IMKABBRA LOKALMENT MADWAR 36,000 DUNDJAN GĦALL-MILIED
Il-Ministru għall-Agrikultura u Sajd Ninu Zammit qal li għall-Milied mistennija jkun hawn fis-suq mas-36,000 dundjan imkabbra lokalment u li se jkunu għall-bejgħ bi prezz li hu madwar 20ċ orħos fil-kilo milli kien f’dawn l-aħħar snin. Hu ikkalkulat li l-poplu Malti jikkonsma aktar minn 150,000 kilo ta’ dundjan matul dawn il-ġranet tas-sena.
Il-Ministru Zammit, li kien qed jitkellem waqt il-preżentazzjoni ta’ 300 dundjan lil għadd ta’ istituzzjonijiet tal-karità, ħeġġeġ lill-konsumatur biex għal dawn il-festi jixtri dundjani mkabbra minn produtturi Maltin b’garanzija ta’ kwalità. Hu qal li biex tkun assigurata ż-żamma tal-kwalità, il-proċessuri se jwaħħlu fuq il-boroż tikketta li tkun turi l-bar coding, il-piż tad-dundjan u l-isem tal-proċessur.
Żied jgħid li bl-inkoraġġiment tal-Gvern, il-proċessuri din is-sena ddeċidew li bejniethom iġibu madwar 40,000 fellus minn barra u jagħtuhom għat-tkabbir għand il-bdiewa u produtturi oħra. B’hekk tkun tista’ tintlaqa’ d-domanda kollha mingħajr il-ħtieġa ta’ importazzjoni.
Il-Ministru Zammit stqarr li l-fatt li l-Gvern xtara numru minn dawn id-dundjani biex ikunu jistgħu jitgawdew minn min hu l-aktar fil-bżonn, juri kemm il-Gvern jemmen u lest jgħin inizjattivi bħal dawn għax ikomplu jsaħħu l-produzzjoni agrikola lokali. Qal ukoll li inizjattivi bħal dawn jawguraw tajjeb għat-twaqqif tal-għaqdiet tal-produtturi li fost l-iskopijiet tagħhom hemm li jaraw x’inhi d-domanda tas-suq u li għaldaqstant jippromwovu l-prodott.
Il-Ministru Zammit irrifera wkoll għall-għajnuna ta’ madwar Lm76 miljun li se jingħataw il-produtturi kollha fis-settur agrikolu fuq firxa ta’ snin biex jibqa’ jkollhom dħul xieraq u ġust u fl-istess waqt ikunu megħjuna jagħmlu r-ristrutturar meħtieġ biex is-settur tal-biedja jibqa’ jkun sostenibbli.
Hu qal li din l-għajnuna, flimkien mal-kważi Lm13 il-miljun lira li se tagħti l-Unjoni Ewropea għall-biedja fl-ewwel tliet snin mis-sħubija se jissarrfu fl-akbar investiment li qatt sar fis-settur agrikolu f’pajjiżna.
Stqarrijiet Oħra:
PR261931
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...
PR261930en