MESSAĠĠ MILL-PRIM MINISTRU LILL-KAPIJIET TAD-DIPARTIMENTI
Waqt riċeviment għall-Kapijiet tad-dipartimenti tal-Gvern, il-Prim Ministru, Dr. Eddie Fenech Adami, rringrazzja għal darb’ oħra lil dawk li mexxew in-negozjati ma’ l-Unjoni Ewropea.
Il-Prim Ministru esprima b’mod partikolari l-apprezzament tiegħu għall-ħidma li wettqu is-Segretarji Permanenti fil-Ministeri kollha matul in-negozjati. Fakkar ukoll fil-ħidma tad-Diretturi Ġenerali u d-Diretturi tad-dipartimenti kollha u kull min jaħdem magħhom.
Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru qal li ftit kien hawn okkażjonijiet fil-ħajja politika tal-pajjiż, li fihom kien hawn eżerċizzju daqshekk profond u wiesa’ u li jinvolvi lil kulħadd. Hawn, il-Prim Ministru kkonferma li kull meta s-Servizz Ċivili ġie f’ kuntatt ma’ l-Unjoni Ewropea, dan dejjem ġie mfaħħar għall-effiċjenza tiegħu. Dan huwa riżultat tar-riforma kbira li seħħet fis-Servizz Ċivili, wara li l-Gvern beda jimplimenta gradwalment ir-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tal-Public Service Commission Reform.
Filwaqt li esprima s-sodisfazzjon tiegħu dwar il-pakkett finanzjarju li kisbet Malta, il-Prim Ministru emfasizza li jkun żball jekk inħarsu lejn l-Unjoni Ewropea bħala sors finanzjarju biss. Fil-verità l-Unjoni Ewropea tfisser wisq aktar minn hekk.
Il-Prim Ministru fakkar li s-sena d-dieħla se tkun waħda partikolari għaliex fiha se jkollna żewġ elezzjonijiet u referendum. Hu qal li l-poplu għandu jieħu din l-opportunità sabiex ifassal il-futur tiegħu. Qal li mbagħad ikun id-dmir ta’ kulħadd imma speċjalment tal-politiċi li jbaxxu rashom għad-deċiżjoni ta’ l-elettorat. Fuq kollox, din hija t-tifsira tad-demokrazija.
Qabel ma temm id-diskors tiegħu, il-Prim Ministru rringrazzja lis-Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, is-Sur Joseph R. Grima li wera x-xewqa li jirtira wara karriera twila li waslitu sal-quċċata tas-Servizz Pubbliku.
Stqarrijiet Oħra:
PR261931
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...
PR261930en