KAMPANJA "ŻOMM 'L BOGĦOD MILL-KANSER" B'FONDI MILL-UNJONI EWROPEA
In-nefqa tal-Gvern fil-promozzjoni tas-saħħa dejjem tiżdied. Matul din is-sena il-Gvern ivvota aktar mid-doppju ta' dak ivvotat is-sena l-oħra. Filwaqt li s-sena l-oħra l-vot kien ta' Lm40,000 din is-sena ġew ivvotati Lm85,000. Dan jammonta wkoll għal aktar minn tliet darbiet ta' dak li kien ivvota l-Gvern preċedenti fl-1988. Iż-żieda fl-allokazzjoni ta' aktar fondi għad-Dipartiment għall-Promozzjoni tas-Saħħa hija xhieda tal-konvinzjoni tal-Gvern preżenti li l-prevenzjoni mhux biss twassal għal stil ta' ħajja aħjar imma wkoll trażżan in-nefqa fuq il-kura tas-saħħa.
Dan qalu l-Ministru tas-Saħħa meta flimkien ma' uffiċjali tad-Dipartiment tal-Promozzjoni tas-Saħħa kien qiegħed jinawgura l-kampanja "Żomm 'l bogħod mill-Kanser." Il-fondi għal din il-kampanja ġew minn fondi tal-NPAA (National Plan for the Adoption of the Acquis). Dawn huma fondi allokati mill-Unjoni Ewropea lil dawk il-pajjiżi, fosthom Malta, li qegħdin ifittxu sħubija fl-Unjoni Ewropea. Kampanji simili kontra l-kanser bħal dik f'Malta qegħdin isiru wkoll f'pajjiżi applikanti oħra dejjem bl-għajnuna ta' l-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru kompla billi qal li l-Ministeru tas-Saħħa jemmen li d-Dipartiment għall-Promozzjoni tas-Saħħa għandu rwol importanti xi jwettaq biex il-poplu Malti jkun infurmat kif jevita ċertu tip ta' mard li ħafna drabi jiddependi fuq id-dieta, kif ukoll fuq l-istil ta' ħajja li wieħed jgħix. Kull persuna għandha ċ-ċavetta ta' saħħitha f'idejha. Saħħet il-bniedem tiddependi ħafna fuq kif wieħed jaġixxi. Il-Gvern iħossu fid-dover li jiftaħ għajnejn il-pubbliku fejn jidħlu għażliet ta' stil ta' ħajja. Kien għalhekk li fl-1998 il-Gvern wiegħed li jerġa' jagħti prijorità lill-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni wara li bejn l-1997 u l-1998 Gvern preċedenti kien naqqas b'50% l-ispiża tad-Dipartiment għall-Promozzjoni tas-Saħħa. Għemilna jixhed il-konvinzjoni tagħna fil-potenzjal u l-effettività tal-promozzjoni u l-prevenzjoni, mhux bil-kliem iżda bil-fatti. Nemmnu bis-sħiħ li l-fondi minfuqa llum huma investiment li fil-futur għad jiffrankalna miljuni ta' liri.
Il-kanser huwa t-tieni kawża ta' mewt prematura fost il-Maltin u jidher li fil-futur se tibqa' hekk jekk mhux se nieħdu miżuri effettivi ta' prevenzjoni. L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa fl-aħħar rapport tagħha semmiet din il-problema li trid tiffaċċja Malta. Bħalissa l-medja ta' mwiet mill-kanser f'Malta hi ta' 180 mewt minn 100,000 persuna. Illum il-kanser qiegħed jitqies bħala thedida globali. Hu kkalkulat li madwar 6 miljuni mietu b'din il-marda fl-2001 u dan jissarraf fi 13% ta' l-imwiet kollha.
Min studji li saru jirriżultaw diversi fatturi li jistgħu jikkawżaw din il-marda. Jidher li fatturi prinċipali huma t-tipjip, l-alkoħol żejjed, id-dieta u nuqqas ta' eżerċizzju fiżiku. U propju l-kampanja tindirizza dawn il-fatturi bi tliet video clips biex inħajru lill-pubbliku jaddotta mod ta' ħajja li jnaqqas ir-riskju li jimrad bil-kanser.
Il-Ministru spjega li din il-kampanja għandha tilħaq żewġ għanijiet. L-ewwel hu dak ta' prevenzjoni kontra l-kanser. It-tieni, jekk wieħed isegwi l-għaxar punti ta' prevenzjoni li tisħaq dwarhom il-kampanja ċertament jgħix ħajja aħjar.
Il-Ministru temm billi rringrazzja lill-uffiċjali tad-Dipartiment tal-Promozzjoni tas-Saħħa għax-xogħol utli li jagħmlu.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN