Left arrow Mur Lura

TALBIET LILL-UE GĦAL DISA’ PROĠETTI FIL-BELT VALLETTA

PR1774
Date Icon 20/12/2002

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura Francis Zammit Dimech qal li issa li pajjiżna ġie aċċettat bħala membru ta’ l-Unjoni Ewropea l-Gvern diġà pprepara d-dokumentazzjoni meħtieġa li tifforma l-bażi għat-talbiet li jagħmel pajjiżna għal fondi minn programmi strutturali u ta’ koeżjoni.

Dan qalu waqt li żar xogħol ta’ restawr li twettaq mill-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-belt Valletta bl-għajnuna tal-BOV, fuq iż-żewġ funtani f’Misraħ San Ġwann, Valletta.

Francis Zammit Dimech qal li fost il-proġetti li għalihom qed tintalab għajnuna hemm disa’ relatati mal-belt Valletta b’valur ta’ madwar Lm6 miljun.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li tul l-erbatax il-sena li ilu mwaqqaf, il-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Belt Valletta (VRP) wettaq mhux biss proġetti kbar iżda anke proġetti żgħar.

Francis Zammit Dimech qal li l-VRP irrestawra diversi niċeċ li jinsabu fil-kantunieri tat-toroq fil-belt Valletta u l-Floriana. Hu qal li fost dawn kien hemm in-niċeċ ta’

  • San Franġisk fi Triq Sant’Ursula kantuniera ma’ Triq Santa Luċia, Valletta.
  • San Pawl fi Triq San Pawl kantuniera ma’ Triq Santa Luċia, Valletta.
  • San Ġwann fi Triq San Pawl kantuniera ma’ Triq S. Luċia, Valletta.
  • San Pawl fi Triq San Nikola kantuniera ma’ Triq il-Bir, Valletta.
  • Tas-Salvatur fi Triq is-Sur kantuniera ma’ Triq S. Franġisk, Floriana.
  • Tal-Kunċizzjoni fi Triq il-Kapuċċini kantuniera ma’ Triq San Tumas, Floriana.
  • Ta’ San Publiju f’Xatt il-Belt.

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li l-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Belt Valletta iddeċieda li jirrestawra erba’ funtani fil-kapitali, tnejn fi Pjazza San Ġorġ u tnejn f’Misraħ San Ġwann. Hu qal li l-aħħar tnejn, għalkemm ta’ żmien l-Ingliżi, huma ta’ importanza kbira. Żied jgħid li dawn ġew restawrati u issa qed jiffunzjonaw.

Francis Zammit Dimech qal li VRP qed jaħdem biex jikseb sponsorships ħalli jkun jista’ jkabbar il-firxa tal-ħidma tiegħu. Hu qal li wieħed mill-isponsors regolari li qed jgħin f’diversi proġetti żgħar ta’ restawr hu l-Bank of Valletta. Dan il-bank għen fir-restawr ta’ dawn il-funtani u anke aċċetta li jibqa’ jgħin fil-manutenzjoni tagħhom għal ħames snin. Dan kien jassigura li mhux biss dawn il-funtani ġew restawrati iżda li se jibqgħu jinżammu fi stat tajjeb. Francis Zammit Dimech irringrazzja lill-Bank of Valletta għall-għajnuna tagħhom.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li dakinhar kien se jiltaqa’ għall-ewwel darba l-Kumitat li se jiġġudika s-sottomissjonijiet għal disinji għal pavimentar f’Misraħ San Ġwann, quddiem il-Kon-Kattidral ta’ San Ġwann u parti minn Triq il-Merkanti. Hu qal li dan permezz ta’ dan il-proġett kien maħsub li jsir upgrading tas-servizzi u pavimentar. Ix-xogħol kien mistenni jibda lejn l-aħħar tas-sena d-dieħla. Hu qal li dan il-proġett kien maħsub li jkabbar l-area fil-belt Valletta li se tkun pedestrianised. Francis Zammit Dimech qal li dan kien wieħed mill-proġetti li kienet se tintalab għajnuna finanzjarja għalih mill-Unjoni Ewropea.

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li l-ħidma ta’ riabilitazzjoni u restawr li qed titwettaq fil-kapitali ta’ pajjiżna hi waħda kontinwa u tirrifletti l-impenn tal-Gvern li jħares il-wirt storiku ta’ pajjiżna li hu fost l-eqdem fid-dinja.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozzi leġiżlattivi biex tkompli tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika

PR261931

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME  Malta Miegħek: Funding increased for music education in band clubs and voluntary organisations working with youths

PR261930en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION O...

Aktar Stqarrijiet Right arrow