L-ISKOLA SEKONDARJA TAR-RABAT TAGĦLAQ 50 SENA
L-iskola sekondarja tal-bniet tar-Rabat, Kan. P. Pullicino għalqet 50 sena mill-ftuħ tagħha. L-iskola kienet infetħet mill-Prim Ministru Dr. George Borg Olivier bħala skola primarja għal 650 subien tar-Rabat.
L-iskola tar-Rabat biddlet il-funzjoni tagħha minn skola primarja għal waħda sekondarja u eventwalment saret skola sekondarja tal-bniet. Illum isservi bħala skola sekondarja tal-bniet għall-inħawi tar-Rabat, Dingli u Siġġiewi. L-iskola Kan. P. Pullicino hi mibnija fuq żewġ katakombi, wieħed pre-Puniku u l-ieħor Ruman. F'dawn il-katakombi hemm 'Agape table' kwadra li tidher li hi unika fl-Ewropa.
Il-Ministru ta' l-Edukazzjoni Louis Galea attenda għaċ-ċelebrazzjoni li saret f'din l-okkażjoni. Fi kliem il-Ministru l-iskola tar-Rabat inbniet 50 sena ilu taħt il-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Borg Olivier, fi żmien meta Malta kienet għaddejja minn taqlib kbir b'konsegwenza tat-Tieni Gwerra Dinjija. Madankollu, qal il-Ministru, il-gvern ra li l-edukazzjoni kienet priorita` għall-pajjiż u għall-poplu Malti. Il-Ministru qal li, illum, minkejja li ma għandniex il-problemi li l-pajjiż kien qed jiffaċċja f'dawk iż-żminijiet, xorta waħda r-riżorsi tal-pajjiż huma limitati u xorta waħda l-Gvern għadu jqis l-edukazzjoni bħala priorita`. Għalhekk il-Gvern din is-sena reġa` żied il-vot għall-edukazzjoni b'mod sostanzjali. Il-Ministru qal li f'dawn l-aħħar ftit snin il-Gvern ħadem biex joħloq strutturi b'saħħithom li jkunu jistgħu jtejbu l-edukazzjoni f'pajjiżna f'kull livell. Il-Ministru semma r-riforma li qed isseħħ permezz tal-Kurrikulu Nazzjonali l-ġdid kif ukoll r-riforma tas-settur vokazzjonali u t-tagħlim ta' l-Edukazzjoni Teknoloġika.
Il-Ministru semma wkoll il-program ta' xogħlijiet fl-iskejjel kollha ta' l-istat li se jitwettaq fis-snin li ġejjin permezz tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' għada. Hu qal li bħal ma l-iskola tar-Rabat servietna tajjeb għal ħamsin sena hekk ukoll l-iskejjel ġodda li se jinbnew kif ukoll l-iskejjel kollha li se jiġu modernizzati għandhom iservuna għal numru sew ta' snin. Għalhekk, dak li qed ninvestu llum fl-iskejjel tagħna mhux biss huwa investiment fl-aqwa riżors li għandu l-pajjiż, iżda investiment fil-futur ta' ulied il-poplu.
F'din l-okkazjoni tħawwlu numru ta' siġar. Il-Kap ta' l-iskola Ms. Debono qalet li t-tħawwil tas-siġar jissimbolizza l-ħidma fl-edukazzjoni fis-sens li dak li niżirgħu llum ma jservix biss għal preżent iżda jgawdu minnu l-ġenerazzjonijiet futuri.
Other Press Releases:
PR261931
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...
PR261930en