PROĠETTI GĦALL-IMMANIĠĠJAR TA’ L-ISKART FL-ISKEJJEL
Meta kien qed iniedi eżerċizzju għas-separazzjoni ta’ l-iskart fl-iskejjel, il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura Francis Zammit Dimech qal li l-Istrateġija għall-Immaniġġjar ta’ l-Iskart Solidu fil-Gżejjer Maltin, fost l-inizjattivi li qed tieħu, hemm dik ta’ l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ programm kontinwu ta’ komunikazzjoni ma’ dawk kollha involuti f’din l-istrateġija.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li għal dan l-iskop qed isiru diskussjonijiet kontinwi ma’ l-NGOs, ma’ l-industrija permezz tal-Federazzjoni ta’ l-Industrija, ma’ istituzzjonijiet fis-settur pubbliku u ma’ nisa tad-dar permezz ta’ gruppi lokali.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li l-poplu Malti kien infurmat permezz ta’ brochure li ntbagħtet fid-djar kollha Maltin dwar l-iskopijiet ta’ l-istrateġija u kif nistgħu nilħquhom. Saru wkoll spots fuq it-televizjoni, filwaqt li uffiċjali minn Proġett Skart iltaqgħu ma’ korpi kostitwiti, NGOs, dipartimenti tal-Gvern u Kunsilli Lokali biex jispjegawlhom l-għanijiet wara din l-istrateġija.
Francis Zammit Dimech żied jgħid li post importanti biex nippromwovu din l-istrateġija kienu l-iskejjel. Għal dan l-iskop twaqqfet task force, taħt l-awspiċi tal-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni u kkoordinata minn Proġett Skart, u magħmula minn nies esperti fit-tagħlim sabiex ikunu imħejjija pakketti edukattivi li jittrattaw l-immaniġġjar ta’ l-iskart f’suġġetti mgħallma fl-iskejjel primarji u sekondarji.
Hu qal li l-iskop ta’ din l-inizjattiva hu li l-istudenti jkollhom kuntatt mas-suġġett ta’ l-immaniġġjar ta’ l-iskart matul iż-żmien li jagħmlu l-iskola. B’hekk jitnisslu fihom valuri li jippromwovu prattiċi li jassiguraw sostenibbilita’ fil-qasam ta’ l-iskart. Il-pakketti qed jiġu ppreżentati lil numru ta’ skejjel pilota għall-evalwazzjoni.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li barra minn hekk ġew avviċinati 25 skola sabiex jibdew jisseparaw l-iskart fuq sistema simili ta’ dik li qed issir fid-djar. Din l-iskema tikkumplimenta l-pakketti edukattivi u ddaħħal ukoll sens ta’ parteċipazzjoni mill-istudenti kollha.
Francis Zammit Dimech qal li l-iskopijiet tal-proġett ta’ l-immaniġġjar ta’ l-iskart fl-iskejjel kienu erbgħa
- Li jipprovdi għajnuna lill-iskejjel fit-tagħlim dwar l-immaniġġjar ta’ l-iskart;
- Joffri appoġġ biex jinkoraġixxi prattiċi aħjar dwar l-immaniġġjar ta’ l-iskart fl-iskejjel;
- Jipprovdi bins għas-separazzjoni ta’ l-iskart;
- Jiġbor skart nadif għar-riċiklaġġ.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li qed ikunu identifikati l-ħtiġiet li għandha kull skola li qed tipparteċipa f’dan il-proġett, bħal x’tip ta’ skart qed ikun ġenerat u awditjar ta’ l-iskart b’kampjun rappreżentattiv ta’ l-iskejjel.
Francis Zammit Dimech qal li skond il-pjan li tħejja, il-preparazzjoni neċessarja mill-iskejjel trid issir qabel il-vaganzi tal-Milied bil-Proġett Skart jipprovdi l-appoġġ meħtieġ. Hu qal li fit-tieni ġimgħa ta’ Jannar se jiġu provduti l-bins fl-iskejjel li se jitbattlu b’mod regolari minn kuntrattur. Francis Zammit Dimech fakkar li l-bins li se jitqiegħdu fl-iskejjel se jkunu ta’ erba’ kuluri differenti
- Abjad għall-karta;
- Iswed għall-metall;
- Kannella għall-ħġieġ; u
- Blu għall-fliexken tal-plastik.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li biex dan il-proġett jirnexxi kien meħtieġ l-appoġġ ta’ kulħadd: għalliema, studenti u ġenituri. Hu qal li Proġett Skart kien se joffri l-informazzjoni kollha meħtiega dwar l-immaniġġjar ta’ l-iskart u għajnuna oħra. Francis Zammit Dimech qal li kien ċert li konna se nirnexxu fl-istrateġija għall-immaniġġjar ta’ l-iskart għaliex kien jemmen li pajjiżna jixraqlu biss l-aħjar.
Stqarrijiet Oħra:
PR261931
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...
PR261930en