IN-NEGOZJATI TA’ MALTA DWAR IL-VAT
Id-Dipartiment ta’ l-Informazzjoni jagħmel referenza għall-konferenza ta’ l-aħbarijiet mogħtija mill-Prim Ministru Dr Eddie Fenech Adami, li xxandret il-Ħamis, 19 ta’ Diċembru 2002, fuq Television Malta bħala parti minn skeda ta’ xandiriet politiċi ta’ l-Awtorità tax-Xandir.
Il-Prim Ministru jixtieq jikkjarifika dan li ġej:
Bi tweġiba għal mistoqsija ta’ wieħed mill-ġurnalisti dwar jekk il-Gvern hux se jkollu jdaħħal VAT fuq materja stampata (printed matter), trasport tan-nies bl-art, trasport tan-nies bl-ajru, trasport tan-nies bil-baħar, bini u art, hu wieġeb li ir-riżultat tan-negozjati kien ovvju.
Il-Prim Ministru jixtieq jippreċiża li apparti l-VAT fuq l-ikel u l-mediċini, Malta u l-UE kienu diġa` qablu li Malta żżomm l-eżenzjoni mill-VAT fuq l-oqsma tat-trasport bl-art, trasport tan-nies bl-ajru, trasport tan-nies bil-baħar (fosthom trasport bil-vapur ta’ Għawdex), ilma, bini u art. Din l-eżenzjoni tibqa’ fis-seħħ fuq bażi indefinita sakemm dawn is-servizzi u prodotti jibqgħu wkoll eżentati fi kwalunkwe pajjiż ieħor ta’ l-UE.
Min-naħa l-oħra Malta aċċettat li ddaħħal il-VAT b’rata mnaqqsa ta’ 5% fuq materja stampata u fuq apparat mediku. L-istess jgħodd fuq iċ-ċilindri tal-gass u fuq l-elettriku fejn il-VAT diġa` ddaħħlet (5% fuq l-elettriku u 15% fuq il-gass) għalkemm din se titħallas mill-Enemalta u mhux mill-konsumatur.
Apparti minn dan, kif diġa` huwa magħruf, Malta u l-UE qablu li Malta żżomm eżenzjoni mill-VAT fuq l-ikel u l-mediċini sal-1 ta’ Jannar, 2010. Malta aċċettat dan l-arranġament bil-kundizzjoni li sa dakinhar l-ebda pajjiż ieħor ma jkun għadu japplika eżenzjoni fuq l-ikel u l-mediċini. Dikjarazzjoni f’dan is-sens se tinhemeż mat-Trattat ta’ Sħubija.
Other Press Releases:
PR261931
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...
PR261930en