Left arrow Mur Lura

L-ONOR EDWIN VASSALLO DWAR IS-SĦUBIJA FL-UE: ISSA M'GĦADNIEX AKTAR PAJJIŻ APPLIKANT IŻDA PAJJIŻ MINN TA’ ĠEWWA

PR1759
Date Icon 17/12/2002

Issa li l-proċess ta’ negozjati għas-sħubija fl-U.E. ġie magħluq, u ġejna aċċettati biex inkunu nagħmlu parti minn din l-inizjattiva li tfisser impenn u opportunitajiet għal kull min qiegħed fin-negozju, irridu nħarsu lejn il-ħidma tal-ġejjieni immedjat bħala ħidma li fiha rridu nimplimentaw politika imprenditorjali fejn bħala prijorita' rridu naraw l-individwi li qegħdin fin-negozju.

Dan huwa l-impenn tal-Gvern. Issa mhux ninnegozjaw biex nissieħbu, iżda issa rridu nibdew naġixxu. Jeħtieġ li tidher id-differenza. Min qiegħed fin-negozju qiegħed jitlob li jara din id-differenza. Mil-lum il-quddiem ma jistax ikun hemm iżjed diskriminazzjoni bejn l-imprenditur u s-self employed Malti ma’ dak li qiegħed jikkompeti miegħu mill-U.E.

Mil-lum ‘il quddiem l-imprenditur Malti jista’ jibda jara kif ser jisfida l-opportunitajiet ta’ swieq ġodda kemm fil-pajjiżi ta’ l-U.E. kif ukoll f’dawk il-pajjiżi li huma ġirien ta’ l-U.E. Bħala imprendituri u sidien tan-negozji żgħar f’pajjiż li ġie kkonfermat bħala pajjiż imsieħeb fl-U.E., l-imprenditur u s-self-employed Malti sid ta’ negozju ġie mogħti dak il-valur li ser jgħinu jagħmel differenza.

Il-burokrazija ta’ servizz pubbliku għandha tara kif tkun ta’ għajnuna biex tara li l-imprenditur Malti qed jieħu l-benefiċċji kollha tas-sħubija.

Il-burokrazija għandha tara kif tkun mill-iżjed effiċjenti fil-qadi ta’ dmirijietha. Dan il-pajjiż iddeċieda li jkun parti mill-inizjattiva U.E. biex il-kummerċ f’pajjiżna jkun iffaċilitat. Biex l-investiment f’pajjiżna jkun aktar attirat. Biex l-attivita’ kummerċjali tiżdied.

Issa l-proċess ta’ tħejjija għas-sħubija wasal fit-tmiem tiegħu, issa għandha tibda l-ħajja tas-sħubija. F’idejna llum għandna programm ta’ ħidma li qiegħed ikun ippreżentat lilkom membri ta’ l-għaqdiet u uffiċjali tad-Dipartimenti u Awtoritajiet.

Issa għandna sfida ġdida. Issa rridu nimplimentaw dak li ddiskutejna fil-proċess ta’ tħejjija. Issa intom uffiċjali fil-burokrazjia ta’ pajjiż li qed jikkompeti f’wieħed mill-akbar swieq fid-Dinja. Intom uffiċjali ta’ għaqdiet tan-negozju, intom ma għadkomx uffiċjali ta’ għaqdiet iżolati f’pajjiż żgħir, iżda uffiċjali ta’ għaqdiet li qed jagħmlu parti minn inizjattiva ferm akbar.

Ħadd ma għadu aktar waħdu, kullħadd ser jagħmel parti minn inizjattiva ferm akbar.

Fl-implimentazzjoni ta’ programm ta’ ħidma ippjanat biex jġib fis-seħħ iċ-Ċarter Ewropew Għan-negozji Żgħar, ħadd ma jista' jaħseb li qiegħed wahdu. L-implimentazzjoni ta’ dan l-impenn li daħal għalih il-Gvern Malti mal-pajjiżi li kienu applikanti u dawk imsieħba, għandha tkun esperjenza ta’ koperazzjoni u kordinazzjoni ferm aktar effettiva u effiċjenti.

Aħna lkoll, kemm jekk uffiċjali miċ-ċivil kif ukoll jekk uffiċjali mill-għaqdiet tan-negozji għandna dmir li rridu nwettqu b’aktar responsabbilità minn qatt qabel. Qiegħed nirreferi għad-dmir li għandna li aħna issa rridu naraw li ngħollu l-istandards tas-servizz tagħna u dan għaliex iżjed minn qatt qabel kull settur irrapreżentat hawn ġew ser jagħmel parti minn organizzazzjoni ferm akbar, minn esperjenza ferm aktar impenjattiva u b’iżjed esperjenza.

Il-burokrazija għandha sors ta’ informazzjoni u diskussjoni minn fejn tieħu u taqsam l-esperjenza tagħha ma’ azjendi li huma fid-dmir li jkunu ta’ assistenza għall-burokrazija ta’ pajjiżna. Sal-bieraħ konna qegħdin ninnegozjaw biex inwettqu bidliet biex nilħqu l-livell mixtieq. Illum dawk li sal-bieraħ innegozjajna magħhom, aħna sħab, aħna msieħba f’esperjenza wahda: li nirnexxu flimkien bħala suq wieħed.

L-għaqdiet tan-negozju saru parti minn organizzazzjoni ferm akbar. Mhux iżjed membri ta’ pajjiżi applikanti fl-U.E iżda għaqdiet tan-negozju membri ta’ pajjiż imsieħeb fl-U.E. Aħna issa nitqiesu minn ta’ ġewwa.

Ilkoll għandna valur miżjud. L-imprenditur Malti issa huwa l-imprenditur Malti jew Għawdxi f’pajjiż membru ta' l-U.E. L-uffiċjal taċ-ċivil sar uffiċjal taċ-ċivil li għandu objettiv wieħed u aktar impenjattiv, dak li jkun aktar effiċjenti. L-uffiċjal ta’ l-għaqda tan-negozju sar issa uffiċjal fejn sar aktar influenti għaliex għandu leħen ferm aktar b’saħħtu fejn flimkien ma' oħrajn bħalu jista' juża l-influenza tiegħu kemm biex ibiddel sitwazzjonijiet f’pajjiżu kif ukoll biex jinfluenza aħjar x’qed jiġri madwaru.

Din hija l-akbar sfida li għandna fl-esperjenza li għandna fiż-żmien li ġej, li nisfruttaw bl-aktar mod effettiv il-pożizzjoni l-ġdida li pajjiżna għandu u dan ifisser ir-rwol il-ġdid li issa għandna. Għemilna huwa taħt l-attenzjoni ta’ impenn ferm aktar wiesgħa. Dmirijietna ma nistghux naħarbu minnhom għaliex l-imprenditur u s-self-employed Malti u Għawdxi ser ikollu organizzazzjoni li fiha issa ġejna aċċettati li f’isimhom, m'hijiex ser tippermetti li aħna nħallu għal għada dak li nistgħu nagħmlu llum. F’kelma waħda ma għadniex fil-libertà li niskartaw minn dmirijietna lejn is-settur ta’ min qiegħed fin-negozju.

Dan huwa l-valur miżjud, il-value added li lkoll ser nibdew ingawdu. Kull wieħed ifisser li huwa akbar minn dak li kien sal-bieraħ, qabel ma pajjiżna kien aċċettat bħala pajjiż kapaċi u tajjeb li jkun membru fl-U.E. Iżda min ser jiddeċiedi li jagħmel il-bsaten fir-roti għal dan il-proċess ta’ żvilupp f’pajjiżna ser ikun qiegħed jagħmel ħsara lil ħutu Maltin u Għawdxin li huma fin-negozju filwaqt li min ser jaħdem biex jgħin ħalli dan l-iżvilupp issa jseħħ mhux ser ikun qed jogħoġob lill-barranin iżda jkun qiegħed jagħmel il-ġid ma' ħutu l-Maltni u Għawdxin fin-negozju.

Biex inġibu fis-seħħ iċ-Ċarter Ewropew għandna wkoll il-Multi Annual Program li jiswa 400 miljun Ewro. Issa f’idejna kemm ser naħdmu bil-għaqal biex nieħdu minn dawn il-fondi u nipparteċipaw fi programmi ta’ ħidma.

Issa f’idejna li mid-diskors ngħaddu għall-fatti.

Issa f’idejna biex lil min jiddependi minnha nagħtuh servizz aħjar. L-isfida tagħna hija komuni. Ejjew ngħollu l-istandard ta’ kwalita' fil-ħsieb tal-politika tagħna u fis-servizz lejn kull min qiegħed fin-negozju. Nagħtu ħarsa lejn dan il-Programm ta’ Ħidma nintebħu, li bl-iżjed affarijiet żgħar nistgħu nagħmlu bidliet kbar.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozzi leġiżlattivi biex tkompli tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika

PR261931

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME  Malta Miegħek: Funding increased for music education in band clubs and voluntary organisations working with youths

PR261930en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION O...

Aktar Stqarrijiet Right arrow