RESTAWR TA’ TEŻORI STORIĊI FIL-KAPITALI TA’ PAJJIŻNA
Waqt li kien qed jżur iż-żewg proġetti ta’ restawr li qed jitwettqu mid-Ditta Sante Guido għall-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-belt Valletta, il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura Francis Zammit Dimech qal li l-ħidma li wettqet l-amministrazzjoni prezenti wasslet biex kienu investiti aktar minn Lm13-il miljun fi proġetti ta’ restawr u riabilitazzjoni fil-belt Valletta.
Francis Zammit Dimech qal li fl-1988 Gvern Nazzjonalista waqqaf il-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-belt Valletta. Minn dik is-sena ’l hawn, dan il-Proġett investa madwar Lm4.6 miljun fi proġetti ta’ riabilitazzjoni f’diversi postijiet ta` importanza nazzjonali u storika bħalma huma l-Konkatidral ta’ San Ġwann, fil-Palazz Presidenzjali, bereġ, knejjes u ġonna pubbliċi.
Minbarra dan l-investiment il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura mill-1987 wettaq xogħol ta’ rikostruzzjoni fiċ-Ċentru tal-Konferenzi tal-Mediterran li sewa Lm2.9 miljun, wettaq il-proġett ta’ riabilitazzjoni tal-Kavallier ta’ San Gakbu b’investiment ta’ Lm4.5 miljun u rrestawra u rriabilita l-Berġa ta’ l-Italja u l-faċċata tal-Knisja ta’ Santa Caterina d’Italia li nvolvew nefqa ta’ aktar minn miljun lira.
Il-Ministru żied jgħid li l-ħtiġijiet tal-kapitali ta’ pajjiżna kienu kbar ħafna minħabba l-wirt kbir storiku li fiha l-belt Valletta. Hu qal li kien għalhekk li l-Gvern qed jinvesti kontinwament f’xogħlijiet ta’ restawr u riabilitazzjoni.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li bħalissa kien qed isir xogħol ta’ riabilitazzjoni fit-tliet ġonna ewlenin tal-Belt, kienu qed jitwettqu diversi proġetti ta’ restawr fuq affreski fil-Palazz Presidenzjali u proġetti ta’ riabilitazzjoni fl-istess bini. Għas-sena 2003, il-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-belt Valletta kien se jwettaq diversi proġetti li kienu jinkludu
- Is-swar ħdejn Salinos Ground,
- Is-swar tad-daħla tal-Belt,
- Il-faċċati tad-Dar Parrokjali ħdejn il-Knisja tal-Vitorja,
- Is-sur ta’ Santa Barbara,
- Il-faċċata tat-teżoreria f’Misraħ San Ġorġ,
- Is-Sala Sant’Jiermu u kappella fil-Forti Sant’Jiermu,
- Iċ-Ċentru ta’ l-Eżamijiet fi Biagio Steps,
- Id-dħul tal-Palazz Presidenzjali,
- Il-faċċata tal-Biblioteka.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li fil-laboratorju tal-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-belt Valletta, ħaddiema tad-Ditta Sante Guido kienu qed jirrestawraw bust tal-bronz li jinsab fil-faċċata tal-Knisja tal-Vitorja u partijiet tar-ram fil-kappella ta’ San Mikiel fil-Knisja ta’ San Pawl. Hu qal li dawn iż-żewġ proġetti kienu ta’ mportanza kbira. Il-bronz tal-Knisja tal-Vitorja hu parti mill-proġett ta’ restawr tal-faċċata ta’ l-istess knisja fejn bħalissa kien qed isir restawr tal-parti ċentrali tal-faċċata li kien jinkludi l-irħam u l-ġebel dekorattiv. Fi ftit jiem oħra se jibda x-xogħol ta’ restawr tal-faċċata tad-dar tal-kappillan li tmiss mal-Knisja tal-Vitorja.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li l-proġett tal-kappella ta’ San Mikiel fil-Knisja ta’ San Pawl hu xogħol ieħor ta’ mportanza minħabba l-irħam u teżori oħra li fiha din il-kappella li tinkludi dekorazzjonijiet tar-ram u ġebel prezzjuż li minnu, sa ma beda r-restawr, ma kien jidher xejn u li llum qed terġa toħroġ is-sbuħija tiegħu.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li kull investiment fil-wirt storiku ta’ pajjiżna kien flus minfuqa tajjeb. Mhux biss biex kull Malti jsir aktar konxju mill-istorja millenarja ta’ pajjiżna, iżda anke għaliex l-istorja kienet niċċa oħra tas-settur turistiku li kien jiġġenera kwart tal-ġid nazzjonali.
Stqarrijiet Oħra:
PR261931
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...
PR261930en