Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-PRIM MINISTRU FIL-KAMRA TAR-RAPPREŻENTANTI DWAR IT-TMIEM TAN-NEGOZJATI MA’ L-UNJONI EWROPEA.

PR1755
Date Icon 16/12/2002

Nixtieq ninforma lill Kamra li nhar il-Ġimgħa, 13 ta’ Diċembru, 2002 f’isem il-Gvern aċċettajt li Malta tissieħeb fl-Unjoni Ewropea b’effett mill-1 ta’ Mejju 2004 bil-kundizzjonijiet kif negozjati bejn il-Gvern Malti u l-Unjoni Ewropea.

Flimkien ma’ Malta għalqu n-negozjati disa’ pajjiżi oħra jiġifieri Ċipru, Estonja, Latvja, Litwanja, r-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, is-Slovenja, is-Slovakkja u l-Polonja.

B’hekk it-13 ta’ Diċembru ra l-qasma bejn il-pajjiżi Ewropej tispiċċa u titwieled Ewropa Waħda. Dan huwa fatt storiku li Malta hija kburija li ħadet sehem fih. Huwa avveniment li għandu jfisser paċi u sliem, progress ekonomiku u soċjali, stabbilità politika u solidarjetà għall-pajjiżi ta’ l-Ewropa.

Malta bdiet in-negozjati tagħha fl-15 ta’ Frar 2000, wara li kienet għamlet it-talba biex tissieħeb fl-Unjoni Ewropea fis-16 ta’ Lulju, 1990. Kienet għalhekk triq twila li tulha rajna l-pajjiż jgħaddi minn żmien ta’ bidla biex issa jinsab f’pożizzjoni tajba li jsir membru fit-tkabbir li jmiss.

In-negozjati missew l-oqsma kollha politiċi, ekonomiċi u soċjali u wasslu għal qbil finali. Il-Gvern dejjem emmen li b’rieda soda u b’fiduċja fih innifsu u fil-poplu Malti seta’ jiżgura l-aħjar kundizzjonijiet għal sħubija.

Ir-riżultat irid issa jiġi ssiġillat b’referendum mill-poplu Malti.

Qabel dan isir il-Kamra ser tingħata, kif hu xieraq, l-opportunità li tesprimi ruħha fuq dan l-avveniment storiku għal Malta u għall-Ewropa f’dibattitu li jsir f’Jannar, 2003.

Irrid nirringrazzja lil dawk kollha li ħadu sehem fin-negozjati twal u spiss diffiċli.

Nirringrazzja lill-Ministru Joe Borg li taħt id-direzzjoni u l-ħarsien tiegħu saru n-negozjati, lil Richard Cachia Caruana li b’enerġija, dedikazzjoni u kompetenza kien iċ-Chairman tal-Core Negotiating Group, lill-Ambaxxatur Victor Camilleri u lill-membri l-oħra tal-istess Grupp.

Nirringrazzja lil membri tal-MEUSAC għall-kontribut tagħhom fid-diskussjonijiet dettaljati dwar kull aspett tan-negozjati. Fost dawn hemm membri li pparteċipaw fuq bażi personali u oħrajn li rrappreżentaw interessi partikolari.

Nirringrazzja lis-Segretarji Permanenti tal-Ministeri kollha tax-xogħol assidwu tagħhom kif ukoll lid-diversi Diretturi Ġenerali u Diretturi f’diversi Dipartimenti, kif ukoll dawk kollha li ħadmu magħhom.

Nirringrazzja fuq kollox lill-poplu Malti tal-mandat li ta lili u lill-Gvern tiegħi fl-elezzjoni tal-5 ta’ Settembru 1998 biex inwassal dawn in-negozjati għal tmiem b’suċċess.

Inwiegħed issa li nerġa’ ngħaddi f’idejn il-poplu Malti dan il-mandat u nistiednu biex bil-vot ħieles tiegħu f’referendum jirratifika dan il-ftehim.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozzi leġiżlattivi biex tkompli tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika

PR261931

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME  Malta Miegħek: Funding increased for music education in band clubs and voluntary organisations working with youths

PR261930en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION O...

Aktar Stqarrijiet Right arrow