Left arrow Go Back

INDIRIZZ MILL-E.T. IL-PROF. GUIDO DE MARCO, PRESIDENT TA’ MALTA – SALA TAL-GRAN KUNSILL, IL-PALAZZ, VALLETTA – 13 TA’ DICEMBRU 2002

PR1745
Date Icon 13/12/2002

Illum il-poplu Malti qiegħed jiċċelebra l-fondazzjoni tar-Repubblika. Għaxar snin wara li Malta saret Sovrana u Indipendenti, konna wasalna għal pass ieħor importanti fl-Iżvilupp istituzzjonali ta’ Ġensna - Repubblika demokratika, bbażata fuq ix-xogħol u fuq ir-rispett għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ l-individwu. Għall-ewwel darba fl-evoluzzjoni kostituzzjonali tagħha, Malta kellha kap ta’ stat li huwa bin ‘din l-art ħelwa, l-omm li tatna isimha’.

Huwa importanti li nieqfu ftit u nħarsu lejn l-iżvilupp storiku ta’ pajjiżna: żvilupp storiku fejn ħafna kienu dawk li ħadmu u tħabtu għad-drittijiet ta’ pajjiżna u għall-Indipendenza tagħna, pero’ ma kellhomx ix-xorti li jaraw din id-dinjita’ tal-poplu Malti titwettaq. Huwa għalhekk opportun nagħtu ġieħ lil dawk il-politiċi li fil-milja ta’ l-istorja ta’ pajjiżna u fl-evoluzzjoni storika tiegħu, tefgħu ż-żerriegħa biex aħna stajna naraw il-frott.

Mal-politiċi għandna nsemmu lil min fir-rispett tal-lingwa tagħna saħħaħ l-identita’ Maltija. Irrid insemmi l-kontribut ta’ l-Universita’ ta’ Malta għall-ħajja intellettwali ta’ pajjiżna; l-ħaddiema li drabi b’sagrifiċċji personali u b’riskju għal xogħolhom bnew l-unions tagħhom li llum huma parti ewlenija mis-sħab soċjali.

Bnejna f’Malta soċjeta’ solidali li tirrikonoxxi d-drittijiet ta’ kull Malti u Maltija. Fi sfond ta’ ċivilta’, permezz ta’ liġijiet u l-attwazzjoni tagħhom ikkonsolidajna l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u f’kontest ta’ soċjeta’ parteċipattiva u inklussiva min hu b’diżabilita’ ma’ baqax emarġinat. Agħmilna mid-dinja tax-xogħol, id-dinjita’ tal-ħaddiem.

Illum ser nonoraw lil dawk li taw il-kontribut tagħhom biex f’pajjiżna tinbena din is-soċjeta’ solidali. Kull sena meta nagħti dawn l-onorifiċenzi nħoss li qiegħed nonqos lejn dawk il-ħafna oħrajn li wkoll taw il-kontribut tagħhom lil artna. Irrid f’dan il-jum naċċertahom li l-President ta’ Malta jixtieq juri l-apprezzament tiegħu lil dawk li mhux imsejħa biex jirċievu onorifiċenzi, għalkemm jistħoqqilhom. Huma bosta fil-volontarjat, fil-mediċina, fil-liġi, fl-amministrazzjoni pubblika, fis-servizz tal-Knisja, fil-ħarsien tat-tradizzjonijiet, fl-iskejjel u fl-Universita’ li qegħdin jagħtu servizz lil ġensna u dawn jixirqilhom kull ġieħ.

Il-poplu Malti riesaq lejn sena ġdida li fiha hu mistenni jieħu deċiżjonijiet li jibqgħu jinħassu għal snin twal, għal ġenerazzjonijiet ta’ Maltin.

Id-djalogu f’pajjiżna huwa mibni fuq il-konfront tal-fehmiet politiċi. Nistqarr li għalkemm xi drabi dan il-konfront jista’ jiġi nterpretat bħala firda, il-partiti politiċi tagħna juru sens ta’ responsabilita’ fil-mod kif iwasslu l-fehmiet kontrastanti tagħhom. Għaliex id-diversita’ fl-opinjonijiet, meta liberament diskussi u onestament nfissra, m’humiex firda iżda djalogu f’demokrazija b’saħħitha.

Fondamentali għal kull demokrazija, pero’, huwa li f’kontest ta’ fehmiet differenti, għandha torbot sovrana r-rieda tal-poplu. Din hija d-demokrazija: id-dibattitu, il-vot, ir-rispett tad-deċiżjoni tal-poplu.

Dawn huma l-ħsibijiet li rrid naqsam magħkom illum f’Jum ir-Repubblika, jum li flimkien mal-festi l-oħra nazzjonali, huwa rabta oħra fl-istorja ta’ pajjiżna. F’dan il-kontest japplikaw ħafna il-kliem li kien qal l-istoriku Franċiż, Ernest Renan, fis-Sorbonne mija u għoxrin sena ilu, meta staqsa, ‘X’inhija nazzjon?’ Hu wieġeb hekk:

‘In-nazzjon hi ruħ, hi prinċipju spiritwali. Żewġ affarijiet, li fil-verita’ huma waħda, jikkostitwixxu din ir-ruħ, dan il-prinċipju spiritwali. Waħda tinsab fil-passat, l-oħra tinsab fil-preżent. Waħda hi l-legat rikk ta’ memorji li lkoll nippossjedu; l-oħra hi l-kunsens li jeżisti llum, ix-xewqa li ngħixu flimkien, il-volonta’ li nkomplu ngħożżu dan il-wirt sħiħ li aħna rċevejna; li ngawdu flimkien il-glorja tal-passat u r-rieda għalenija fil-preżent; ... Wieħed iħobb id-dar li bena, li jkompli jgħaddiha lil ta’ warajh.’

Għaliex l-istorja mhix biss in-nisġa tal-passat iżda r-rabta tal-bieraħ ma’ għada. Din ir-rabta ta’ ġens tagħtina l-fiduċja li nħarsu lejn il-futur b’kuraġġ u fl-għaqda. Biex din id-dar li aħna bnejna b’tant imħabba ngħadduha isbaħ lil uliedna.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozzi leġiżlattivi biex tkompli tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika

PR261931

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME  Malta Miegħek: Funding increased for music education in band clubs and voluntary organisations working with youths

PR261930en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION O...

More Press Releases Right arrow