DISKORS TA` L-ONOR. ĊENSU GALEA, MINISTRU GHAT-TRASPORT U KOMUNIKAZZJONI, WAQT IL-PREŻENTAZZJONI TAL-MANAGEMENT TEAM TA’ L-AWTORITA DWAR IT-TRASPORT PUBBLIKU – PIETA` - IL-ĠIMGĦA 27 TA’ DIĊEMBRU, 2002.
Nixtieq nibda billi nirringrazzjakom talli lqajtu l-istedina tiegħi u tal-Bord tad-Diretturi biex tiġu għall-preżentazzjoni uffiċjali tal-Management Team il-ġdid li qed imexxi l-Awtorita’ dwar it-Trasport ta’ Malta.
L-Awtorita’ twaqqfet uffiċjalment sena u nofs ilu (1 ta’ Ġunju 2001) b’funzjoni ta’ regolatur, bil-għan li ttejjeb is-sistema tat-trasport f’Pajjiżna. Permezz ta’ din l-Awtorita’, diversi dipartimenti tal-gvern u l-Awtorita’ dwar it-Trasport Pubbliku ingħaqdu taħt Awtorita’ waħda. Jien inħossni sodisfatt li tul l-aħħar snin introduċejna riformi f’bosta setturi tat-trasport biex jitjiebu kemm is-servizzi kif ukoll ix-xogħlijiet infrastrutturali li jaqgħu taħt dan is-settur.
Kull manager li hawn preżenti llum jaf li waħda mill-aktar affarijiet impenjattivi f’kull organizzazzjoni hija li tbiddel il-mod ta’ kif wieħed jopera. Fil-każ tat-toroq, per eżempju, ridna ndaħħlu bidla totali fil-kultura ta’ kif jinbnew it-toroq. Ma ridniex inkomplu b’sistema fejn jintefqu flejjes kbar fuq it-toroq biex iservu għall-żmien qasir. Allura kienet waħda mill-prijoritajiet tiegħi li nibdlu l-kultura ta’ dawk kollha nvoluti f’dan is-settur u llum inħossni kburi ngħid li mxejna sew biex nilħqu dan il-għan.
Dan ma jfissirx li ma ltqajniex ma’ problemi. Izda, inħossni sodisfatt ngħid li l-enerġija li użajna biex daħħalna din ir-riforma serviet biex tiggarantixxi li t-toroq jinbnew b’mod aħjar mhux biss għal dawn l-aħħar snin. Dawn ir-riformi issa daħlu biex jibqgħu bħala l-istandard il-ġdid għall-bini ta’ toroq Maltin u ser jibqa’ jgawdi minnhom il-poplu Malti, mhux biss għal din il-leġiżlatura iżda għall-gvernijiet futuri, ikun hemm min ikun hemm fil-gvern jew ikun min ikun il-ministru.
Ir-riforma f’dan il-qasam mhux biss qed tiġi mplimentata fid-Direttorat tat-Toroq iżda ukoll fid-direttorati kollha ta’ din l-Awtorita’. Wieħed ma jistax jonqos li jinnota r-riformi li qed iseħħu fit-trasport pubbliku, liċenzjar u ttestjar u l-immaniġġjar tat-traffiku.
Sa qabel ma ġiet imwaqqfa l-Awtorita’ dawn l-oqsma kollha kienu jiffunzjonaw indipendentement. Kienu stabbiliti bħala dipartimenti tal-gvern, jew bordijiet, iżda għalkemm xogħlhom kien relatat ħafna, ix-xogħol tagħhom ma kienx qed ikun daqshekk ko-ordinat. Illum fl-Awtorita’ insibu sitt Direttorati:
Id-Direttorat tat-Toroq;
Id-Direttorat tal-Immaniġgjar tat-Traffiku;
Id-Direttorat tat-Trasport Pubbliku;
Id-Direttorat tal-Liċenzji u Testjar;
Id-Direttorrat ta’ l-Istrateġija tat-Trasport;
Id-Direttorat tas-Servizzi Korporattivi.
L-Awtorita’ għandha l-Bord immexxi miċ-Chairman is-Sur Charles Demicoli. Apparti t-tmexxija tad-Direttorati diversi, l-Awtorita’ dwar it-Trasport ħatret il-Kap Eżekuttiv, is-Sur Mario Falzon, u d-Deputat Kap Eżekuttiv, is-Sur David Sutton.
Il-Management ta’ l-Awtorita’ għandu taħlita ta’ management kemm amministrattiv kif ukoll dak tekniku. Dan jagħmel il-management aktar bilanċjat u allura aktar effettiv fit-tmexxija ta’ l-Awtorita’.
Ix-xogħol kollu tad-Direttorati qed jiġi ko-ordinat internament minn qabel biex jitnaqqas kemm jista’ jkun kull inkonvenjent għall-pubbliku.
Id-Direttorat tat-Toroq huwa mmexxi mill-Perit Lino Zammit bħala Assistent CEO. Id-Direttorat huwa responsabbli mill-kostruzzjoni, manutenzjoni u titjib tat-toroq arterjali. Toroq lokali li qatt ma kienu saru wkoll jaqgħu taħt dan id-Direttorat. Għal dan il-għan, il-Direttorat iħaddem numru ta’ periti li huma esperti f’dan il-qasam. Fost il-ħafna proġetti li jaqgħu taħt dan id-Direttorat insibu l-proġetti ta’ kostruzzjoni ta’ Burmarrad u s-Salina, l-Iklin, u l-Mosta North Ring Road. Dawn il-proġetti ġew mgħoddija kompletament lill-kuntratturi privati li huma mistennija jiggarantixxu x-xogħol li jkunu għamlu sa ta’ l-anqas ħames snin wara li jkun tlesta. Proġett kbir ieħor li nbeda din is-sena huwa dak fl-inħawi ta’ l-isptar il-ġdid, Mater Dei.
Id-Direttorat tat-Trasport Pubbliku huwa mmexxi mis-Sur Joe Caruana. Id-Direttorat jirregola s-sistema tat-trasport pubbliku offrut mill-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku, tal-coaches, mini buses, service garages, taxis u karozzini. Id-Direttorat għandu r-responsabilita’ ukoll illi jtejjeb s-servizz provdut lill-pubbliku u lit-turisti li jiġu f’Pajjizna. Id-Direttorat huwa bħalissa nvolut fil-bdil tal-karrozzi tal-linja tat-tip low floor kif ukoll fl-introduzzjoni tat-ticketing and vending machines.
Id-Direttorat tal-Liċenzji u t-Testjar huwa mmexxi mis-Sur Paul Galea, Assistent CEO. Ir-rwol tad-Direttorat primarjament huwa li jassigura li l-vetturi kollha huma tajbin għal fuq it-triq, u huma misjuqa minn sewwieqa mħarrġa tajjeb biex b’hekk nillimitaw kemm jista’ jkun il-periklu fuq it-toroq tagħna.
Fost il-proġetti li huma ppjanati għas-sena li ġejja għal dan id-Direttorat, insibu s-sistema on-line tat-tiġdid tal-liċenzji tal-vetturi kif ukoll l-introduzzjoni tal-points system għas-sewwieqa ġodda. It-test tas-sewqan il-ġdid ser jinkludi wkoll l-parti teoretika. It-tiġdid tal-liċenzji tal-vetturi ser ikun possibbli anke mill-Internet għall-benefiċċju tal-pubbliku in ġenerali. L-introduzzjoni tal-points system għas-sewwieqa l-ġodda wkoll għandha tkun ta’ benefiċċju sew għas-sewwieqa maturi, kif ukoll għaż-żgħażagħ li forsi minħabba nuqqas ta’ esperjenza jabbuzaw xi ftit minn sewqan eċċessiv.
Id-Direttorat ta’ l-Immaniġjar tat-Traffiku, huwa mmexxi mill-Perit Audrey Testaferrata de Noto. Ix-xogħol ta’ dan id-Direttorat huwa li jassigura li t-traffiku jimxi b’mod effiċjenti u jħares is-sigurta` sew tas-sewwieqa kif ukoll tal-pedestrians. Id-Direttorat kien involut f’diversi skemi ta’ mmaniġġjar ta’ traffiku kif ukoll fl-installazzjoni ta’ numru ta’ traffic calming measures bħal m’huma road humps, build-outs kif ukoll l-installazzjoni ta’ numru ta’ traffic/pelican lights, sinjali tat-traffiku u road markings. F’każijiet fejn id-Direttorat tat-Toroq kien qed jesegwixxi xi tip ta’ xogħlijiet fuq it-toroq, dan id-Direttorat kien involut, flimkien mad-Direttorat tat-Trasport Pubbliku biex jippjana sistemi ta’ traffiku temporanji għall-perjodu li fih kienu qed isiru dawn ix-xogħlijiet.
Id-Direttorat ta’ l-istrateġija dwar it-Trasport huwa mmexxi mis-Sur Mike de Marco. Dan id-Direttorat qiegħed joħloq sensiela ta’ korsijiet li jirrigwardaw, fost oħrajn, it-titjib tas-sewqan fit-toroq, it-titjib ta’ tagħlim lil dawk li japplikaw biex jottjenu liċenzji varji, kif ukoll taħriġ f’dak li jirregwarda trasport ta’ oġġetti perikolużi, bħal m’huma esplossivi, gas, u pitrolju. Dan id-Direttorat qiegħed ukoll jaħseb biex fil-futur qarib jagħmel taħriġ serju lis-sewwieqa tal-karrozzi tal-linja, coaches, white taxis, u kuċċiera.
Id-Direttorat tas-Servizzi Korporattivi huwa mmexxi mis-Sur Ray West. Ir-rwol ta’ dan id-Direttorat huwa li jipprovdi d-Direttorati l-oħra li għandna kemm semmejna b’servizz komuni u konsistenti fl-isferi tat-tmexxija tar-riżorsi umani, amministrazzjoni, finanzi, servizzi legali u support fit-teknoloġija informatika.
Naħseb illi b’dan li għadni kemm għidt, tajt stampa ċara tal-funzjonijiet ta’ l-Awtorita’.
Għandna ħafna xogħol li jrid jsir. Bdejna bit-twaqqif ta’ din l-Awtorita’ u dawn id-Direttorati qed jaħdmu f’għaqda waħda għall-ġid tal-Pajjiż f’dak li jirregwarda t-trasport pubbliku, in ġenerali. Għandna sfida kbira, iżda jekk kulħadd jaħdem alenija u bis-serjeta’ għandna naslu biex f’Malta, bħal ħafna pajjiżi fl-Unjoni Ewropea, ikollna trasport pubbliku serju u effiċjenti flimkien ma’ trasport privat regolarizzat b'inqas konġestjoni, periklu w impatt ambjentali inqas negattiv.
Intom tafu daqsi li hawn Malta għandna problema kbira għal dak li huwa volum ta’ traffiku. Biżżejjed ngħidu li għandna ’l fuq minn 250,000 vettura reġistrati. Ikun tajjeb li wieħed isemmi wkoll l-fatt li għandna madwar 200,000 persuna liċenzjati biex isuqu vettura. Dan ifisser li huwa essenzjali li nillimitaw il-bżonn b’żieda fin-numru ta’ vetturi fit-toroq tagħna għal ħafna raġunijiet. L-ewwel u qabel kollox, l-Awtorita’ għandha d-dmir li tnaqqas sostanzjalment in-numru ta’ inċidenti tat-traffiku.
Huwa mportanti wkoll li nnaqqsu d-dħaħen, b’hekk intejbu l-kwalita’ ta’ l-arja ta’ gżiritna. Irridu naraw kif intejbu s-servizz tat-trasport pubbliku mhux biss billi nintroduċu vetturi ġodda imma billi noħolqu sistema fejn is-servizz pubbliku jkollu l-fiduċja sħiħa minn min jużah. Ma hemm l-ebda dubju li rridu naraw kif insibu soluzzjoni biex naqilbu t-tendenza li hija t-tnaqqis fin-numru ta’ passiġġieri li jużaw s-servizz pubbliku.
Fattur ieħor li żgur intom taqblu miegħi li għandu bżonn jiġi studjat huwa l-livell ta’ sewqan esaġerat u bl-addoċċ fit-toroq tagħna. Dan huwa aspett importanti jekk aħna ser nilħqu l-għanijiet tagħna biex innaqqsu drastikament in-numru ta’ inċidenti fit-toroq tagħna.
Inkun qed nonqos jekk ma nsemmix il-ħidma li qiegħda ssir biex nagħmlu titjib sostanzjali fil-kwalita’ tat-toroq tagħna. Għal darb’oħra, nerġa’ nsostni kemm huwa importanti li nħarsu lejn din il-problema billi t-toroq tagħna jiġu mtejba b’mod professjonali u mhux bis-sistema l-antika fejn tiswija li kienet isservi għal ftit xhur biss kienet meqjusa bħala sistema aċċettabli. Għal dan il-għan, biżżejjed ngħidu li mhux biss l-Awtorita’ tara li l-kuntratturi jaħdmu skond l-ispeċifikazzjonijiet maħruġa mill-istess Awtorita’ iżda, fejn ix-xogħol ma jkunx ta’ kwalita’ tajba, hija r-responsabilta` ta’ l-istess kuntrattur biex jirranġa n-nuqqasijiet.
Biex tkun aktar effettiva, is-sena d-dieħla l-Awtorita’ ser torganizza numru ta’ laqgħat għal dawk li jużaw is-servizzi tagħha biex flimkien mal-klijenti tagħha tħaddem aħjar il-programm tal-ħidma tagħha favur il-poplu Malti.
Other Press Releases:
PR261931
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...
PR261930en