b’kollox ipparteċipaw 12-il unit mir-Rabat, San Ġwann, Tarxien, Msida, Dingli, Mosta, Gżira, Żebbuġ, Attard, Għargħur, Qawra u Swieqi. B’kollox dawn ġabru 82,000 flixkun, bil-unit tar-Rabat jiġbor l-akbar numru ta’ fliexken, 26,000. Francis Zammit Dimech qal li dawn il-fliexken inġabru l-aktar mid-djar u kienu parti minn pjan tal-Malta Girl Guides Association biex jedukaw liż-żgħażagħ dwar problemi ambjentali.

Żied jgħid li bl-għajnuna ta’ Proġett Skart dawn il-fliexken ittieħdu fl-Impjant ta’ Sant’Antnin. Hemmhekk jintgħażlu, jkunu mballati, jinbiegħu u wara jkunu esportati għar-riċiklaġġ.

Il-Ministru qal li kien jinkoraġixxi b’kull mod attivitajiet bħal dawn għaliex kien jemmen li aktar maż-żgħażagħ tagħna jkunu konxji mill-ħtieġa li nnaqqsu l-iskart, nirriċiklawh u nużawh mill-ġdid aktar naslu biex nilħqu u nissuperaw il-miri li qiegħdna quddiemna fl-Istrateġija għall-Immaniġġjar ta’ l-Iskart Solidu fil-Gżejjer Maltin.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozzi leġiżlattivi biex tkompli tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika

PR261931

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME  Malta Miegħek: Funding increased for music education in band clubs and voluntary organisations working with youths

PR261930en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION O...

Aktar Stqarrijiet Right arrow